Language of document : ECLI:EU:F:2010:51

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-35/08

Dimitrios Pachtitis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06 — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami bil-miktub wara r-riżultat miksub fit-testijiet ta’ ammissjoni — Kompetenzi tal-EPSO”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Pachtitis jitlob l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-31 ta’ Mejju 2007, li tinformah li ma għaddiex mit-testijiet ta’ ammissjoni tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06, it tieni nett, tad-deċiżjoni tal-EPSO, tas-6 ta’ Diċembru 2007, li tirrifjuta l-ilment tiegħu kontra d deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, it-tielet nett, ta’ kull att relatat.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-EPSO, tal-31 ta’ Mejju 2007 u tas-6 ta’ Diċembru 2007, li jeskludi lir-rikorrent mil-lista ta’ 110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06 huma annullati. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrent. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrent, ibati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment — Deċiżjoni adottata wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Kompetenzi — Iffissar tal-kontenut u korrezzjoni ta’ testijiet ta’ ammissjoni għal kompetizzjoni — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 7; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew 2002/620, Artikolu 2)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kunċett — Fażi preliminari li tikkonsisti f’testijiet ta’ ammissjoni ta’ mistoqsijiet ta’ għażla multipla — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm jekk impliċita jew espliċita, ta’ lment ma tagħmilx, jekk hija pura u sempliċi, ħlief tikkonferma l‑att jew l‑astensjoni, li l‑ilmentatur jilmenta, u ma tikkostitwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat. Dan huwa l‑każ ta’ att li ma għandu l‑ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti li kkawża preġudizzju u li għaldaqstant ma jissostitwixxix dan l‑att. Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment, tista’, fid‑dawl tal‑kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal‑att ikkontestat.

Dan huwa l‑każ meta d‑deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑ilment tinkludi eżami mil‑ġdid tas‑sitwazzjoni tar‑rikorrent skont punti ġodda ta’ liġi u ta’ fatt jew meta hija temenda jew tikkompleta d‑deċiżjoni inizjali. F’dawn il‑każijiet, iċ‑ċaħda tal‑ilment tikkostitwixxi att suġġett għall‑istħarriġ tal‑qorti tal-Unjoni, li teħodha inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tal‑legalità tal‑att ikkontestat, saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi ruħu għal dan tal‑aħħar.

(ara l-punti 37 sa 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677 punt 9; 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18; 16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il Kummissjoni, 371/87, Ġabra p. 3081, punt 17; Il-Qorti Ġenerali: 27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑608/97, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑569, punt 23; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punti 34 u 35; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 54; 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 49; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaio vs Il‑Kummissjoni T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punti 63 sa 66; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑281 u II‑A‑1‑1495, punt 17

2.      Mill‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jirriżulta, b’mod partikolari, li r‑regoli tal‑proċedura tal‑kompetizzjoni huma bbażati fuq il‑prinċipju ta’ diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l‑Awtorità tal‑Ħatra u l‑Bord tal-Għażla. Filwaqt li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ awtolimitazzjoni tal‑poter amministrattiv, din id‑dijarkija statutorja turi, għall‑fini tal‑protezzjoni tat‑trasparenza tal‑proċedura tal‑għażla tal‑persunal tal‑Unjoni, ir‑rieda tal‑leġiżlatur statutorju li ma jirriżervax biss għall‑amministrazzjoni l‑kompitu delikat ta’ għażla tal‑persunal inkwistjoni, imma li jinvolvi wkoll, permezz tal‑Bord tal-Għażla, nies minn barra l‑ġerarkija amministrattiva, u b’mod partikolari rappreżentanti tal‑persunal.

Id-diviżjoni ta’ kompetenzi ma kinitx affettwata bit-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) peress li d-Deċiżjoni 2002/620, li tirrigwarda t-twaqqif tal-EPSO, li tipprovdi espressament, fl‑Artikolu 2 tagħha, li jeżerċita l‑poteri ta’ selezzjoni akkwistati mill‑Awtorità tal‑Ħatra fil‑qasam tal‑kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, mill‑Artikolu 7 tal‑Anness III tar‑Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l‑iżvolġiment tal‑kompetizzjoni għar‑reklutaġġ ta’ uffiċjali, il‑kompiti tal‑EPSO huma essenzjalment ta’ natura ta’ organizzazzjoni. F’dan ir-rigward, kemm l-għażla kif ukoll l-evalwazzjoni tas-suġġetti tal-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-EPSO.

Bħala konklużjoni, għalkemm il-kompiti mogħtija lill EPSO huma tali li jagħmlu lil dan il-korp attur importanti fid-determinazzjoni u t-tmexxija tal-politika tal-Unjoni fir-rigward ta’ selezzjoni tal-persunal, għal dak li jirrigwarda, minn naħa l-oħra, l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, ir-rwol tiegħu, li huwa żgur sinjifikattiv sa fejn jassisti l-Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak ta’ dan tal aħħar, għal liema bord għaldaqstant l-EPSO ma jistax jissostitwixxi ruħu.

Għaldaqstant, deċiżjoni, li permezz tagħha l-EPSO jiċħad kandidat ta’ kompetizzjoni, għar-raġuni li l-marki għat-testijiet ta’ ammissjoni kienu insuffiċjenti, għandha tiġi annullata. Fil-fatt, anki l-korrezzjoni ta’ dawn it-testijiet, magħmula minn mistoqsijiet ta’ għażla multipla, twettqet minn kompjuter u li, għaldaqstant, hija ggwidata minn proċedura awtomatika mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni suġġettiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura awtomatizzata timplika t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-mertu, rigward id-determinazzjoni tal-livell ta’ diffikultà tal-mistoqsijiet magħmul matul it-testijiet ta’ amministrazzjoni u n-newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet. Issa, fin-nuqqas ta’ emenda statutorja li tinkariga lill-EPSO li jwettaq kompiti li jaffettwaw id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet u l-korrezzjoni ta’ dawn, dan jirrigwarda b’mod manifest kompiti li normalment jaqgħu taħt il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 50, 56 sa 58, 63, 65 u 70)

3.      Waqt proċedura ta’ kompetizzjoni, fażi preliminari li twassal għall-eliminazzjoni ta’ iktar minn 90 % tal-kandidati parteċipanti għal din il-kompetizzjoni, mhux għal raġunijiet formali, iżda għaliex ma rrispondewx b’mod sodisfaċenti biżżejjed f’testijiet, tagħmel parti essenzjali mill-kompetizzjoni. In‑natura ta’ “kompetizzjoni” ta’ dawn it-testijiet ta’ ammissjoni hija għaldaqstant iktar evidenti meta ma jkunx biżżejjed li jinkiseb riżultat medju fit-testijiet inkwistjoni, iżda hemm il-bżonn li jkunu fost il-kandidati li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni. Issa, din in-natura komparattiva tat-testijiet tal-fażi preliminari hija inerenti fil-kunċett tal-istess kompetizzjoni.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punt 28; Il-Qorti Ġenerali: 2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il‑Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 81