Language of document : ECLI:EU:C:2018:969

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑29 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C60/18

AS Tallinna Vesi

vs

Keskkonnaamet,

Intervenjent:

Keskkonnaministeerium

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja))

“Direttiva 2008/98/KE – Skart – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Irkupru – Kriterji speċifiċi għat-tmiem tal-istatus ta’ skart tal-ħama tad-dranaġġ – Nuqqas ta’ kriterji fil-livell Ewropew jew nazzjonali”






I.      Introduzzjoni

1.        Għal deċenni sħaħ, sa mis-sentenza Vessoso u Zanetti (2), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kunċett ta’ “skart”. Il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li fihom skart jiġi ttrasformat mill-ġdid f’oġġett ekonomiku normali, li ma jkunx għadu suġġett għar-regoli stretti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart hija ftit iktar reċenti (3). Fl-2008, bir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart (4), il-leġiżlatur għamel l-ewwel passi biex tingħata tweġiba. Reċentement, huwa ppreċiża ulterjorment id-direttiva kkonċernata (5); minkejja li tali emendi għadhom ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

2.        Irrispettivament mill-iktar emendi reċenti, aspett importanti għal dan l-għan huwa jekk is-sustanza jew l-oġġett jissodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi għall-użu speċifiku u josservawx il-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti. Madankollu, dan ifisser li skart jista’ jibqa’ jitqies bħala skart biss jekk u wara li jkun ġie ttrasformat fi prodott konformi mal-istandards ġenerali stabbiliti għal dan l-iskop? Jew id-detentur ta’ skart jista’ jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu, fil-każ speċifiku u irrispettivament mill-eżistenza ta’ standards tal-prodotti, jekk l-iskart għandux jibqa’ jitqies bħala skart?

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem tali kwistjonijiet.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva dwar l-iskart

4.        F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-iskart”, “‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

5.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-iskart fih il-ġerarkija tal-iskart:

“Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a)      prevenzjoni;

(b)      preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ)      riċiklaġġ;

(d)      irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)      rimi”.

6.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-iskart huwa determinanti għall-finijiet tat-tmiem tal-istatus ta’ skart:

“1.      Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)      is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel [jagħmlu] ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

[…]

4.      Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 [fil-paragrafi 1 u 2], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjonijiet skond id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi l-proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn dan ikun meħtieġ minn dik id-Direttiva”.

7.        L-obbligu u l-għan essenzjali tad-Direttiva dwar l-iskart huma stabbiliti fl-Artikolu 13:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”.

8.        Wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, id-Direttiva dwar l-iskart ġiet emendata f’diversi punti, b’mod partikolari b’riferiment għall-Artikolu 6. Madankollu, tali emendi ma għandhomx jidħlu fis-seħħ qabel il‑5 ta’ Lulju 2020 u għalhekk ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

B.      Il-Liġi Estonjana dwar l-iskart

9.        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 21 tal-Jäätmeseadus (il-Liġi Estonjana dwar l-iskart), fil-verżjoni fis-seħħ fit‑18 ta’ Lulju 2014, li tirregola t-tmiem tal-istatus ta’ skart:

“(1)      L-iskart ma għandux jibqa’ skart meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [dwar l-iskart], li għandhom jiġu żviluppati skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      is-sustanza jew l-oġġett ikunu użati komunement għal skopijiet speċifiċi;

2)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

3)      is-sustanza jew l-oġġett ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi, il-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-prodotti għall-iskopijiet speċifiċi;

4)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(2)      Fejn ma jkunux ġew stabbiliti kriterji skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-[Direttiva dwar l-iskart], b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(1) sa (4) preċedenti ta’ dan l-artikolu, il-Ministru responsabbli mis-settur ikkonċernat jista’ jistabbilixxi, permezz ta’ regolament, il-kriterji li skonthom ċerti tipi ta’ skart ma jibqgħux skart.

(3)      Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandu jkun fihom valuri ta’ limiti għas-sustanzi li jniġġsu u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti possibbli li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(4)      L-operazzjoni ta’ rkupru li permezz tagħha l-iskart ma jibqax skart għandha tiġi indikata f’liċenzja għat-trattament tal-iskart jew f’awtorizzazzjoni ambjentali integrata maħruġa f’konformità mal-liġi dwar l-emissjonijiet industrijali għall-impriża li wettqet l-operazzjoni ta’ rkupru. […]”.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

10.      Fl‑2014 u fl‑2015, il-Keskkonnaamet (l-Aġenzija għall-Ambjent) ħarġet lil AS Tallinna Vesi, ġestitur ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi, liċenzji għat-trattament tal-iskart relatat mal-attività ta’ rkupru ta’ skart f’impjant ta’ trattament li jinsab f’Tallinn (l-Estonja) sa ammont annwali kumplessiv ta’ 32 000 tunnellata u f’impjant ta’ trattament li jinsab fil-muniċipalità ta’ Harku, fil-provinċja ta’ Harju (l-Estonja), sa ammont annwali kumplessiv ta’ 7 000 tunnellata.

11.      Mill-motivazzjonijiet tal-imsemmija miżuri jirriżulta li Tallinna Vesi hija responsabbli mis-sistema tal-ilma urban mormi kif ukoll mit-trattament tiegħu f’impjant ta’ ħama attiva.

12.      L-Aġenzija għall-Ambjent u Tallinna Vesi ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il-ħama tad-dranaġġ ittrattat b’dan il-mod għandux jibqa’ jitqies bħala skart, fejn dan jillimita b’mod sinjifikattiv l-użu tiegħu, jew jekk jistax jiġi kkummerċjalizzat liberament bħala prodott.

13.      Skont Tallinna Vesi, il-proċess ta’ tisfija tal-ilma mormi jikkostitwixxi riċiklaġġ bijoloġiku. Skont id-dritt Estonjan, ir-riċiklaġġ bijoloġiku jikkostitwixxi operazzjoni ta’ rkupru tal-iskart fejn il-materjali tal-iskart jiġu ttrattati biex jinkisbu prodotti u li dan jimplika t-tmiem tal-istatus ta’ skart. Tallinna Vesi tixtieq tikseb liċenzja għat-trattament tal-iskart f’dan ir-rigward.

14.      Min-naħa l-oħra, l-Aġenzija għall-Ambjent issostni li, għall-finijiet tat-tmiem tal-istatus ta’ skart, għandhom jiġu ssodisfatti fl-istess ħin il-kriterji kollha indikati fil-paragrafu 1(1) sa (4) tal-Artikolu 21 tal-Liġi Estonjana dwar l-iskart. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 1(3) tal-Artikolu 21 tal-Liġi Estonjana dwar l-iskart, sustanza jew oġġett isiru prodott biss jekk jissodisfaw l-istandards applikabbli għall-prodotti għal skop speċifiku.

15.      Madankollu, għall-prodott miksub mill-operazzjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni u sanitazzjoni mwettqa minn Tallinna Vesi ma huwa previst l-ebda standard tal-prodotti, bil-konsegwenza li l-operazzjoni ta’ trattament tal-iskart imwettqa mill-impriża għandha tiġi kklassifikata bħala trattament bijoloġiku preliminari għall-irkupru tal-iskart. Għaldaqstant, irrispettivament mit-trattament minn qabel, min juża ħama tad-dranaġġ għandu jirreġistra ruħu bħala ġestitur ta’ skart mhux perikoluż jew ikollu liċenzja għat-trattament tal-iskart jew inkella awtorizzazzjoni ambjentali integrata.

16.      Barra minn hekk, l-Aġenzija għall-Ambjent issostni b’mod kumplimentari li l-Artikolu 21 tal-Liġi Estonjana dwar l-iskart ma jagħtihiex id-dritt li tiddeċiedi dwar it-tmiem tal-istatus ta’ skart, iżda hija tista’ topera biss fuq il-bażi ta’ att legali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ regolament tal-Ministru għall-Ambjent.

17.      Tallinna Vesi ppreżentat rikors kontra l-liċenzji għat-trattament tal-iskart sa fejn, skonthom, il-ħama tad-dranaġġ ittrattat għandu jibqa’ jitqies bħala skart. Wara ċ-ċaħda tal-imsemmi rikors fl-ewwel istanza, hemm appell pendenti quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) li, għaldaqstant, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      L-Artikolu 6(4) tad-[Direttiva dwar l-iskart] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti att legali nazzjonali li jipprevedi li, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, it-tmiem tal-istatus ta’ skart jiddependi mill-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att nazzjonali ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart?

2)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-[Direttiva dwar l-iskart] tippermetti lil detentur ta’ skart, fil-każ li ebda kriterju ma jkun ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart, li jeżiġi l-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart minn awtorità kompetenti jew minn qorti tal-Istat Membru skont il-ġurisprudenza applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-eżistenza ta’ kriterji ddefiniti permezz ta’ att nazzjonali ta’ portata ġenerali fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ skart?

18.      AS Tallinna Vesi, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni.

IV.    Analiżi ġuridika

19.      Il-qorti tal-appell evidentement titlaq mill-preżunzjoni li l-ħama tad-dranaġġ jikkostitwixxi skart; fil-fatt, ma tistaqsix jekk dan għandux jitqies bħala tali fid-dawl tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar l-iskart moqri flimkien mad-Direttiva dwar l-ilma mormi (6) u/jew mad-Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ (7). Bl-istess mod, ma tistaqsix jekk id-Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ tistax tintegra standards tal-prodotti suffiċjenti. F’każ li jkun għad hemm dubji dwar il-kwistjonijiet imqajma, dawn, mill-inqas għalissa, għandhom jitħallew f’idejn il-qorti nazzjonali.

20.      Minflok, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda regola kumplessa, li fil-verżjoni applikabbli forsi hija fformulata b’mod żbaljat. Huwa veru li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-iskart fih ċerti kundizzjonijiet rilevanti għall-finijiet tat-tmiem tal-istatus ta’ skart; madankollu, tali kundizzjonijiet għandhom qabel kollox ikunu speċifikati mill-Kummissjoni f’atti legali ulterjuri qabel ma jkun possibbli li jiġi stabbilit, abbażi tagħhom, jekk ċertu skart għadux skart (8). Sakemm il-kriterji ma jkunux ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, skont l-Artikolu 6(4), l-Istati Membri jistgħu, minflok, jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart għadux skart b’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza applikabbli.

21.      Iż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar it-tmiem tal-istatus ta’ skart, jirreferu għall-aħħar dispożizzjoni. Minn naħa, jiġi mistoqsi jekk ikunx kompatibbli mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart l-issuġġettar tat-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-fatt li, għas-sustanza jew għall-oġġett ineżami, jiġu ffissati standards tal-prodotti fil-livell Ewropew jew nazzjonali; min-naħa l-oħra, jekk id-detentur ta’ skart jistax jeżiġi li awtorità jew qorti tiddeċiedi, każ b’każ, jekk l-iskart għandux jibqa’ jitqies bħala skart jew ma jibqax skart.

22.      F’tali kuntest, ir-risposta mogħtija għal domanda jista’ jkollha effett kunsiderevoli fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-oħra. Fil-fatt, fejn ikun ammissibbli l-issuġġettar tat-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-iffissar ta’ kriterji, ma jkun jista’ jeżisti l-ebda obbligu li tiġi adottata, irrispettivament minn dawn, deċiżjoni każ b’każ dwar l-imsemmi tmiem. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart – li jawtorizza lill-Istati Membri jiddeċiedu każ b’każ – tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jadottaw biss deċiżjonijiet individwali, mingħajr ma jkunu jistgħu jiffissaw kriterji ġenerali.

23.      Madankollu, kif se nispjega iktar ’il quddiem, ir-risposti jridu jitfittxu fost dawn iż-żewġ estremi. Għal dan l-għan, qabel kollox se neżamina l-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart, biex sussegwentement nanalizza l-kundizzjonijiet legali sostantivi tat-tmiem tal-istatus ta’ skart u l-possibbiltajiet irrikonoxxuti lill-Istati Membri f’tali kuntest. Fil-fatt, se nittratta r-rabta bejn ir-regoli ġenerali u d-deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4).

A.      Fuq il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart

24.      It-tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li tista’ tiġi dedotta b’mod relattivament ċar mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart. Abbażi ta’ dan, fejn il-Kummissjoni ma tkun iffissat l-ebda kriterju fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart għadux skart b’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza applikabbli.

25.      Għaldaqstant, prima facie jista’ jidher loġiku li tiġi invokata l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, b’mod partikolari, l-użu tal-verb “jistgħu”, eventwalment b’kunsiderazzjoni wkoll tal-possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 193 TFUE, li jintroduċu miżuri protettivi iktar iebsa. Diġà jista’ jiġi dedott li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Ewropej jew nazzjonali speċifiċi għal ċerti sustanzi jew oġġetti, la l-amministrazzjoni nazzjonali, u lanqas il-qrati tal-Istati Membri ma huma marbuta jaċċertaw it-tmiem tal-istatus ta’ skart. Dawn għalhekk la jkunu obbligati jiffissaw kriterji, u lanqas jadottaw deċiżjonijiet individwali.

26.      Madankollu, dan l-approċċ fil-fatt ikun wisq superfiċjali. It-talba għal deċiżjoni preliminari, minflok, teżiġi analiżi iktar fil-fond tal-kunċett ta’ skart u, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-istatus ta’ skart. Fil-fatt, ma jkunx konformi mad-Direttiva dwar l-iskart il-fatt li sustanza jew oġġett jibqgħu jitqiesu bħala skart meta, abbażi ta’ tali att legali, dan ma jibqax skart. Minflok jeħtieġ li jinstab bilanċ ġust tal-iskopijiet tad-Direttiva dwar l-iskart, jiġifieri, minn naħa, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni u, min-naħa l-oħra, dak li meta jkun possibbli l-iskart jiġi ttrasformat fi prodotti utli.

B.      Fuq it-tmiem tal-istatus ta’ skart

27.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-iskart jindika żewġ modalitajiet li jwasslu għat-tmiem tal-istatus ta’ skart.

28.      F’konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, ċertu skart speċifiku ma jibqax skart meta jgħaddi minn operazzjoni ta’ rkupru u jissodisfa kriterji speċifiċi li l-Kummissjoni tiżviluppa konformement ma’ ċerti kundizzjonijiet. Abbażi ta’ dan, l-istatus ta’ skart għandu neċessarjament jintemm iżda l-kundizzjonijiet ta’ tali dispożizzjoni ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-kriterji ċċitati iktar ’il fuq b’riferiment għall-ħama tad-dranaġġ.

29.      It-tieni modalità bl-għan tat-tmiem tal-istatus ta’ skart hija stabbilita fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva ineżami. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri prevista fiha għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza (tal-Qorti tal-Ġustizzja).

30.      Il-ġurisprudenza ċċitata fl-Artikolu 6(4) ġiet żviluppata b’mod indipendenti mill-imsemmi artikolu u hija bbażata fuq id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-iskart (9). Abbażi ta’ dan, skart ifisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew biħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi. L-obbligu, l-intenzjoni jew l-att li jarmi għandhom jiġu (oġġettivament) ivverifikati fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva u billi jiġi żgurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata (10).

31.      Id-definizzjoni kkonċernata tista’ tinftiehem fis-sens li s-sustanza jew l-oġġett ma jibqgħux jikkostitwixxu skart jekk id-detentur ma jibqax jarmihom jew ma jkunx għad għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jaġixxi f’dan is-sens.

32.      Madankollu, tali bidla (potenzjalment spontanja) tal-istatus ta’ skart tkun inkompatibbli mas-sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart stabbilita fid-direttiva inkwistjoni, sa fejn din qabel kollox tippreżumi li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tibqa’ applikabbli.

33.      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe produttur oriġinali tal-iskart jew detentur ieħor iwettaq it-trattament tal-iskart huwa stess jew jara li t-trattament isir minn negozjant jew stabbiliment jew impriża li twettaq l-operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir tal-iskart privata jew pubblika skont l-Artikoli 4 u 13.

34.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-iskart fih l-obbligu ċentrali mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, jiġifieri dak li jiggarantixxi li l-immaniġġar ta’ skart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem jew issir ħsara lill-ambjent. L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-ġerarkija tal-iskart fejn fiha hemm indikata, fl-ewwel post, il-prevenzjoni tal-iskart, segwita mill-preparazzjoni għal użu mill-ġdid, mir-riċiklaġġ, mill-irkupru ieħor u, bħala l-aħħar possibbiltà biss, mir-rimi ta’ skart.

35.      Madankollu, f’dan il-kuntest, min jittratta l-iskart fil-livell professjonali ma huwiex se jarmih, għall-inqas matul it-trattament tiegħu. Għall-kuntrarju, iż-żamma ta’ skart tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali tal-attività rispettiva u tal-profitti li għandhom isiru permezz tagħha. L-attività ta’ landfill tikkonsisti għalhekk effettivament fiż-żamma permanenti ta’ skart. U l-irkupru professjonali ta’ skart jippreżumi l-akkwist regolari tal-iskart inkwistjoni. Għal din ir-raġuni hija kontroversjali wkoll l-identifikazzjoni tas-suġġetti awtorizzati biex jarmu jew jirkupraw ċertu skart (11).

36.      Iċ-ċirkustanza li, fil-kuntest tal-immaniġġar ta’ skart, id-detentur ma jarmihx, ma tistax fiha nnifisha twassal biex l-iskart joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, malli tali leġiżlazzjoni ma tibqax tapplika, lanqas l-osservanza tal-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva dwar l-iskart ma tibqa’ ggarantita.

37.      Għaldaqstant, ġustament, it-telf tal-istatus ta’ skart jippreżumi li d-detentur ma jarmix u la jkollu l-intenzjoni u lanqas l-obbligu li jarmi s-sustanza jew l-oġġett (12); madankollu, tali kundizzjoni ma hijiex biżżejjed biex jintemm l-istatus ta’ skart. Barra minn hekk, dan jirriżulta mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-iskart, iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirreferi għaliha l-Artikolu 6(4).

38.      Fil-fatt, għal ċerti forom ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sustanzi riżultanti ma jibqgħux jikkostitwixxu skart, ħlief jekk id-detentur jarmihom. Dan japplika għar-riċiklaġġ tal-iskart ta’ imballaġġ f’materjal ġdid jew fi prodott ġdid, ta’ karatteristiċi paragunabbli għal dawk tal-materjal ta’ oriġini (13) u għat-trasformazzjoni ta’ ruttam tal-ħadid fi prodotti tal-azzar li huma tant simili għal prodotti tal-azzar oħra li jirriżultaw minn materji primi primarji li ma jkunux jistgħu jiġi distinti iktar (14). It-trasformazzjoni ta’ skart f’gass ippurifikat li jista’ jintuża bħala kombustibbli tilħaq livell kwalitattiv simili (15).

39.      It-tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ sustanza jew ta’ oġġett jippreżumi għalhekk li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, id-detentur tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernati ma jkollux għalfejn jarmi jew ma jkollux l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-iskart u, fit-tieni lok, is-sustanza jew l-oġġett għandhom ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw permezz ta’ operazzjoni ta’ rkupru mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent (16).

40.      Madankollu, il-ġurisprudenza ma ssostnix li l-Unjoni jew l-Istati Membri huma marbuta li jadottaw regolamenti jew deċiżjonijiet sabiex l-iskart ma jibqax skart.

C.      Kompetenzi tal-Istati Membri u limiti relatati

41.      Madankollu, il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għat-tmiem tal-istatus ta’ skart huma rilevanti għall-finijiet tal-kompetenzi rrikonoxxuti fir-rigward tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, minbarra l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart, tkun importanti, b’mod partikolari, ir-regolazzjoni tal-irkupru ta’ skart li, fil-ġurisprudenza, tintegra kundizzjoni għat-tmiem tal-istatus ta’ skart.

42.      Huwa veru li l-Anness II tad-Direttiva dwar l-iskart fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 10, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet eventwali tad-dritt tal-Unjoni speċifiċi għal ċerti tipi ta’ skart, pereżempju fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) u (2), bħala regola ġenerali, ir-regolazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ rkupru, inklużi r-rekwiżiti għal irkupru komplut, hija l-kompitu tal-Istati Membri. F’tali kuntest, dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġerarkija tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 4 u, konformement mal-Artikolu 13, jevitaw li tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem jew li ssir ħsara lill-ambjent, iżda ċertament jistgħu jiffissaw standards ta’ protezzjoni differenti (17).

43.      Tali possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar operazzjonijiet ta’ rkupru u dwar il-livell ta’ protezzjoni fis-seħħ f’dan ir-rigward, hija konformi mal-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart, li skontha l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart għadux skart, iżda ma humiex marbuta li jirrikonoxxu t-tmiem tal-istatus ta’ skart. L-Artikolu 193 TFUE jikkonferma tali kompetenza, sa fejn jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi għal protezzjoni ikbar.

44.      Madankollu, il-libertà rrikonoxxuta lill-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart ma hijiex illimitata. Dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-direttiva, pereżempju tal-ġerarkija tal-iskart skont l-Artikolu 4 u, b’mod partikolari, tal-promozzjoni tal-irkupru ta’ skart f’konformità mal-premessa 29, iżda għandhom ukoll jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-partijiet interessati, fil-kawża ineżami, b’mod partikolari, id-dritt fundamentali għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 17 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

45.      L-Artikolu 193 TFUE ma għandux effett sostanzjali fuq tali limiti, peress li anki l-miżuri eventwali ta’ protezzjoni msaħħa għandhom, minn naħa, jissodisfaw l-għanijiet tal-miżura rispettiva tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (18), li jinkludu d-drittijiet fundamentali.

46.      Madankollu, għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent skont l-Artikolu 13, ċertu marġni diskrezzjonali (19). Fil-fatt, il-miżuri korrispondenti jippreżumu evalwazzjoni tar-riskji kumplessa tal-miżura rispettiva tal-irkupru skont it-tagħrif xjentifiku u tekniku l-iktar reċenti (20). Id-dritt tal-Unjoni jippermetti li jiġi limitat l-istħarriġ ġudizzjarju dwar tali deċiżjonijiet f’każijiet ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (21), iżda jeżiġi li l-korpi kompetenti josservaw ir-rekwiżiti proċedurali, jiġifieri b’mod partikolari, li jeżaminaw, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (22). Tali setgħa diskrezzjonali għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-ksib tal-bilanċ meħtieġ għall-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali kkonċernati.

47.      Għaldaqstant, skont id-Direttiva dwar l-iskart u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(4), l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ biex jiddeċiedu jekk ċertu skart għandux jibqa’ jitqies bħala skart. Madankollu, huma marbuta jadottaw l-imsemmija deċiżjoni b’kunsiderazzjoni tal-aspetti rilevanti kollha u tat-tagħrif xjentifiku u tekniku l-iktar reċenti, minbarra li josservaw f’tali kuntest ir-rekwiżiti proċedurali applikabbli.

D.      Dispożizzjonijiet ġenerali jew deċiżjonijiet individwali

48.      Madankollu, għadu meħtieġ li jiġi ċċarat jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ikunx kompatibbli mad-Direttiva dwar l-iskart u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(4), l-issuġġettar tat-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-kundizzjoni li, għas-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni, fil-livell Ewropew jew nazzjonali jkunu ġew iddefiniti kriterji li jkunu meħtieġa għal dan l-għan. Fejn tiġi introdotta regola ta’ dan it-tip, id-detenturi ta’ skart ma jkollhom l-ebda dritt li jiksbu fil-livell individwali l-aċċertament tal-fatt li, minkejja li ma jkunx hemm kriterji, ċertu skart ma jkunx għadu skart.

49.      F’dan ir-rigward, qabel kollox jeħtieġ li jiġi ċċarat li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-iskart, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw kriterji mmirati biex jiġi ddefinit meta skart ma jibqax skart. Huwa veru li, abbażi tad-dispożizzjoni ineżami, huma jistgħu jiddeċiedu każ b’każ: madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jadottaw biss deċiżjonijiet individwali għal ċertu skart jew għal ċerti detenturi ta’ skart. Minflok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tfakkarhom li l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità mad-Direttiva dwar l-istandards u r-Regolamenti Tekniċi (23), fejn din tal-aħħar timponi hekk. Madankollu, id-direttiva msemmija iktar ’il fuq ma tapplikax għad-deċiżjonijiet individwali, iżda għall-proġetti ta’ regolamenti tekniċi. Fil-prinċipju, il-kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart għal ċertu tip ta’ skart ikunu koperti minnha. Barra minn hekk, tali kriterji huma ferm iktar utli għal applikazzjoni korretta u koerenti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart milli limitazzjoni għad-deċiżjonijiet individwali.

50.      Bħala regola ġenerali, ikun ammissibbli wkoll l-issuġġettar tat-tmiem tal-istatus ta’ skart għall-eżistenza tal-imsemmija kriterji. Ħafna drabi, fil-fatt, l-iskart ikun marbut ma’ riskji għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent li jiġġustifikaw applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart (24).

51.      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-irkupru tal-ħama tad-dranaġġ, l-Awstrija tirrileva ġustament, b’mod partikolari, li dan huwa marbut ma’ ċerti riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, fuq kollox, mar-riskju ta’ kontaminazzjoni b’sustanzi li jniġġsu. Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tal-marġni diskrezzjonali rrikonoxxuta lilhom, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li ma jistabbilixxux it-tmiem tal-istatus ta’ skart tal-ħama tad-dranaġġ u li ma jiffissaw l-ebda standard tal-prodotti għall-ħama tad-dranaġġ ittrasformat jekk tali standard jista’ jwassal għat-tmiem tal-imsemmi status.

52.      Madankollu, jista’ jeżisti skart li, b’kunsiderazzjoni tal-aspetti rilevanti kollha u tat-tagħrif xjentifiku u tekniku l-iktar reċenti, jista’ jerġa’ jintuża lil hinn minn kull dubju raġonevoli permezz ta’ operazzjoni ta’ rkupru, mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem jew issir ħsara lill-ambjent jew mingħajr ma d-detentur jarmih jew ikollu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-iskart.

53.      F’tali każ, il-marġni diskrezzjonali rrikonoxxut lill-Istati Membri jkun suġġett għall-iktar limiti stretti u huma ma jkunux jistgħu jinvokaw il-fatt li għadhom ma ġewx iffissati kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart għal tali skart. F’tali kundizzjonijiet, id-detentur tal-iskart ikollu d-dritt li l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati, b’deċiżjoni individwali, jiżguraw it-tmiem tal-istatus ta’ skart, meta fi kwalunkwe każ ma jkunx hemm raġuni biex jitqies li l-imsemmi detentur se jarmi l-materjal jew l-oġġett jew li se jkun biħsiebu jew obbligat jarmih.

54.      Fil-kuntest tal-kawża ineżami ma jeħtieġx li jiġi stabbilit jekk l-istatus ta’ skart jistax jintemm b’mod awtomatiku f’ċerti kundizzjonijiet, direttament fuq il-bażi tad-Direttiva dwar l-iskart jew minħabba l-fatt li din tintroduċi regola nazzjonali f’dan ir-rigward. Minn naħa, id-dritt Estonjan ma jipprevedix tali possibbiltà u, min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-leġittimità tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jeskludu tmiem tal-istatus ta’ skart.

V.      Konklużjoni

55.      Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, bħala regola ġenerali, l-iskart ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart sakemm jissodisfa l-kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart stabbiliti, għat-tip speċifiku rispettiv ta’ skart, permezz ta’ att legali Ewropew jew nazzjonali ta’ portata ġenerali.

Madankollu, fin-nuqqas ta’ tali kriterji, id-detentur tal-iskart għandu d-dritt jitlob lill-awtorità kompetenti jew lil qorti ta’ Stat Membru biex taċċerta, għal ċertu skart, it-tmiem tal-istatus ta’ skart jekk, b’kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha rilevanti u tat-tagħrif xjentifiku u tekniku l-iktar reċenti, tali skart jista’ jerġa’ jintuża lil hinn minn kull dubju raġonevoli permezz ta’ operazzjoni ta’ rkupru, mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem jew issir ħsara lill-ambjent jew mingħajr ma d-detentur jarmih jew ikollu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1990, Vessoso u Zanetti (C‑206/88 u C‑207/88, EU:C:1990:145).


3      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318).


4      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3). L-emendi introdotti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 li jieħu post l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li jħassar ċertu Direttivi (ĠU 2014, L 365, p. 89, rettifika fil-ĠU 2017, L 42, p. 43), u mid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1127 tal‑10 ta’ Lulju 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU 2015, L 184, p. 13, rettifika fil-ĠU 2015, L 297, p. 9), ma humiex rilevanti fil-proċedura ineżami.


5      Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU 2018, L 150, p. 109).


6      Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26); tkun rilevanti l-verżjoni kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 li jadatta numru ta’ strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tal-proċedura regolatorja bi skrutinju – Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju – L-Ewwel Parti (ĠU 2008, L 311, p. 1). Ara, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-iskart fuq l-ilma mormi, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities (C‑252/05, EU:C:2007:276).


7      Direttiva tal-Kunsill 86/278/CEE tat‑12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 265) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ”); hija rilevanti l-verżjoni emendata tar-Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2009 li jadatta numru ta’ atti soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju – Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju – Parti Tnejn (ĠU 2009, L 87, p. 109).


8      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 55).


9      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑263/05, EU:C:2007:808, punt 40), u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland u Belgian Shell (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 40).


11      Bħala eżempju, ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑102/97, EU:C:1999:394), dwar il-kuntrast bejn ċerti prattiki ta’ rkupru taż-żejt użat, u tat‑23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus (C‑209/98, EU:C:2000:279), dwar l-aċċess għall-iskart tas-sit tal-kostruzzjoni.


12      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 57).


13      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2003:356, punt 75).


14      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C‑457/02, EU:C:2004:707, punt 52).


15      Sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 2008, Lahti Energia (C‑317/07, EU:C:2008:684, punti 35 u 36), u tal‑25 ta’ Frar 2010, Lahti Energia II (C‑209/09, EU:C:2010:98, punti 20 u 21).


16      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 60).


17      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, EU‑Wood‑Trading (C‑277/02, EU:C:2004:810, punti 45 u 46).


18      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Túrkevei Tejtermelő Kft. (C‑129/16, EU:C:2017:547, punt 61).


19      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (San Rocco, C‑365/97, EU:C:1999:544, punti 66 u 67); tat‑18 ta’ Novembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Péra Galini, C‑420/02, EU:C:2004:727, punt 21); tas‑16 ta’ Diċembru 2004, EU‑Wood‑Trading (C‑277/02, EU:C:2004:810, punt 45), u tal‑11 ta’ Diċembru 2008, MI.VER u Antonelli (C‑387/07, EU:C:2008:712, punt 25).


20      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Edilizia Mastrodonato (C‑147/15, EU:C:2016:606, punt 45).


21      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punti 34 u 35); tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u minn C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punti 76 u 78), u tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 60). Għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-korpi tal-Unjoni ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 13); tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 135); tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 54), u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 49).


22      Għall-eżami tal-miżuri tal-Istati Membri, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 61); għall-miżuri tal-Unjoni, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 56), u tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 69).


23      Hija ċċitata d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), li madankollu ġiet issostitwita, sadanittant, mid-Direttiva (UE) 2015/1535 (ĠU 2015, L 241, p. 1), bl-istess titolu.


24      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑361/05, EU:C:2007:298, punt 20), u tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑37/09, EU:C:2010:331, punt 37).