Language of document : ECLI:EU:C:2019:37

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-17 ta’ Jannar 2019(1)

Kawża C133/18

Sea Chefs Cruise Services GmbH

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 171 — Rimbors tal-VAT — Direttiva 2008/9/KE — Artikolu 20 — Talba għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru ta’ rimbors — Informazzjoni mitluba biex tingħata lill-Istat Membru ta’ rimbors f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata — Natura legali ta’ terminu u konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità”






1.        Meta persuna taxxabbli tonqos milli twieġeb, fi żmien xahar kif stipulat mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (2), għal talba għal iktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti, dan ikun ifisser li awtomatikament titlef id-dritt tagħha li titlob kreditu tal-VAT? Din essenzjalment hija l-kwistjoni mqanqla minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        Din it-talba, għalhekk, tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9. It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fi proċeduri quddiem it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza) bejn Sea Chefs Cruise Services GmbH (iktar ’il quddiem “Sea Chefs”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u l-Ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u għall-Kontijiet Pubbliċi, Franza) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad t-talba ta’ Sea Chefs għar-rimbors ta’ kreditu tal-VAT għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014.

3.        Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-terminu ta’ xahar biex tingħata informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9, jikkostitwixxix terminu obbligatorju, jiġifieri, terminu li n-nuqqas ta’ konformità miegħu jwassal għad-dekadenza tad-dritt għal rimbors jew, sussidjarjament, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix interpretazzjoni li biha jkun possibbli li tiġi rregolarizzata talba għal rimbors tal-VAT billi jiġu prodotti provi fil-kuntest ta’ appell skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva.

4.        Qabel ma jitqiesu kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ, madankollu, li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2006/112

5.        L-Artikolu 169 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (4), jipprovdi:

“Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), li twettqu barra mill-Istat Membru li fih dik it-taxxa hi dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tiegħu il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn twettqu f’dak l-Istat Membru;

[…]”

6.        L-Artikolu 170 ta’ dik id-direttiva jipprovdi:

“Il-persuni taxxabbli kollha li, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9/KE u l-Artikolu 171 ta’ din id-Direttiva, mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169;

(b)      transazzjonijiet li għalihom it-taxxa hija pagabbli biss mill-konsumatur skond l-Artikoli 194, 197 u 199.”

7.        L-Artikolu 171ta’ dik id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE.

[…]”

2.      Id-Direttiva 2008/9

8.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/9 jipprovdi:

“Sabiex tirċievi rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha tindirizza applikazzjoni elettronika għal rifużjoni lil dak l-Istat Membru u tippreżentaha lill-Istat Membru li fih hija stabbilita permezz tal-portal elettroniku stabbilit minn dak l-Istat Membru.”

9.        L-Artikolu 8 jipprovdi:

“1.      L-applikazzjoni għal rifużjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-isem u l-indirizz sħiħ ta’ l-applikant;

(b)      indirizz għal kuntatt b’mezzi elettroniċi;

(c)      deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju ta’ l-applikant li għaliha jiġu akkwistati l-merkanzija u s-servizzi;

(d)      il-perijodu ta’ rifużjoni kopert mill-applikazzjoni;

(e)      dikjarazzjoni mill-applikant li huwa ma jkun forna l-ebda merkanzija u servizz meqjus li jkun fornut fl-Istat Membru ta’ rifużjoni matul dak il-perijodu ta’ rifużjoni bl-eċċezzjoni tat-transazzjonijiet imsemmijin fil-punti (i) u (ii) ta’ l-Artikolu 3(b);

(f)      n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa ta’ l-applikant;

(g)      dettalji tal-kont tal-bank inklużi l-kodiċijiet IBAN u BIC.

2.      Flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tindika, għal kull Stat Membru ta’ rifużjoni u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, id-dettalji li ġejjin:

(a)      l-isem u l-indirizz sħiħ tal-fornitur;

(b)      ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa tal-fornitur, kif allokat mill-Istat Membru ta’ rifużjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 239 u 240 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(c)      ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, il-prefiss ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 215 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)      id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni;

(e)      l-ammont taxxabbli u l-ammont tal-VAT imniżżlin fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(f)      l-ammont tal-VAT deduċibbli kkalkolat skond l-Arikolu 5 u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6 espress fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(g)      fejn applikabbli, il-proporzjon deduċibbli kkalkolat skond l-Artikolu 6, espress bħala perċentwali;

(h)      in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati, deskritti skond il-kodiċijiet fl-Artikolu 9.”

10.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/9 jipprovdi:

“L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru ta’ stabbiliment sat-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata biss jekk l-applikant ikun mela l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11.

[…]”

11.      L-Artikolu 20 ta’ dik id-direttiva jipprovdi:

“1.      Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jikkunsidra li huwa m’għandux l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, huwa jista’ jitlob, b’mezz elettroniku, għal informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mill-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, fi żmien il-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 19 (2). Fejn l-informazzjoni addizzjonali tintalab minn xi ħadd ieħor minbarra l-applikant jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir biss b’mezz elettroniku jekk dan il-mezz ikun disponibbli għar-riċevitur tat-talba.

Jekk meħtieġ, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob aktar informazzjoni addizzjonali.

L-informazzjoni mitluba skond dan il-paragrafu tista’ tinkludi l-preżentazzjoni ta’ l-oriġinal jew ta’ kopja tal-fattura rilevanti jew dokument rilevanti ta’ importazzjoni fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jkollu dubbji raġonevoli rigward il-validità jew il-preċiżjoni ta’ talba partikolari. F’dak il-każ, il-limiti msemmijin fl-Artikolu 10 m’għandhomx japplikaw.

2.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt il-paragrafu 1 fi żmien xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata.”

12.      L-Artikolu 21 ta’ dik id-direttiva jipprovdi:

“Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jitlob informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni għal rifużjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni mitluba jew, jekk ma jkunx irċieva tweġiba għat-talba tiegħu, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(2). […]

[…]”

13.      L-Artikolu 23 ta’ dik id-direttiva jipprovdi:

“1.      Fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni tiġi rrifjutata interament jew parzjalment, ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu notifikati mill-Istat Membru ta’ rifużjoni lill-applikant flimkien mad-deċiżjoni.

2.      L-appelli dwar deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal rifużjoni jistgħu jsiru mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-forom u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għall-appelli fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal rifużjoni minn persuni li huma stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali

14.      L-Artikolu 242-0 W tal-Anness II tal-code general des impôts (il-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa), li kien inkluż biex jittrasponi l-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE, imsemmi iktar ’il fuq, jipprovdi:

“I. — L-awtorità tat-taxxa tista’ titlob b’mezzi elettroniċi […] informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mingħand l-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fejn hija tkun stabbilita, meta tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddeċiedi kompletament jew parzjalment dwar it-talba għal rimbors imressqa mill-applikant. Meta dik l-informazzjoni addizzjonali tintalab mingħand xi ħadd li ma jkunx l-applikant jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir b’mezzi elettroniċi biss jekk min jirċievi t-talba jkollu tali mezzi. Jekk tqis li tkun meħtieġa, l-awtorità tat-taxxa tista’ titlob iktar informazzjoni addizzjonali. Fil-kuntest ta’ dawk l-applikazzjonijiet l-awtorità tat-taxxa tista’ titlob li l-applikant jipprovdi oriġinali ta’ fattura jew dokument ta’ importazzjoni meta jkollha raġuni tiddubita mill-validità jew mill-korrettezza ta’ talba partikolari. It-talba tista’ tkopri kull waħda mit-tranżazzjonijiet mingħajr ma jitqies l-ammont tagħhom.

II. — Kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet ta’ I għandha tingħata fi żmien xahar mid-data li fiha d-destinatarju jkun irċieva t-talba għal informazzjoni”.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Fis-17 ta’ Settembru 2015, Sea Chefs applikat mal-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi għar-rimbors ta’ kreditu tal-VAT għal EUR 40 054.31 għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014. L-ammont tat-talba fil-kawża prinċipali huwa limitat għal EUR32 143.47.

16.      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2016, it-talba ta’ Sea Chefs ġiet miċħuda kollha kemm hi minħabba li kienet naqset milli twieġeb talba għal informazzjoni addizzjonali mibgħuta lilha mill-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi permezz ta’ posta elettronika fl-14 ta’ Diċembru 2015.

17.      Permezz ta’ rikors u nota, rreġistrati fis-7 ta’ April 2016 u fit-2 ta’ Jannar 2017, Sea Chefs talbet lit-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) biex, inter alia, tordna r-rimbors ta’ kreditu tat-taxxa tal-VAT għal EUR 32 143.47 għall-perijodu rilevanti.

18.      Permezz ta’ dokumenti, ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2016 u fit-28 ta’ Diċembru 2017, id-Direttur tad-Direttorat għat-taxxi ta’ persuni mhux residenti ssottometta li t-talba kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li ma kienx ġie osservat it-terminu ta’ xahar għal tweġiba skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 u traspost fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 242‑0 W tal-Anness II tal-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa. Skont id-direttur imsemmi, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ xahar, it-talba ddekadiet. Id-Direttur sostna wkoll li kien impossibbli li t-talba għar-rimbors tal-VAT tkun irregolarizzata billi jiġu prodotti provi quddiem il-qorti fiskali li tistabbilixxi dritt għal rimbors.

19.      Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) issospendiet il-proċeduri relatati mar-rikors ta’ Sea Chefs, bagħtet il-proċess tal-kawża quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) skont l-Artikolu L.1‑113 tal-code de justice administrative (il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva) u ssottomettiet għadd ta’ mistoqsijiet lill-Kunsill tal-Istat.

20.      Il-Kunsill tal-Istat iddeċieda dwar il-mistoqsijiet permezz ta’ avis contentieux (opinjoni fi proċedura kontenzjuża) nru 412053 tat-18 ta’ Ottubru 2017.

21.      It-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil), tqis inter alia, li meta l-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi ma jkollhomx l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom li tippermettilhom jiżguraw li l-persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fi Franza tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet għal rimbors tal-VAT fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi mogħtija lilha fi Franza, l-awtoritajiet jistgħu jitolbu tali informazzjoni mingħand il-persuna taxxabbli b’mezzi elettroniċi. Il-persuna taxxabbli jkollha xahar, minn meta tirċievi t-talba, sabiex tipprovdi l-informazzjoni.

22.      Din il-qorti tqis ukoll li biex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema tal-VAT, id-Direttiva 2008/9 tistabbilixxi termini li jiżguraw trattament ta’ malajr ta’ applikazzjonijiet għal rimbors, u applikanti għandhom ikunu konformi magħhom. Madankollu, it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil), tinnota li la d-Direttiva 2008/9 u ebda dispożizzjoni nazzjonali ma jistabbilixxu l-konsegwenzi għad-dritt għal rimbors tal-VAT meta ma jiġix osservat it-terminu għal tweġiba. B’mod partikolari, skont dik il-qorti, l-ebda wieħed mit-testi leġiżlattivi ma jistabbilixxi b’mod ċar jekk il-persuna taxxabbli għandhiex il-possibbiltà li tirregolarizza l-applikazzjoni tagħha quddiem il-qorti fiskali jew jekk l-applikazzjoni tagħha tkunx iddekadiet.

23.      Sea Chefs argumentat quddiem it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) li l-fatt li jkun impossibbli għaliha li tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/9 huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT iggarantit mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. In-newtralità tal-VAT hija żgurata minn dritt għal tnaqqis sħiħ, li huwa prinċipju fundamentali tal-VAT u jinkludi d-dritt għal azzjoni legali.

24.      Sea Chefs sostniet ukoll li n-nuqqas ta’ possibbiltà li t-talba tagħha għal rimbors tal-VAT tkun irregolarizzata quddiem qorti huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-VAT. Skont Sea Chefs, filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jiżguraw li persuna taxxabbli tissodisfa l-obbligi tagħha li tiddikjara u tħallas il-VAT, u jistgħu jimponu obbligi oħra għall-ġbir korrett tal-VAT u għall-prevenzjoni ta’ frodi, dawk l-awtoritajiet ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

25.      Skont it-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil), il-kwistjoni jekk ir-regola ta’ dekadenza inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità hija deċiżiva għas-soluzzjoni tat-tilwima li dwarha dik il-qorti għandha tiddeċiedi, u tippreżenta diffikultà serja.

26.      F’dawk iċ-ċirkustanzi t-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li joħolqu regola ta’ dekadenza li timplika li persuna taxxabbli ta’ Stat Membru li titlob rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud mingħand Stat Membru li fih ma tkunx stabbilixxiet ruħha ma tistax tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors quddiem qorti tat-taxxa jekk ma tkunx osservat it-terminu ta’ risposta għal talba għal informazzjoni fformulata mill-amministrazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) jew, bil-kuntrarju, fis-sens li din il-persuna taxxabbli tkun tista’, fil-kuntest tad-dritt għal appell previst fl-Artikolu 23 tad-direttiva u fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tirregolarizza t-talba tagħha quddiem il-qorti tat-taxxa?”

III. Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Sea Chefs, mill-Gvern Franċiż u Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha informazzjoni biżżejjed biex tiddeċiedi mingħajr seduta skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

28.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/9, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi r-regoli għar-rimbors tal-VAT, kif previst fl-Artikolu 170 tad-Direttiva 2006/112, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rimbors, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9. Id-dritt ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li tikseb ir-rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor, bil-mod irregolat mid-Direttiva 2008/9, huwa l-kontroparti tad-dritt ta’ tali persuna, stabbilit mid-Direttiva 2006/112 li titnaqsilha VAT tal-input imħallsa fl-Istat Membru tagħha stess (5).

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ persuni taxxabbli li titnaqqas il-VAT dovuta jew diġà mħallsa fuq oġġetti mixtrija u servizzi riċevuti bħala input mill-VAT li huma jkollhom iħallsu huwa prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Is-sistema ta’ tnaqqis u, għaldaqstant, is-sistema ta’ rimbors, hija intiża biex teħles kompletament lill-operatur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa matul l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT għalhekk tiżgura n-newtralità fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikun x’ikun l-għan jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet ikunu fihom innifishom, fil-prinċipju, suġġetti għall-VAT. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT huwa, madankollu, bla ħsara għall-konformità ma’ rekwiżiti jew kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali (6).

30.      Minkejja l-paralleli li nsiltu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT u d-dritt għal rimbors tal-VAT, ir-regoli tad-Direttiva 2008/9 dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’talba għal rimbors (7) u t-termini biex tintbagħat talba għal rimbors (8) huma bil-bosta iktar iddettaljati minn dawk dwar it-tnaqqis tal-VAT li jinsabu fid-Direttiva 2006/112(9).

31.      Pereżempju, id-Direttiva 2006/112 ma tgħid xejn dwar terminu li fih għandha titnaqqas il-VAT. Madankollu, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2016, fil-sentenza Astone (10), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-Artikoli 167, 168, 178, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 u l-Artikoli 180 u 182 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ limitazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, sakemm jitħarsu l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien għall-qorti tar-rinviju li tivverifika. Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade (11) u tat-12 ta’ Lulju 2012, EMS-Bulgaria Transport (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis kien imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jitlob li l-pożizzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, meqjusa d-drittijiet u l-obbligi tagħha vis-à-vis l-awtorità fiskali, ma tkunx suġġetta għal kontestazzjoni b’mod indefinit.

32.      Għall-kuntrarju, id-Direttiva 2008/9 tistabbilixxi sensiela ta’ termini fir-rigward tal-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ talba u għall-għoti ta’ rimbors tal-VAT. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom (13), li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 stabbilixxiet terminu mandatorju għall-preżentazzjoni ta’ talba għal rimbors tal-VAT u li nuqqas ta’ konformità ma’ dak it-terminu kien iwassal biex id-dritt għal rifużjoni jiddekadi.

33.      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-użu tal-kliem “fi żmien” (au plus tard) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (14) u “sa” (au plus tard) fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 kien għamel it-termini speċifikati mandatorji u li ma huwiex iktar possibbli li titressaq talba għar-rimbors tal-VAT wara d-dati inkwistjoni.

34.      Inċidentalment, madankollu, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom (15) ma attribwiet ebda sens imperattiv użat fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

35.      Bid-differenza tat-terminu previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, ma huwiex ċar mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 20(2) ta’ dik id-direttiva jekk it-terminu ta’ xahar stabbilit hemmhekk huwiex mandatorju, minħabba li termini bħal “fi żmien” jew “sa” ma jinsabux f’din l-aħħar dispożizzjoni. L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva ċertament juża t-terminu “għandu”, iżda fiċ-ċirkustanzi ma nqisx l-użu ta’ din il-kelma bħala determinanti għal din il-kwistjoni.

36.      Għall-kuntrarju, min-naħa tiegħi nqis li l-assenza ta’ tali termini bħal “sa” fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9, kuntrarjament għall-Artikolu 15(1) ta’ dik id-direttiva, bħala ta’ importanza u mhux sempliċement inċidentalment. Din l-ommissjoni b’mod ċar tissuġġerixxi li l-leġiżlatur Ewropew ma riedx jistabbilixxi terminu mandatorju fl-ewwel dispożizzjoni msemmija (16). Meqjusa n-natura fundamentali tad-dritt għar-rimbors tal-VAT fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li huwa ċentrali għal dik is-sistema, li jkunu stabbiliti termini mandatorji li jwasslu għad-dekadenza ta’ dan id-dritt għandu neċessarjament isir b’mod ċar u inekwivoku bi kliem espliċitu li jinsab fid-direttiva nnifisha.

37.      Irrid ninnota wkoll li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/9, l-Istat Membru li jkun qiegħed jittratta t-talba għal rimbors jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant jew mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk niġu f’dan, mingħand terzi. L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 madankollu, jistabbilixxi terminu uniformi ta’ xahar biex tingħata l-informazzjoni mitluba, indipendentement mill-identità tad-destinatarju tat-talba.

38.      Dan il-fatt waħdu, fil-fehma tiegħi, jindika b’mod qawwi li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi (17) ma tistax tkun korretta. Għalkemm id-dritt għal tnaqqis huwa aspett fundamentali tas-sistema kollha tal-VAT, kieku din l-interpretazzjoni kienet korretta, dan ikun ifisser li d-dritt tal-persuna taxxabbli f’dan ir-rigward kien għalkollox vulnerabbli għall-azzjonijiet ta’ terzi, li mhux kollha jkunu fil-pożizzjoni li jwieġbu għal talba bħal din f’dak it-terminu relattivament qasir. Dan jista’, għaldaqstant, ikun manifestament inġust jekk in-nuqqas min-naħa ta’ terzi – bħal, pereżempju, l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ stabbiliment – li jagħtu l-informazzjoni mitluba fit-terminu speċifikat fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, ikun jista’ jwassal għad-dekadenza tad-dritt għal rimbors ta’ persuna taxxabbli.

39.      Din il-konklużjoni hija wkoll sostnuta meta titqies il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tisħaq dwar l-importanza tad-dritt ta’ kull persuna għal amministrazzjoni tajba (18) u d-dritt għal rimedju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (19). F’dan il-kuntest inqis li aspett essenzjali tad-dritt ta’ kull persuna għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal rimedju effettiv huwa li dritt sostantiv iggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jingħeleb jew jintemm bl-applikazzjoni ta’ terminu li jista’ jiġi applikat b’mod inġust jew arbitrarju. Madankollu din tkun is-sitwazzjoni hawnhekk jekk, pereżempju, id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas kien jiddekadi awtomatikament minħabba nuqqas ta’ parti oħra li twieġeb għat-talba għal informazzjoni f’terminu ta’ xahar.

40.      Wieħed għandu jiftakar ukoll li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9 jistabbilixxi terminu li fih l-Istat Membru ta’ rimbors jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta t-talba tiegħu għal rimbors wara li jirċievi l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, jew jekk ma jkunx irċieva tweġiba għat-talba tiegħu. Jista’, għalhekk, jingħad li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9 ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istat Membru japprova rimbors tal-VAT minkejja l-fatt li l-applikant ma jkunx wieġeb għal talba għal informazzjoni addizzjonali. Dan jikkostitwixxi prova ulterjuri li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 20(2) ma kienx intiż li jkun mandatorju fis-sens li nuqqas ta’ konformità awtomatikament itemm id-dritt għal tnaqqis.

41.      Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2008/9, jekk l-applikant ma jibgħatx l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Istat Membru ta’ rimbors fit-terminu speċifikat, ma jkunux dovuti interessi lill-applikant mill-Istat Membru inkwistjoni fuq l-ammont tar-rimbors li għandu jitħallas skont it-terminu stabbilit mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/9. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2008/9 huwa, għalhekk, b’mod ċar ibbażat fuq il-premessa li n-nuqqas ta’ konformità mat-terminu biex tingħata informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 20(2) ma jġibx miegħu id-dekadenza tad-dritt għal rimbors tal-VAT.

42.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għalhekk, inqis lili nnifsi obbligat nikkonkludi li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 ma huwiex mandatorju fis-sens li fih kien ġie applikat mill-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi f’dan il-każ. Minkejja l-fatt, madankollu, li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 ma huwiex mandatorju, xorta waħda jista’ jiġi osservat li nuqqas ta’ konformità ma’ dak it-terminu ma jkunx mingħajr konsegwenzi.

43.      L-ewwel nett, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9, meta l-Istat Membru ta’ rimbors ma jkunx irċieva tweġiba għat-talba tiegħu għal informazzjoni addizzjonali huwa għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta t-talba għal rimbors fi żmien xahrejn mill-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 20(2) ta’ dik id-direttiva. L-assenza ta’ tweġiba b’hekk, fil-prinċipju, tagħti bidu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għal rimbors li tista’ mbagħad tiġi appellata mill-applikant skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2008/9.

44.      L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2008/9 ma jistabbilixxix regoli ddettaljati dwar id-dritt ta’ appell li hemm fih. Fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni jew limitazzjoni, bla ħsara għaż-żewġ rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-portata tal-appell hija kwistjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali. Isegwi, għalhekk, li fil-prinċipju tal-inqas, jista’ jkun hemm appelli quddiem korp amministrattiv u/jew korp ġudizzjarju u jitqiesu fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt.

45.      Minħabba li nqis li t-terminu li jinsab fl-Artikolu 20(2) ma huwiex mandatorju u li l-applikant ma tilifx id-dritt tiegħu għal rimbors tal-VAT minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ talba għal informazzjoni addizzjonali fit-terminu speċifikat, l-applikant jista’ jissottometti l-informazzjoni addizzjonali mitluba iktar qabel mill-Istat Membru ta’ rimbors fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell biex jirregolarizza t-talba tiegħu għal rimbors.

46.      Biex ikun żgurat li din il-possibbiltà ma tintużax sistematikament u li t-terminu stabbilit mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 ikun madankollu osservat, inqis li sakemm għal darba oħra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jiġu osservati, l-Istat Membru ta’ rimbors jista’ – iżda ma huwiex obbligat – jordna li l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ appell li jirriżultaw min-nuqqas tal-applikant li jipprovdi informazzjoni addizzjonali fit-terminu stabbilit f’dik id-dispożizzjoni jitħallsu minn dan tal-aħħar.

47.      Fit-tieni lok, kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ tweġiba fil-ħin għat-talba għal informazzjoni addizzjonali jista’ jkollu implikazzjonijiet skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2008/9 fir-rigward tal-interessi dovuti lill-applikant jekk ir-rimbors tal-VAT jitħallas tard.

V.      Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mit-Tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) kif ġej:

L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, p. 23) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma joħloqx terminu mandatorju, li n-nuqqas ta’ konformità miegħu jirriżulta fid-dekadenza awtomatika tad-dritt għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minn Stat Membru. Persuna taxxabbli tista’, għalhekk, tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors tal-VAT billi tipproduċi provi fil-kuntest ta’ appell skont l-Artikolu 23 ta’ dik id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2008 L 44, p. 23.


3      ĠU 2006 L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


4      ĠU 2008 L 44, p. 1.


5      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen (C‑533/16, EU:C:2018:204, punti 34 u 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen (C‑533/16, EU:C:2018:204, punti 37 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/9. Jidher mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-talba għal rimbors ta’ Sea Chefs kienet intbagħtet fil-ħin skont l-Artikolu 15(1) ta’ dik id-direttiva. Barra minn hekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li Sea Chefs kienet naqset milli tkun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/9 biex b’hekk hija kienet bagħtet talba għal rimbors tal-VAT valida u kompleta. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda suġġeriment li kienet tqajmet xi kwistjoni ta’ frodi jew ta’ abbuż ta’ drittijiet.


8      Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9.


9      Ara l-Artikolu 178 tad-Direttiva 2006/112 dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.


10      C‑332/15, EU:C:2016:614, punt 39.


11      C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267, punt 44.


12      C‑284/11, EU:C:2012:458, punt 48.


13      C‑294/11, EU:C:2012:382, punti 26 u 33.


14      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79.


15      C‑294/11, EU:C:2012:382, punti 26 u 33.


16      Tali approċċ ikun ukoll konformi mal-approċċ tal-leġiżlatur Ewropew għall-proċeduri li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT u tal-assenza fid-Direttiva 2006/112 ta’ kwalunkwe terminu speċifiku għat-tressiq ta’ talba għal tnaqqis.


17      Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


18      Ara, b’analoġija, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li torbot, inter alia, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ma humiex marbuta bl-Artikolu 41 tal-Karta, dawn huma suġġetti għall-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba kif stabbilit f’dak l-artikolu tal-Karta fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba li dik id-dispożizzjoni tirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, HN, (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50).


19      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punt 82). Fir-rigward tad-dritt ta’ appell skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2008/9, ara l-punti 44 sa 46 iktar ’il quddiem.