Language of document : ECLI:EU:F:2013:35

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑125/11

Isabel Mendes

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni – Dmir tal-amministrazzjoni li tinterpreta l-ilmenti bi spirtu miftuħ – Tibdil fl-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jinżammu t-testijiet tad-dħul – Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu I. Mendes titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 li biha ma ġietx ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li hija allegatament sofriet minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10, tas-7 ta’ April 2011, li biha r-rikorrenti ma ġietx ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti EUR 2 000. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Kunċett – Klassifikazzjoni li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Dmir tal-amministrazzjoni li tinterpreta l-ilmenti bi spirtu miftuħ

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Kundizzjonijiet għal suċċess – Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni – Tibdil tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jinżammu t-testijiet tad-dħul bl-effett li jitnaqqsu ċ-ċansijiet ta’ suċċess tal-kandidati f’dawn it-testijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(1)(e))

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Kundizzjonijiet għal suċċess – Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni – Tibdil tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jinżammu t-testijiet tad-dħul bl-effett li jitnaqqsu ċ-ċansijiet ta’ suċċess tal-kandidati f’dawn it-testijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1 (1)(e))

5.      Uffiċjali – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Invokazzjoni inkwantu ġustifikazzjoni ta’ miżura li tmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Esklużjoni

1.      Il-klassifikazzjoni ġuridika eżatta ta’ ittra jew ta’ nota taqa’ taħt l-evalwazzjoni esklużiva tal-qorti u ma toħroġx mill-volontà tal-partijiet. Tikkostitwixxi lment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ittra li biha uffiċjal, mingħajr ma jitlob espressament l-irtirar tad-deċiżjoni inkwistjoni, juri biċ-ċar ir-rieda tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. F’dan ir-rigward, il-kontenut tal-att jipprevali fuq il-forma.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C-154/99 P, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 1998, Brems vs Il-Kunsill, T-219/97, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament, T-354/03, punt 43

2.      Il-proċedura prekontenzjuża, li matulha l-persuni kkonċernati jistgħu jaġixxu mingħajr l-intervent ta’ avukat, hija ta’ natura informali u, konsegwentement, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, bil-kontra, teżaminahom bi spirtu miftuħ.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 2004, Schumann vs Il-Kummissjoni, T-49/03, punt 39

3.      It-tibdil fir-regoli dwar l-għoti tal-marki lit-testijiet previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni huwa ta’ natura li jaffettwa ċ-ċansijiet ta’ persuna kkonċernata li tiġi inkluża fil-lista tal-kandidati ammessi għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, inkwantu tali tibdil jista’ jkollu bħala effett żieda fin-numru ta’ kandidati li jiksbu l-marka minima fit-testijiet, filwaqt li jnaqqas, konsegwentement, iċ-ċansijiet tagħha li ssib ruħha fost l-aħjar kandidati. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tar-rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jsiru t-testijiet tad-dħul ma tirrispettax l-assigurazzjonijiet ipprovduti lilha permezz tal-avviż ta’ kompetizzjoni u, għaldaqstant, tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fil-fatt, l-eżamijiet ta’ natura komparattiva huma, min-natura tagħhom, eżamijiet li fihom il-prestazzjoni ta’ kull kandidat tiġi evalwata fid-dawl tal-prestazzjoni tal-oħrajn, b’mod li n-numru tal-kandidati ammessi għal dawn l-eżamijiet jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni fuq il-kandidati. Dawn l-evalwazzjonijiet jirriflettu l-ġudizzju ta’ valur fuq il-prestazzjoni ta’ kandidat meta mqabbel ma’ dawk ta’ kandidati oħra. Minn dan isegwi li, iktar ma jkun għoli n-numru ta’ kandidati ta’ dan it-tip ta’ eżamijiet, iktar ikun għoli l-livell ta’ eżiġenzi tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni fir-rigward tagħhom.

(ara l-punti 64, 65, 70 u 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T-24/01, punt 57

4.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Issa, għalkemm, bħala regola ġenerali, dan il-prinċipju jipprekludi li l-portata fiż-żmien ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiġi stabbilita li tibda minn data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tiegħu, dan ma huwiex il-każ meta, b’mod eċċezzjonali, l-għan li jkun irid jintlaħaq jitlob dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti fil-każ ta’ rettifika ta’ avviż ta’ kompetizzjoni li tibdel l-għoti tal-marki tat-testijiet tad-dħul għall-imsemmija kompetizzjoni wara li dawn ikunu saru.

Huwa minn li meta l-Awtorità tal-Ħatra ssib, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu aħrax minn dak li kien meħtieġ għall-bżonnijiet tas-servizz, hija tista’ jew tkompli l-proċedura billi tirrekluta, jekk ikun il-każ, numru ta’ kandidati li għaddew inqas minn dak li kien previst inizjalment, jew terġa’ tibda l-proċedura tal-kompetizzjoni billi tirtira l-avviż ta’ kompetizzjoni oriġinali u tissostitwixxih b’avviż ikkoreġut. Madankollu, l-adozzjoni ta’ rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni wara li jkunu saru ċerti eżamijiet ma tistax titqies bħala ekwivalenti għal dawn is-soluzzjonijiet.

(ara l-punti 71 sa 73, 76 u 77)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C-199/03, punt 69;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il-Kummissjoni, T-356/94, punt 56;

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T-260/09 P, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità ta’ miżura adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex. Madankollu, kunsiderazzjonijiet marbutin mal-proporzjonalità ta’ miżura ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ att li jikser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, bħalma huwa t-tibdil ta’ avviż ta’ kompetizzjoni wara li jsiru t-testijiet tad-dħul, u dan peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika biss meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa.

(ara l-punt 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Schumann vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar l-fuq, punt 52;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Torijano Montero vs Il-Kunsill, F-76/05, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata