Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja) fil-25 ta’ Ġunju 2019 – LH vs PROFI CREDIT Slovakia, s.r.o.

(Kawża C-485/19)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LH

Konvenuta: PROFI CREDIT Slovakia, s.r.o.

Domandi preliminari

A

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 47 tal-Karta”), kif ukoll, impliċitament, id-dritt tal-konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 107(2) tal-Občianský zákonník (il-Kodiċi Ċivili Slovakk) dwar il-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin, li jipprevedi li d-dritt tal-konsumatur għal ħlas lura minħabba klawżola inġusta jiddekadi anki jekk il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa huwa nniffsu l-klawżola inġusta u li jkun hemm preskrizzjoni anki meta l-konsumatur ma kienx konxju min-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali?

Fil-każ li l-istabbiliment tal-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ effettività, anki minkejja li huwa ma kienx konxju ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda li ġejja:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħd fuq il-konsumatur l-oneru li jipprova, quddim il-qorti, li l-persuna li taġixxi f’isem il-kreditur kien konxju mill-fatt li l-kreditur jikser id-drittijiet tal-konsumatur, f’dan il-każ konxju mill-fatt li, billi ma jindikax ir-rata annwali effettiva globali (iktar ’il quddiem ir-“RAEG” t-tajba, il-kreditur jikser dispożizzjoni legali, kif ukoll konxju mill-fatt li, f’tali każ, il-kreditu huwa eżenti minn interessi u li, billi jirċievi l-interessi, il-kreditur jikseb arrikiment indebitu?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda A(2), fir-rigward ta’ liema persuni minn fost dawk li jaġixxu mal-kreditur, bħad-direttur, is-soċji jew ir-rappreżentanti kummerċjali, għandu l-konsumatur juri l-kienu konxji fis-sens tad-domanda A(2)?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda A(2), liema livell ta’ għarfien huwa suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan li tintwera l-intenzjoni tal-fornitur li jikser ir-regoli applikabbli fis-suq finanzjarju?

B

L-effetti tad-direttivi u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari s-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278), is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punti 113 u 114), is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21, punt 48), is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 100), is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punti 25 u 27) kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2014:2, punt 38), jipprekludu prassi nazzjonali li abbażi tagħha il-qorti nazzjonali ddeċidiet li hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma użat ir-regoli ta’ interpretazzjoni u mingħajr il-motivazzjoni meħtieġa?

Jekk, wara li tkun applikat il-metodi ta’ interpretazzjoni bħall-interpretazzjoni teleoloġika, l-interpretazzjoni awtentika, l-interpretazzjoni storika, l-interpretazzjoni sistematika, l-interpretazzjoni loġika (metodu a contrario, metodu reductione ad absurdum) kif ukoll l-ordinament nazzjonali fit-totalità tiegħu sabiex tilħaq l-għan previst fl-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), qorti tiddeċiedi li interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni twassal għal sitwazzjoni contra legem, jista’ jingħata, pereżempju abbażi ta’ paragun tar-relazzjonijiet fil-każ ta’ diskriminazzjoni jew ta’ protezzjoni tal-impjegati, effett dirett għad-dispożizzjoni iċċitata iktar ’il fuq tad-Direttiva għall-finijiet tal-protezzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fil-konfront tal-konsumaturi fir-relazzjonijiet ta’ kreditu tagħhom u jistgħu ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-liġi li ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni?

____________

1     Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).