Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fid-19 ta’ Marzu 2019 fil-Kawżi magħquda T-98/16, T-196/16 u T-198/16, L-Italja et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-425/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Stancanelli, L. Flynn, A. Bouchagiar, D. Recchia, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, Banca Popolare di Bari Società Cooperativa per Azioni, Fondo interbancario di tutela dei depositi, Banca d’Italia

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Marzu 2019, kawżi magħquda

    T-98/16 “Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea”

    T-196/16 “Banca Popolare di Bari S.C.p.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea”

    T-198/16 “Fondo interbancario di tutela dei depositi vs Il-Kummissjoni Ewropea”;

tiċħad ir-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza sa fejn dawn jikkontestaw iċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kontenzjuża turi li ġew issodisfatti r-rekwiżiti tal-imputabbiltà lill-Istat għall-miżuri ineżami u għall-finanzjament tagħhom b’riżorsi tal-Istat;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-eżami tal-kumplament tal-motivi fl-ewwel istanza u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża peress li “l-Kummissjoni ma pprovatx, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE” u “ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-riżorsi inkwistjoni kienu kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani u li għalhekk dawn kienu għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar”.

Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet infondati fid-dritt u fuq żnaturament tal-fatti, li jinvalidaw b’mod irrimedjabbli l-konklużjonijiet tagħha u d-dispożittiv tagħha. Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji:

–    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) għal żewġ raġunijiet:

il-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk ġewx osservati r-rekwiżiti ta’ imputabbiltà u ta’ riżorsi tal-Istat, billi imponiet li l-Kummisskjoni għandha turi b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ influwenza dominanti, fl-istadji kollha tal-proċess li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri ineżami, min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-entità li tagħti l-għanjuna, sempliċiment minħabba l-fatt li din tal-aħħar hija entità privata;

il-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk ġewx osservati r-rekwiżiti ta’ imputabbiltà u ta’ riżorsi tal-Istat, billi wettqet l-eżami u l-evalwazzjoni tal-provi prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża b’mod ifframmentat, mingħajr ma ħadithom inkunsiderazzjoni flimkien u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest usa’ li minnu dawn jifformaw parti.

(    Fit-tieni lok, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati wkoll minn ineżattezzi materjali serji marbuta mal-fatti u mal-interpretazzjoni tad-dritt Taljan rilevanti, li jirriżultaw b’mod manifest mill-atti tal-kawża.

____________