Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Ottubru 2020 – Leistritz AG vs LH

(Kawża C-534/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Leistritz AG

Konvenut: LH

Domandi preliminari

It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data1 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa f’dan il-każ l-Artikolu 38(1) u (2) ikkunsidrat flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data), li tipprovdi li huwa inammissibbli x-xoljiment ordinarju tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mill-kontrollur, li jkun il-persuna li timpjega lil dan l-uffiċjal, u dan irrispettivament minn jekk dan ix-xoljiment ikunx dovut jew le għat-twettiq tal-kompiti tiegħu?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 tipprekludi wkoll tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meta l-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma tkunx obbligatorja taħt l-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament iżda tkun meħtieġa biss bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(3) tar-Regolament 2016/679 hija bbażata fuq bażi legali suffiċjenti, b’mod partikolari sa fejn tkopri l-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol mal-kontrollur?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.