Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2019 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ April 2019 fil-Kawża T-229/17, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-475/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller, aġent, M. Kottmann, M. Winkelmüller u F. van Schewick, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Finlandja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-10 ta’ April 2019 fil-Kawża T-229/17, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/133 tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar iż-żamma b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta’ konformità u mmarkar” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/145 tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar iż-żamma b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;

tannulla l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2017, tal-11 ta’ Awwissu 2017, tal-15 ta’ Diċembru 2017, u tad-9 ta’ Marzu 2018 3 , fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, sa fejn huma jirreferu għall-istandards armonizzati EN 14342:2013 u EN 14904:2006;

sussidjarjament għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ punt tat-talbiet, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq it-tliet aggravji li ġejjin.

L-ewwel nett, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn hija tiċħad it-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi għall-annullament tal-komunikazzjonijiet ikkontestati inkwantu inammissibbli. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-komunikazzjonijiet ikkontestati huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li ma humiex identiċi għall-effetti legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

It-tieni nett, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 18(2), moqri flimkien mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 305/2011. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet fl-istess waqt awtorizzata u obbligata li tieħu waħda mill-miżuri proposti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

It-tielet nett, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 18(2), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2), u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 305/2011. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kienet obbligata, skont dawn id-dispożizzjonijiet, teżamina jekk l-istandards inkwistjoni kinux jikkompromettu l-osservanza tar-rekwiżiti fundamentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

____________

1     ĠU 2017, L 21, p. 113.

2     ĠU 2017, L 22, p. 62.

3     ĠU 2017, C 76, p. 32; ĠU 2017, C 267, p. 16; ĠU 2017, C 435, p. 41; ĠU 2018, C 92, p. 139.