Language of document : ECLI:EU:F:2009:55

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ġunju 2009

Kawża F-56/08

Jorge de Britto Patricio-Dias

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard – Kopertura primarja tat-tfal dipendenti mis-sistema komuni ta’ assigurazzjoni għall-mard – Assenza ta’ lment – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. de Britto Patricio-Dias qed jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li t-tfal dipendenti tiegħu jkollhom kopertura primarja mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard li hija komuni għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jistgħu jaffettwaw sitwazzjoni legali partikolari – Rikors kontra l-motivazzjoni ta’ att biss – Inammissibbiltà

(Artikolu 230 KE)

2.      Uffiċjali – Appelli – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Assenza – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu serjament is-sitwazzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li kontrihom jista’ jsir rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, ma jistax isir rikors għal annullament kontra l-motivi ta’ tali atti, fihom infushom, peress li ma jikkostitwixxux il-bażi meħtieġa tal-parti operattiva ta’ att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 15)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Settemrbu 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 31

2.      Skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, appell kontra att li jikkawża preġudizzju ikun ammissibbli biss jekk l-Awtorità tal-Ħatra tkun irċeviet ilment skont l-Artikolu 90(2) u fit-terminu previst fih u jekk dan l-ilment ikun ġie miċħud b’deċiżjoni espressa jew taċita.

(ara l-punt 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Diċembru 1999, Reggimenti vs Il-Parlament, T‑108/99, ĠabraSP p. I‑A‑243 u II‑1205, punt 19