Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2019 minn HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc, HSBC France mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-105/17, HSBC Holdings plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-883/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc, HSBC France (rappreżentanti: K. Bacon QC, D. Bailey, Barristers, M. Simpson, Solicitor, C. Angeli, avocate, M. Giner, advocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea (T-105/17, EU:T:2019:675);

tannulla l-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 final tas-7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro) 1 ; sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni sa fejn jirreferi għall-parteċipazzjoni ta’ HSBC fi ksur uniku u kontinwu wara d-19 ta’ Marzu 2007; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ HSBC li rriżultaw mill-Kawża T-105/17 u minn dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għal dak li jirrigwarda l-effetti tal-ksur mill-Kummissjoni tar-rekwiżiti formali essenzjali, jiġifieri d-dritt ta’ HSBC għall-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ drittijiet tad-difiża.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 101(1) TFUE fil-klassifikazzjoni tagħha tal-għan tal-manipulazzjoni tad-19 ta’ Marzu 2007 u/jew billi żnaturat il-provi rilevanti.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ż-żewġ diskussjonijiet kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE minħabba l-għan. B’mod partikolari, wettqet żball meta qieset li n-natura li tiffavorixxi l-kompetizzjoni ta’ dawn id-diskussjonijiet setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-Artikolu 110(1) TFUE biss fil-kuntest ta’ restrizzjonijiet anċillari għal operazzjoni prinċipali jew ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

Ir-raba’ aggravju: il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar żewġ diskussjonijiet fit-12 u fis-16 ta’ Frar 2007 żnaturaw manifestament il-provi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

Il-ħames aggravju: il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-ksur uniku u kontinwu li hija identifikat fis-sentenza tagħha kellu għan uniku, hija vvizzjata b’żewġ żbalji ta’ liġi: (i) żnaturament manifest tal-fatti u tal-provi għal dak li jirrigwarda d-diskussjoni tas-27 ta’ Marzu 2007; u (ii) żball ta’ liġi fil-konklużjoni li tgħid li żewġ diskussjonijiet fuq il-prezzijiet medjani kellhom għan uniku identifikat mill-Qorti Ġenerali.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li HSBC ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi aġir li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma ġiex identifikat bħala aġir ta’ HSBC li jikkostitwixxi ksur.

____________

1     ĠU 2019, C 130, p. 4.