Language of document : ECLI:EU:F:2012:88

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Rimedji ġudizzjarji — Azzjoni ġudizzjarja mressqa qabel ma tingħata d-deċiżjoni fuq l-ilment amministrattiv — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni — Esperjenza professjonali meħtieġa”

Fil-Kawża F‑66/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Alma Yael Cristina, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Rodrigues, A. Blot u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Eggers u P. Pecho, sussegwentement minn B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Van Raepenbusch, President, R. Barents u K. Bradley (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-12 ta’ Lulju 2011, A. Y. Cristina ppreżentat din il-kawża intiża, min-naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 li permezz tagħha ma tħallietx tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li hija allegatament subiet b’din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li jaffettwaha ħażin, kemm jekk l-imsemmija awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur. […]”

3        L-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid hekk:

“Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk:

–        l-awtorità tal-ħatra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) fil-perjodu preskritt fih, u

–        l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita.”

4        L-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-proċedura ta’ kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi:

“Il-kandidati għandhom jimlew formola preskritta mill-awtorità tal-ħatra.

Jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu dokumenti jew informazzjoni addizzjonali.”

5        Fis-17 ta’ Novembru 2010, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 għall-istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fil-grad AST 1 fil-qasam tas-segretarjat (ĠU C 312 A, p. 1 iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”).

6        It-Taqsima II tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolata “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet” jgħid hekk:

“Id-deskrizzjoni u l-livell tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu jinkludu l-eżekuzzjoni tal-kompiti li ġejjin:

– L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ laqgħat, inkluża t-tħejjija ta’ fajls u ta’ dokumenti ta’ ħidma.

– Ir-riċezzjoni, l-iffiltrar u l-ipproċessar tat-telefonati, l-ipproċessar tal-korrispondenza u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ġenerali lil min iċempel.

– Il-ġestjoni tal-kaxex postali elettroniċi u tal-kaxex postali funzjonali.

– Il-ġestjoni tal-aġenda, is-superviżjoni tal-iskeda u l-iżgurar li l-iskadenzi jiġu osservati.

– L-għoti ta’ appoġġ amministrattiv ġenerali, partikolarment fil-ġestjoni tad-dokumenti (ir-riċezzjoni, l-ipproċessar, il-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tad-dokumenti u l-ittri).

– Il-preparazzjoni u l-ġestjoni tal-missjonijiet; il-ġestjoni tal-assenzi.

– Il-preżentazzjoni u l-verifika tad-dokumenti (l-issettjar tal-paġni, l-ifformattjar u t-tabelli).

– L-abbozzar (fil-livell segretarjali) ta’ noti, ittri u rendikonti.

– Diversi xogħlijiet amministrattivi tas-segretarjat oħrajn marbuta mal-ġestjoni ta’ fajls u r-riċerka ta’ informazzjoni, li jkunu partikolarment jeħtieġu l-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni.

– Fis-servizzi tat-traduzzjoni: ir-riċezzjoni, il-ġestjoni u l-ipproċessar tat-talbiet għat-traduzzjoni u b’mod partikolari l-preparazzjoni, l-ipproċessar u l-finalizzazzjoni tad-dokumenti, prinċipalment permezz ta’ softwer tat-traduzzjoni, id-dħul u l-aġġornament ta’ memorji tat-traduzzjoni, kif ukoll xogħlijiet relatati mal-issettjar tal-paġni u l-ifformattjar.

[...]”

7        Il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni, iddefiniti fil-punt 2 tat-Taqsima III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, jistipulaw, fir-rigward tal-kwalifiki, li l-kandidati għandu jkollhom jew livell ta’ edukazzjoni għolja iċċertifikat b’diploma direttament relatata mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet [punt III.2.1(a)] jew livell ta’ edukazzjoni sekondarja, iċċertifikat b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni għolja segwita minn esperjenza professjonali ta’ perjodu minimu ta’ tliet snin, li hija direttament relatata mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet [punt III.2.1(b)].

8        Il-punt 1 tat-Taqsima IV tal-avviż ta’ kompetizzjoni jiindika li biss dawk il-kandidati li ddikjaraw, waqt l-applikazzjoni elettronika tagħhom, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III tal-avviż ta’ kompetizzjoni jiġu mistiedna għat-testijiet tad-dħul.

9        Il-punt 1 tat-Taqsima V tal-avviż ta’ kompetizzjoni jindika li kienu ser jiġu ammessi li jipparteċipaw fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni l-kandidati li mhux biss ikunu kisbu waħda mill-aħjar marki u l-minimu meħtieġ għat-testijiet tad-dħul iżda li jkunu ssodisfaw ukoll, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-applikazzjoni elettronika, il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

10      L-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni kienet ser tiġi kkonfermata bil-kundizzjoni li ssir verifikazzjoni ulterjuri tad-dokumenti ta’ sostenn mehmuża mal-fajl ta’ kull kandidat.

11      Il-punt 2 tat-Taqsima VII tal-avviż ta’ kompetizzjoni jippreċiża li l-kandidati ammessi għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni kienu ser jiġu mitluba jibagħtu fajl ta’ applikazzjoni komplut (applikazzjoni elettronika ffirmata flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn).

12      Fl-avviż ta’ kompetizzjoni hemm ukoll, ġo kaxxa u enfasizzata, l-indikazzjoni preliminari segwenti:

“Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida [applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali] ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali [...] C 184 A tat-8 ta’ Lulju 2010 kif ukoll fuq il-websajt tal-EPSO.

Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.”

13      Il-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali, fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti (ĠU 2010 C 184 A, p. 1, iktar ’il quddiem il-“gwida għall-kandidati”), fil-punt 6.3 tagħha, intitolat “Proċeduri ta’ Appell”, tistabbilixxi:

“F’kull stadju tal-proċedura tal-kompetizzjoni, jekk tqis li [l-]EPSO jew il-ġurija ma mxewx b’mod ġust jew ma rrispettawx:

– id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni, jew

– id-dispożizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni,

u li dan kien ta’ ħsara għalik, tista’ tirrikorri għal mezzi li ġejjin:

– tressaq ilment amministrattiv fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [...],

jew bil-posta f’dan l-indirizz li ġej:

European Personnel Selection Office (EPSO)

[...]

jew permezz tal-paġna ta’ kuntatt tal-websajt ta[l-]EPSO.

Jekk jogħġbok indika fis-suġġett tal-ittra tiegħek:

– in-numru tal-kompetizzjoni,

– in-numru tiegħek ta’ kandidat,

– ir-referenza ‘réclamation article 90, §2’, ‘complaint article 90 §2’, ‘Beschwerde Artikel 90, Absatz 2’ (għażel),

– l-istadju [...] tal-kompetizzjoni kkonċernata.

Qed niġbdu l-attenzjoni tiegħek għal diskrezzjoni wiesgħa li għandhom il-ġuriji tal-kompetizzjonijiet.

Huwa inutli li ddaħħal talba kontra deċiżjoni tal-ġurija li tieħu d-deċiżjonijiet b’mod indipendenti u li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu modifikati mid-Direttur tal-EPSO. Il-ġuriji tal-kompetizzjonijiet għandhom diskrezzjoni wiesgħa li hija biss suġġetta għal stħarriġ f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jmexxu l-ħidmiet tagħhom. F’dan il-każ tal-aħħar, id-deċiżjoni tal-ġurija tal-kompetizzjoni tista’ tiġi attakkata direttament quddiem imħallef tal-qrati tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma ssir talba minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

– tintroduċi kawża fuq il-bażi tal-Artikolu 270 [TFUE] u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal [...] quddiem:

European Union Civil Service Tribunal

[...]

Jekk jogħġbok innota li r-rikors dwar żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kriterji ġenerali ta’ dħul, li ma jaqawx taħt l-awtorità tal-ġurija tal-kompetizzjoni, jkunu jistgħu jiġu ppreżentati fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk talba amministrattiva tiġi introdotta qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, skont il-kundizzjonijiet deskritti taħt dan il-punt.

Għad-dettalji dwar kif għandek tressaq il-kawża għandek tikkonsulta l-websajt tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku [...].

Għal dawn iż-żewġ tiġi [tipi] ta’ proċeduri, il-limiti ta’ żmien previsti [mir-Regolamenti tal-Persunal] jibdew jgħoddu min-notika tal-att li allegatament jippreġudika l-interessi tiegħek.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Fit-18 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti applikat għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/111/10 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”) billi mliet l-applikazzjoni elettronika korrispondenti.

15      Fis-17 ta’ Marzu 2011, l-EPSO informat lir-rikorrenti li kienet għaddiet mit-testijiet tad-dħul.

16      Madankollu, permezz tal-ittra tas-7 ta’ April 2011, l-EPSO informat lir-rikorrenti li fid-dawl tal-analiżi tal-applikazzjoni, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kien iddeċieda li ma jawtorizzahiex tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, peress li qies li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni.

17      Ir-rikorrenti kkontestat l-esklużjoni tagħha mill-kompetizzjoni permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi tas-7 u t-8 ta’ April 2011 rispettivament.

18      L-EPSO rrisponda lir-rikorrenti permezz tal-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011, li fiha indika li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kien irreveda l-fajl tagħha iżda li huwa kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li ma jawtorizzahiex tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, id-diploma li għandha r-rikorrenti ma taqax fil-qasam tal-kompetizzjoni, u għalhekk, ir-rikorrenti kellu jkollha mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali li hija direttament relatata mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet tal-impjieg li jrid jimtela. Għalhekk, sa fejn, fl-applikazzjoni tagħha, hija ma kienet tat ebda dettalji dwar l-esperjenza professjonali tagħha bħala assistenta, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma setax jikkunsidra li hija tissodisfa l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali.

19      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti rrispondiet lill-EPSO li fl-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011 hija ma setgħet issib ebda risposta utli u talbet, peress li hija tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa, li tkun awtorizzata tipparteċipa fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni sussegwenti. Dan il-messaġġ elettroniku baqa’ mingħajr risposta.

20      Fil-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ressqet, “b’mod kawtelatorju”, ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ma tiġix ammessa sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, u l-għada, fit-12 ta’ Lulju 2011, hija ressqet kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

21      Fis-seduta, r-rikorrenti informat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, fil-11 ta’ Ottubru 2011, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) ċaħdet l-ilment u li hija ma appellatx minn din id-deċiżjoni.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

22      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

1) prinċipalment:

–        jannulla d-deċiżjoni meħuda fis-7 ta’ April 2011 li ċaħditha mid-dritt li tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni;

–        konsegwentement, jiddeċiedi li hija għandha tiġi reintegrata fil-proċess tar-reklutaġġ stabbilit mill-kompetizzjoni, jekk ikun meħtieġ billi jiġu organizzati eżamijiet ta’ evalwazzjoni ġodda;

2) sussidjarjament, f’każ li ma tintlaqax it-talba prinċipali tagħha, tikkundanna lill-konvenuta tħallas somma ffissata provviżorjament u ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 20 000, bħala kumpens għad-dannu materjali, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata legali mid-data tas-sentenza;

3) fi kwalunkwe każ tikkundanna lill-konvenuta tħallas somma ffissata provviżorjament u ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 20 000, bħala kumpens għad-danni morali, flimkien mal-interess moratorju bir-rata legali mid-data tas-sentenza;

4) tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

23      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Permezz tal-ittri tar-Reġistru tal-21 ta’ Ottubru 2011 u tat-30 ta’ Jannar 2012, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet jirrispondu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet irrispondew għat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini mogħtija.

25      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-26 ta’ Jannar 2012, din il-kawża ġiet magħquda mal-kawża rreġistrata taħt ir-referenza F‑83/11, Cristina vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-proċedura orali.

 Dwar is-suġġett tal-kawża u dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talba prinċipali

26      Fl-ewwel lok, għalkemm ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tal-EPSO tas-7 ta’ April 2011, għandu jkun ikkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, li hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni meħuda wara l-eżami mill-ġdid, u nnotifikata permezz tal-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011, li ma tiġix ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il-Kummissjoni, F‑15/08, punt 20) u li, għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li huwa kontra din l-aħħar deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li r-rikorrenti għamlet it-talbiet għal annullament tagħha.

27      Fit-tieni lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li t-tieni kap tat-talba prinċipali hija intiża essenzjalment sabiex titlob lill-amministrazzjoni tirreintegra lir-rikorrenti fil-proċess ta’ reklutaġġ stabbilit mill-kompetizzjoni.

28      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, qorti tal-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxi lil dawn tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, punt 17; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il-Kummissjoni, F‑50/08, punt 50).

29      Dan il-kap tat-talbiet għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fir-risposta tagħha li “il-kandidati għall-kompetizzjoni[jiet] għandhom id-dritt li jressqu kawża quddiem [qorti tal-Unjoni] mingħajr ilment imressaq qabel, jekk huma jikkontestaw deċiżjoni [ta’] Bord tal-Għażla [tal-kompetizzjoni]”. Hija tikkunsidra madankollu li dan ir-rikors huwa manifestament inammissibbli għar-raġuni li ma tressaqx qabel ilment, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda.

31      Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm huwa minnu li kandidat jista’ jirreferi deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni direttament lill-qorti, madankollu, skont il-ġurisprudenza, sa fejn ikun tressaq ilment, it-terminu tar-rikors jibda jiddekorri, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda b’risposta għall-ilment u l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata sussegwentement tiddependi mill-osservanza mill-persuna kkonċernata tar-restrizzjonijiet proċedurali kollha konnessi mar-rimedju tal-ilment imressaq qabel.

32      Skont il-Kummissjoni, fost dawn ir-restrizzjonijiet proċedurali, hemm l-obbligu li l-persuna kkonċernata tistenna t-tmiem tal-proċedura prekontenzjuża qabel tkun tista’ tippreżenta azzjoni ġudizzjarja.

33      Il-Kummissjoni tqis għalhekk li, peress li r-rikorrenti kienet ippreżentat ilment kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ma tiġix ammessa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni, hija kellha tistenna r-risposta tal-Awtorità tal-Ħatra qabel tippreżenta dan ir-rikors.

34      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba li jiġi ddikjarat ammissibbli rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, filwaqt li tibqa’ miftuħa proċedura prekontenzjuża intiża, fost oħrajn, li tikseb ftehim bonarju.

35      Fis-seduta, b’risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti fakkret li, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament (T-133/89), il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddikjarat ammissibbli rikors ippreżentat f’ċirkustanzi essenzjalment identiċi għal dawk ta’ din il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

36      Skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma huwiex ammissibbli ħlief jekk ilment ikun tressaq qabel lill-Awtorità tal-Ħatra u jekk dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda.

37      Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta’ lment amministrattiv ma tagħmilx sens meta l-oġġezzjonijiet isiru kontra d-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex il-mezzi sabiex tbiddel dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff u Urbair vs Il‑Kummissjoni, 7/77, punt 7, u tal-14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punt 16; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T-386/00, punt 34). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rimedju legali disponibbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tikkonsisti normalment fit-tressiq ta’ kawża quddiem qorti tal-Unjoni mingħajr ilment li għandu jitressaq qabel (iktar ’il quddiem it-“tressiq dirett ta’ kawża”, ara s-sentenza Bartha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

38      Minn dan isegwi li meta kandidat eliminat jikkontesta deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ma huwa bl-ebda mod neċessarju li huwa jressaq ilment minn qabel kontra d-deċiżjoni li huwa jkun qed jikkontesta u inqas u inqas ilment “kawtelatorju”, kif għamlet ir-rikorrenti f’din il-kawża.

39      Madankollu, la mir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li kandidat f’kompetizzjoni li madankollu jkun għamel ilment mal-Awtorità tal-Ħatra kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-imsemmija kompetizzjoni ma jistax iressaq direttament kawża quddiem il-qorti mingħajr ma jistenna d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-ilment.

40      Għall-kuntrarju, il-qorti tal-Unjoni diġà ammettiet b’mod espliċitu li, meta kandidat f’kompetizzjoni jindirizza, taħt il-forma ta’ lment amministrattiv, lill-Awtorità tal-Ħatra, tali approċċ, ikun xi jkun is-sinjifikat legali tiegħu, ma jistax jipprekludi lill-kandidat mid-dritt tiegħu li jressaq direttament kawża quddiem il-qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Novembru 1978, Salerno et vs Il‑Kummissjoni, 4/78, 19/78 u 28/78, punt 10; sentenza Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

41      Għalhekk, jekk kandidat f’kompetizzjoni jiddeċiedi li jressaq direttament kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan għandu jiddetermina jekk ir-rikors ġiex ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem li jiddekorri min-notifika lir-rikorrenti tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju (ara s-sentenza Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

42      Min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors quddiem il-qorti ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li qabel għandha tintemm il-proċedura prekontenzjuża stabbilita mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali kundizzjoni tapplika biss għar-rikorsi li għalihom ilment amministrattiv huwa obbligatorju. Is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni twassal sabiex tissuġġetta t-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti għal kundizzjoni ta’ ammissibbiltà addizzjonali li, fir-realtà, tapplika biss meta t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti għandu jiġi ppreċedut minn ilment.

43      Din il-konklużjoni ma toħloqx kontradizzjoni mal-punt 6.3 tal-gwida għall-kandidati li jindika li dawn tal-aħħar jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni permezz tar-rimedju amministrattiv u permezz tal-preżentazzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja, mingħajr ma jippreċiża fl-ebda mument li l-preżentazzjoni ta’ lment teskludi t-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti.

44      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, li din il-konklużjoni ma hijiex neċessarjament invalidata mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, analizzata iktar ’il quddiem, u lanqas mill-argumenti esposti fis-seduta.

45      Ċertament, huwa minnu, bħal ma rrilevat il-Kummissjoni, li skont ġurisprudenza abbundanti f’kawżi ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, min-naħa, meta r-rikorrent jagħżel li jindirizza minn qabel lill-amministrazzjoni permezz tar-rimedju tal-ilment amministrattiv, l-ammissibbiltà tar-rikors kontenzjuż ippreżentat sussegwentement tiddependi mill-osservanza tar-restrizzjonijiet proċedurali kollha konnessi mal-ilment imressaq qabel (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il-Kummissjoni, F‑73/06, punt 37) u, min-naħa l-oħra, li ladarba lment ġie ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, it-terminu tar-rikors jibda jiddekorri, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda b’risposta għall-ilment (sentenza Detti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 90; tas-16 ta’ Settembru 1998, Jouhki vs Il-Kummissjoni, T‑215/97, punt 22; tal-31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il-Kummissjoni, T‑294/03, punt 22; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Novembru 2005, Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, T‑41/04, punt 32; u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, T‑156/03, punt 26; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-12 ta’ Marzu 2009, Hambura vs Il‑Parlament, F‑4/08, punt 24; u Bartha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

46      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn is-sentenzi kollha, b’eċċezzjoni waħda, kienu jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat wara li lment ġie miċħud u wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti. Għaldaqstant, hija ġurisprudenza li tirrigwarda kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati billi tiġi segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

47      Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat li l-ilment u r-rikors kellhom suġġetti differenti. Fil-fatt, l-ilment kien intiż sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġi organizzat eżami orali ġdid wara l-annullament, permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-24 ta’ Settembru 2002, Pérez-Díaz vs Il‑Kummissjoni (T‑102/01), tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li teskludi lir-rikorrenti mil-lista ta’ riżerva, filwaqt li r-rikors kontenzjuż kien qed jikkontesta d-deċiżjoni l-ġdida tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li ma jinkludix lir-rikorrenti fil-lista ta’ riżerva wara l-eżami orali l-ġdid. Minn dan jirriżulta li, f’dik il-kawża, ma kienx hemm lok għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi li rikors għal annullament, ippreżentat qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva prekontenzjuża miftuħa kontra l-att ikkontestat, f’dik il-kawża d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torganizza eżami orali ġdid, permezz taċ-ċaħda tal-ilment, huwa prematur, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza illimitat ruħha li tikkonstata li r-rikors kontenzjuż ma setax jiġi kkunsidrat bħala wieħed li qablu tressaq ilment amministrattiv [sentenza Pérez-Díaz vs Il-Kummissjoni (T‑156/03), iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 34].

48      Konsegwentement, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 u 47 ta’ din is-sentenza tirrigwarda sitwazzjonijiet fattwali u legali li huma differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk ta’ dan il-każ, u ma tistax tiġi kkunsidrata rilevanti għal dan il-każ.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli għar-raġunijiet li jitrattaw iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

50      Madankollu, fl-ewwel lok, l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali ma tistax tiġġustifika l-applikazzjoni fil-konfront tat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti ta’ kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li ma hijiex tiegħu, bil-konsegwenza li jiġi limitat id-dritt, li għandhom il-kandidati eliminati, li jressqu direttament kawża quddiem il-qorti kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta kandidat f’kompetizzjoni jressaq ilment qabel ma jressaq direttament kawża quddiem il-qorti, jekk tingħata deċiżjoni favorevoli dwar l-ilment qabel id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar ir-rikors, ir-rikorrent jitlef l-interess ġuridiku tiegħu u għalhekk ir-rikors tiegħu ma jibqalux skop. Għall-kuntrarju, jekk id-deċiżjoni ma tkunx favorevoli, ir-rikorrent ikollu d-dritt, fi kwalunkwe każ, li jkollu deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiġi deċiża t-tilwima mal-amministrazzjoni.

51      Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-aħjar mod sabiex jiġi osservat dan il-prinċipju huwa dak fejn jiġi ttrattat ir-rikors dirett li jiġi ppreżentat quddiemu, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezzi ta’ lment li ma tressaqx quddiemu.

52      Fl-aħħar nett, l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fis-seduta, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura prematura ta’ dan ir-rikors, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

53      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni sostniet li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, ma għadhiex valida fid-dawl tal-ġurisprudenza sussegwenti. Madankollu, bħal ma spjega t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 45 sa 48 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, għaliex tirrigwarda rikorsi ppreżentati wara lment, filwaqt li għall-kuntrarju, is-sentenzi Salerno et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, ġew mogħtija f’kuntesti fattwali essenzjalment identiċi għal dawk tal-kawża preżenti.

54      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrent kien “fl-aħħar mill-aħħar” għażel ir-rimedju tat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti (sentenza Burban vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18), filwaqt li f’din il-kawża r-rikorrenti qed tfittex li tuża ż-żewġ rimedji ġudizzjarji fl-istess waqt. Dan l-argument ma jikkunsidrax il-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, bħar-rikorrenti kollha fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Salerno et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, għażlet ir-rimedju tat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti, li sar mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni dwar l-ilment iżda fit-terminu tar-rikors ta’ tliet xhur u għaxart ijiem li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

55      Fit-tielet lok, sabiex issir distinzjoni bejn din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza Burban vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni enfasizzat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet irrapreżentata minn avukati meta hija ppreżentat l-ilment tagħha. Tali argument ma huwiex rilevanti, peress li l-fatt li r-rikorrenti kienet assistita minn avukati sabiex tagħmel l-ilment tagħha ma għandu ebda effett fuq id-dritt tagħha li tressaq direttament kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

56      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni sostniet li l-proċeduri ta’ reklutaġġ u ta’ selezzjoni żviluppaw ħafna fil-kumplessità tagħhom u b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet għall-kandidat eliminat li jinforma ruħu dwar id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla u eventwalment li jikkontestahom. Madankollu, il-Kummissjoni ma urietx ir-rilevanza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali fil-konfront tal-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja li ser issir fi kwalunkwe każ wara l-eżawriment tar-rimedji speċifiċi kollha offruti lill-kandidati f’kompetizzjonijiet.

57      Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Kummissjoni ddikjarat, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll fis-seduta, li f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet id-deċiżjoni dwar l-ilment tagħti lill-kandidati eliminati risposta “sodisfaċenti”, li jirriżulta mill-fatt li n-numru ta’ rikorsi li ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa ferm inqas minn dak tal-ilmenti li jirrigwardaw deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ttrattati mill-Kummissjoni.

58      L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li dawn id-dikjarazzjonijiet ma ġew sostnuti mill-Kummissjoni b’ebda prova. It-tieni nett, anki jekk dawn id-dikjarazzjonijiet huma eżatti, il-Kummissjoni ammettiet li huwa f’każijiet rari li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni biddel il-pożizzjoni inizjali tiegħu li ma jħallix kandidat jipparteċipa f’kompetizzjoni. It-tielet nett, fil-punt 6.3 tagħha, il-gwida tal-kandidati tindika espressament fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji li “[h]uwa inutli li ddaħħal talba kontra deċiżjoni tal-ġurija li tieħu d-deċiżjonijiet b’mod indipendenti u li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu modifikati mid-Direttur tal-EPSO”. Ir-raba’ nett, anki jekk id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu stabbiliti, dawn ma jistgħux jinvalidaw ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li lment amministrattiv obbligatorju mressaq qabel, previst mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż biss għall-atti li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ eventwalment tbiddel kif ukoll il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tbiddel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Il-ħames nett, l-argument tal-Kummissjoni huwa kontradittorju sa fejn l-inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat qabel l-iskadenza tat-terminu tar-risposta għall-ilment imressaq qabel ikollha bħala effett l-iskoraġġiment tal-kandidati eliminati milli jagħmlu dawn l-ilmenti, filwaqt li, skont il-Kummissjoni stess, dawn l-ilmenti jistgħu jissodisfaw l-aspettattivi tal-kandidati eliminati, għall-inqas f’ċerti każijiet.

59      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet kollha, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, it-tressiq dirett ta’ kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sarx fit-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti (ara s-sentenza Burban vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

60      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti rċeviet id-deċiżjoni kkontestata fis-6 ta’ Ġunju 2011 u li r-rikors ġie ppreżentat fit-12 ta’ Lulju tal-istess sena.

61      Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm ġie espost, għandu jiġi deċiż li r-rikors ma huwiex prematur.

 Fuq il-mertu

 Dwar it-talbiet għall-finijiet ta’ annullament

62      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma kkunsidrax dikjarazzjonijiet, li kienu jinsabu fl-applikazzjoni, dwar l-istudji u l-esperjenza professjonali tagħha.

64      B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, abbażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, li jinsabu fl-applikazzjoni, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kellu jitlobha tipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn kemm għal-livell ta’ studji tagħha kif ukoll għall-kwalifiki professjonali tagħha u kellu jiżgura r-rilevanza tal-kwalifiki tagħha jew l-esperjenza professjonali tagħha għad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni.

65      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kienet indikat taħt it-titolu “Esperjenza professjonali” tal-applikazzjoni tal-kompetizzjoni esperjenza professjonali ta’ xahrejn u 17-il ġurnata. Peress li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kellu jieħu inkunsiderazzjoni biss dan il-perijodu sabiex jevalwa l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, mingħajr il-bżonn li jikseb iktar dettalji minnha, huwa kkunsidra, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li din l-esperjenza professjonali ma kinitx biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżit minimu ta’ tliet snin.

66      Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

67      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali li jkollu kull kandidat tikkorrispondix għal-livell rikjest mill-avviż tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri tal-kompetizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kemm tan-natura u t-tul tal-esperjenzi professjonali ta’ qabel tal-kandidati kif ukoll għar-rabta kbira jew żgħira li dawn jista’ jkollhom mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il‑Kummissjoni, T‑145/02, punt 37 u tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, punti 65 u 66).

68      B’hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu li jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma kienx ivvizzjat minn żball manifest (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, punt 71, sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, punt 58).

69      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, sabiex jivverifika jekk ir-rekwiżiti ta’ ammissjoni humiex issodisfatti, jista’ jikkunsidra biss l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kandidati fl-att ta’ kandidatura tagħhom u d-dokumenti ta’ sostenn li huma għandhom jipprovdu insostenn tiegħu (ara s-sentenza Časta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkonkluda li, peress li d-diploma fil-liġi u l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea li għandha r-rikorrenti ma hijiex relatata b’mod dirett mal-qasam tal-kompetizzjoni, jiġifieri tas-segretarjat, hija kellha bżonn, skont il-punt III.2.1(b) tal-avviż tal-kompetizzjoni, mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali bħala segretarja. Madankollu, peress li hija ma pprovdit, fl-applikazzjoni tagħha, ebda dettall dwar l-esperjenza professjonali tagħha, apparti t-tul ta’ xahrejn u 17-il ġurnata, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni qies li r-rekwiżit tal-esperjenza professjonali ma kienx ġie ssodisfatt u rrifjuta l-ammissjoni tar-rikorrenti għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni għal din ir-raġuni.

71      Fis-seduta r-rikorrenti ppreċiżat li hija ma tikkontestax li d-diploma tagħha ma hijiex relatata direttament mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni u li konsegwentement hija kellha tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fil-punt III.2.1(b) tal-avviż tal-kompetizzjoni.

72      Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li fil-parti tal-applikazzjoni dwar l-esperjenza professjonali, hija indikat biss xogħol ta’ assistenta fil-Kummissjoni għal xahrejn u 17-il ġurnata. Madankollu, fis-seduta hija rrikonoxxiet li hija bla dubju kienet wettqet żball tal-pinna meta indikat l-esperjenza professjonali tagħha fil-parti tal-applikazzjoni dwar il-motivazzjoni.

73      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, fil-fatt, li fil-parti tal-applikazzjoni dwar il-motivazzjoni, ir-rikorrenti ddikjarat biss li kienet ħadmet bħala segretarja amministrattiva għal iktar minn għaxar snin. Madankollu, l-att ta’ kandidatura tagħha ma kien jinkludi ebda informazzjoni oħra li setgħet tippermetti lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li jivverifika l-portata u r-rilevanza ta’ din l-esperjenza professjonali fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ammissjoni għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni.

74      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi kkritikat talli ma stidinx lir-rikorrenti tipprovdi dokumenti addizzjonali jew talli ma pproċediex huwa stess b’riċerka addizzjonali dwar din l-informazzjoni, li ma kienet ibbażata fuq ebda prova li setgħet tkun ivverifikata, dwar l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti (ara s-sentenza Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

75      Konsegwentement, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma wettaqx żball manifest billi kkunsidra, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti fl-att ta’ kandidatura tagħha, li r-rekwiżit tal-esperjenza professjonali ma kienx ġie ssodisfatt.

76      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

–       L-argumenti tal-partijiet

77      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma kkunsidrax l-elementi kollha li setgħu ddeterminaw id-deċiżjoni tiegħu, fosthom mhux biss l-interessi tas-servizz iżda wkoll l-interess personali tagħha, u ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-effett li teskludi mill-kompetizzjoni kandidata li tissodisfa kull punt fl-interess tas-servizz.

78      Il-Kummissjoni talbet li dan il-motiv jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

79      Fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-punt 2.1.3.1 tal-gwida tal-kandidati, li tifforma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni u li r-rikorrenti annettiet ukoll mar-rikors, jipprovdi b’mod ċar li l-informazzjoni mitluba waqt ir-reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni ġenerali tirrigwarda, fost oħrajn, “[l-]esperjenza professjonali tiegħek (jekk din hija meħtieġa): l-isem u l-indirizz ta’ min iħaddmek, in-natura tal-funzjonijiet tiegħek, id-data ta’ bidu u ta’ tmiem tal-istess funzjonijiet”. F’dan il-każ, indikazzjoni tal-esperjenza professjonali kienet effettivament meħtieġa mill-avviż tal-kompetizzjoni.

80      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma għandux neċessarjament jistieden lill-kandidati jipprovdu dokumenti addizzjonali jew li jwettaq huwa stess riċerka sabiex jivverifika jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-avviż tal-kompetizzjoni.

81      Fit-tielet lok, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li dawn joffru għażla sempliċi lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li jitlob lill-kandidati informazzjoni addizzjonali, meta dan ikollu dubju dwar il-portata ta’ dokument ippreżentat. Ma hijiex kwistjoni, f’dan ir-rigward, li jitbiddel f’obbligu dak li l-leġiżlatur għamel bħala sempliċi għażla għall-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (sentenza Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

82      Fir-raba’ lok, skont il-punt 1 tat-Taqsima V u l-punt 2 tat-Taqsima VII tal-avviż tal-kompetizzjoni, it-trażmissjoni tal-fajl tal-kandidatura komplut u l-verifikazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn mehmuża, huwa t-tieni stadju fl-iżvolġiment tal-kompetizzjoni li fih huma ammessi biss il-kandidati li jiksbu waħda mill-aħjar marki u l-minimu meħtieġ għat-testijiet tad-dħul u jissodisfaw, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-applikazzjoni elettronika, il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III tal-avviż tal-kompetizzjoni.

83      Fil-ħames u l-aħħar lok, anki jekk is-sempliċi allegazzjoni tar-rikorrenti, li ma kienet sostnuta b’ebda prova, li hija tissodisfa kull punt fl-interess tas-servizz, minħabba d-diploma tagħha u l-esperjenza professjonali tagħha, tkun ipprovata, ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ħa deċiżjoni bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ma pprovditx fl-att ta’ kandidatura tagħha l-provi suffiċjenti sabiex tippermetti lill-imsemmi bord li jistabilixxi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni. Bl-istess mod, id-dmir ta’ premura bl-ebda mod ma jobbliga lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li jippermetti li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni il-kandidati kollha li, fl-opinjoni tagħhom stess, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti.

84      Konsegwentement, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ma kisirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas id-dmir ta’ premura billi ħa d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qabel talab informazzjoni komplementari għad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-applikazzjoni minn kandidata li ma pprovdietx provi biżżejjed li jippermettu lill-Bord tal-Għażla jistabbilixxi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni.

85      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Dwar it-talbiet għal kumpens

86      Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, it-talbiet intiżi għall-kumpens għal dannu għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li jkunu ġew miċħuda bħala infondati (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑75/09, punt 71).

87      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li t-talbiet għal kumpens huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li ġew miċħuda bħala infondati. Sa fejn l-analiżi tat-talbiet għal annullament ma sabet ebda illegalità li għaliha hija responsabbli l-istituzzjoni, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda kemm għal dak li jirrigwarda d-danni materjali kif ukoll għad-danni morali.

88      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 88(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

90      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet espressament li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      A. Y. Cristina għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Ġunju 2012.

Ir-Reġistratur

 

       Il-President

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.