Language of document : ECLI:EU:F:2013:114

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑111/10

AN

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Drittijiet u obbligi tal-uffiċjal — Fatti li joħolqu suppożizzjoni għall-eżistenza ta’ attività illegali li tippreġudika l-interessi tal-Unjoni — Dmir tal-uffiċjal li jinforma lill-ġerarkija tiegħu jew lill-OLAF — Talba għal protezzjoni skont l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AN titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċaħda tat-talba tagħha intiża għall-kisba tal-eleminazzjoni ta’ ċerti rimarki li jinsabu f’żewġ noti indirizzati lilha mill-kapijiet ġerarkiċi tagħha, l-għoti tal-protezzjoni prevista mill-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar ritaljazzjoni li tagħha hija kienet vittma. Barra minn hekk, hija titlob kumpens għad-dannu li hija tallega li sofriet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors ġie miċħud. AN għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Kunċett — Klassifikazzjoni li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju — Obbligu li jitressaq direttament l-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1) u (2))

3.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar ta’ fatti li joħolqu suppożizzjoni għall-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas gravi — Protezzjoni kontra proċeduri dixxiplinarji — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a(3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 2)

4.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Osservazzjonijiet negattivi indirizzati lil uffiċjal — Esklużjoni — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

5.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Għajdut — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

1.      Il-klassifikazzjoni legali ta’ ittra ta’ uffiċjal bħala “talba” jew “ilment” tiddependi biss mill-evalwazzjoni tal-qorti u mhux mill-volontà tal-partijiet. F’dan ir-rigward, ittra li permezz tagħha uffiċjal jimmanifesta l-volontà tiegħu li jikkontesta deċiżjoni tikkostitwixxi lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux talba.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ April 1998, Cordiale vs Il‑Parlament, T‑205/95, punti 34 u 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, AH vs Il‑Kummissjoni, F‑76/09, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-preżenza ta’ deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra u li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil uffiċjal, dan, meta jkollu l-intenzjoni li jitlob l-annullament, il-bdil jew l-irtirar ta’ dan l-att, għandu mhux iressaq talba, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda juża l-proċedura ta’ ilment, prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 77)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, punt 40

3.      Il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, imsemmija wkoll fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396, dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet, hija mogħtija, mingħajr ebda formalità, lill-uffiċjali li jkunu taw informazzjoni dwar fatti li joħolqu suppożizzjoni għall-eżistenza ta’ attività illegali, u dan minħabba s-sempliċi fatt li jkunu pprovdew l-imsemmija informazzjoni.

Madankollu, l-imsemmija protezzjoni ma toffrix lill-uffiċjali protezzjoni kontra kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tikkawżalu preġudizzju iżda biss kontra d-deċiżjonijiet marbuta mal-akkużi li huwa jagħmel.

(ara l-punti 86 u 90)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punt 139

4.      Osservazzjonijiet negattivi indirizzati lil uffiċjal għaldaqstant ma jattakkawx il-personalità, id-dinjità jew l-integrità tiegħu sa fejn huma magħmula f’termini meqjusa u fejn ma jirriżultax mill-elementi tal-fajl li dawn iserħu fuq akkużi abbużivi u li ma għandhom l-ebda rabta ma’ fatti oġġettivi.

(ara l-punt 98)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Menghi vs ENISA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110

5.      Għajdut, anki jekk tkun infondata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova ta’ fastidju psikoloġiku kontra uffiċjal jew tal-eżistenza ta’ kwalunkwe aġir kundannabbli li tista’ tkun akkużata bih l-amministrazzjoni.

(ara l-punt 100)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il‑Kummissjoni, T‑496/93, punt 48