Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sad Najwyższy (il-Polonja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – M.F. vs J.M.

(Kawża C-508/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sad Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.F.

Konvenut: J.M.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-proċeduri għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tista’ tikkonstata li ma għandux il-kwalità ta’ mħallef id-destinatarju ta’ att li, filwaqt li jaħtar lil dan fil-kariga ta’ mħallef f’din il-qorti, ġie adottat abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew b’mod inkompatibbli mal-imsemmi prinċipju, meta jsir intenzjonalment ostakolu għall-eżami ta’ din il-kwistjoni qabel ma jiġi kkonsenjat l-imsemmi att?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqrija flimkien mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta att ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef jinħareġ wara li l-qorti nazzjonali tkun għamlet domanda preliminari għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li r-risposta tagħha hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha għamlitha possibbli li jiġi kkonsenjat l-att imsemmi?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(3) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba l-assenza ta’ garanzija tad-dritt għall-qorti, meta att ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef jinħareġ wara proċedura ta’ ħatra mwettqa bi ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet legali tal-imsemmi Stat li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta l-leġiżlatur nazzjonali joħloq, f’qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, entità organizzattiva li ma tikkostitwixxix qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwistjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol u mal-kwalità ta’ mħallef tad-destinatarju ta’ att li jaħtru għall-kariga ta’ mħallef ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu deċiżi minn entità organizzattiva ta’ din il-qorti tal-aħħar istanza, liema entità, kompetenti abbażi tad-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat, hija magħmula esklużivament minn persuni li l-atti ta’ ħatra tagħhom huma vvizzjati bid-difetti indikati fid-domandi 2 sa 4, b’mod li ma tkunx qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, iżda entità organizzattiva oħra ta’ din il-qorti tal-aħħar istanza, liema qorti tissodisfa min-naħa tagħha r-rekwiżiti li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-eżistenza ta’ qorti?

____________