Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fid-9 ta’ Ġunju 2020 – “Viva Telecom Bulgaria” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofija

(Kawża C-257/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “Viva Telecom Bulgaria” EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Sofija

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 5(4) u tal-Artikolu 12(b) tat-Trattat UE u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali bħalma huwa l-punt 3 tal-Artikolu 16(2) taż-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji, iktar ’il quddiem iż-“ZKPO”)?

Pagamenti ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2003/49/KE 1 jikkostitwixxu distribuzzjoni ta’ profitti li għaliha japplika l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96/KE 2 ?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(b), tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96 japplikaw għall-pagament ta’ self mingħajr interessi konkluż għal perijodu ta’ 60 sena li jaqa’ taħt l-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2003/49?

L-Artikolu 49 u l-Artikolu 63(1) u (2) tat-Trattat FUE, l-Artikolu 1(1)(b), l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/96 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2003/49 jippermettu dispożizzjoni nazzjonali legali bħalma huma l-Artikolu 195(1) u l-Artikolu 200(2) taż-ZKPO, kif ukoll l-Artikolu 200a(1) u l-punt 4 tal-Artikolu 200a(5) taż-ZKPO (imħassar) fil-verżjoni applikabbli bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-1 ta’ Jannar 2015, u l-Artikolu 195(1), il-punt 3 tal-Artikolu 195(6) u l-punt 4 tal-Artikolu 1(11) taż-ZKPO fil-verżjoni applikabbli wara l-1 ta’ Jannar 2015 u prassi nazzjonali fil-qasam fiskali li jwasslu għal taxxa f’ras il-għan fuq l-interessi mhux imħallsa fir-rigward ta’ self mingħajr interessi mogħti minn kumpannija omm fi Stat Membru ieħor lil kumpannija lokali għal perijodu ta’ 60 sena wara t-22 ta’ Novembru 2013?

L-Artikolu 3(1)(h) sa (j), l-Artikolu 5(1)(a) u (b), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/7 3 jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali bħalma huma l-Artikolu 16(1), il-punt 3 tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 195(1) taż-ZKPO li jissuġġettaw għal taxxa f’ras il-għajn dħul fittizju minn interessi, iddeterminat fir-rigward ta’ self mingħajr interessi, mogħti lil kumpannija lokali minn kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li tkun l-unika proprjetarja tal-kapital tal-kumpannija li tissellef?

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/49 b’effett mill-2011, qabel l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst fil-punt 3 tat-Taqsima “Tassazzjoni” tal-Anness VI tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropa, fl-Artikolu 200(2), fl-Artikolu 200a(1) u fil-punt 4 tal-Artikolu 200a(1)(5) taż-ZKPO, b’rata ta’ taxxa fissa ta’ 10 %, minflok ir-rata massima ta’ 5 % prevista fl-imsemmi Protokoll, tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 380).

2     Direttiva tal-Kunsill 2011/96/KE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).

3     Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat-12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008, L 46, p. 1).