Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-8 ta’ Lulju 2019 – Eutelsat SA vs Autorité de régulation des communications électroniques et des postes, Inmarsat Ventures Ltd

(Kawża C-515/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eutelsat SA

Konvenuti: Autorité de régulation des communications électroniques et des postes, Inmarsat Ventures Ltd

Partijiet oħra fil-proċedura: Viasat Inc u Viasat UK Ltd

Domandi preliminari

Liema kriterji legali jistgħu jintużaw sabiex jiġi identifikat stazzjon mobbli terrestri fis-sens tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 1 ? Din id-deċiżjoni għandha tinqara bħala li tirrikjedi li stazzjon mobbli terrestri li jikkomunika ma’ komponenti terrestri kumplimentari jista’ wkoll, mingħajr tagħmir separat, jikkomunika ma’ satellita? Kif, jekk fl-affermattiv, għandu jiġi evalwat jekk it-tagħmir huwiex l-istess?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) ta’ dik l-istess deċiżjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li sistema mobbli permezz tas-satellita għandha tkun ibbażata prinċipalment fuq komponenti satellitari jew jippermettu li jitqies li r-rwol rispettiv ta’ komponenti satellitari u terrestri huwa irrilevanti, inkluż f’konfigurazzjoni fejn il-komponent satellitari huwa utli biss meta l-komunikazzjonijiet ma’ komponenti terrestri ma jistgħux jiġu żgurati? Jistgħu jiġu installati komponenti terrestri kumplimentari sabiex ikopru t-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea għar-raġuni li l-istazzjonijiet spazjali fl-ebda punt ma jistgħu jiżguraw il-kwalità rikjesta ta’ komunikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)?

Fil-każ li l-operatur magħżul konformement mat-Titolu II ta’ din id-deċiżjoni ma osservax l-impenji għal dak li jirrigwarda l-kopertura tat-territorju ddefiniti fl-Artikolu 7(2) sat-terminu previst fl-Artikolu 4(1)(ċ)(ii), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta’ komponenti terrestri kumplimentari? Fil-każ ta’ risposta negattiva, jistgħu jirrifjutaw li jagħtu dawn l-awtorizzazzjonijiet?

____________

1     Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU 2008, L 172, p. 15).