Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2019 minn Aeris Invest Sàrl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2019 fil-Kawża T-599/18, Aeris Invest vs SRB

(Kawża C-874/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Aeris Invest Sàrl (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, A. Sellés Marco, abogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB, T-599/18, EU:T:2019:740, sa fejn dan jiddeċiedi li r-rikors huwa inammissibbli;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi, marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet ta’ din il-parti fl-ewwel istanza; u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li d-digriet appellat jikser l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2010, L 331, p. 12) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Skont l-appellanti, l-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali għandu effetti ġuridiċi vinkolanti sa fejn il-valutazzjoni definittiva tifforma parti integrali mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tqis li d-digriet appellat jikser l-Artikolu 17 tal-Karta. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament 806/2014 imwettqa fid-digriet appellat hija inkompatibbli mad-dritt għall-proprjetà, sa fejn din tippermetti indħil fid-dritt għall-proprjetà ta’ din il-parti mingħajr ebda kumpens.

Skont it-tielet aggravju, id-digriet appellat jikser l-Artikolu 20(11)(b) tar-Regolament 806/2014. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u l-iżvalutazzjoni tal-azzjonijiet, l-ex azzjonisti ta’ Banco Popular saru kredituri tal-entità. Huwa għalhekk li l-Artikolu 20(11)(b) tar-Regolament 806/2014 huwa applikabbli għall-ex azzjonisti, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-obbligu ta’ deċiżjoni dwar il-“valwazzjoni negattiva tal-pretensjonijiet tal-kredituri” fid-dawl tal-valutazzjoni definittiva.

Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tqis li d-digriet appellat jikser l-Artikolu 20(11) u (14) tar-Regolament 806/2014, kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta, billi ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-att ikkontestat għandu effetti ġuridiċi vinkolanti fir-rigward ta’ din il-parti, sa fejn dan jimpedixxi lil AERIS milli jkollha aċċess għal informazzjoni reċenti u kompleta dwar is-sitwazzjoni kontabbli ta’ entità li fiha AERIS kellha 3.45 % tal-azzjonarjat.

____________