Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fis-27 ta’ Mejju 2019 – WWF Italia o.n.l.u.s. et vs Presidenza del Consiglio dei Ministri u Azienda Nazionale Autonoma Strade SpA (ANAS)

(Kawża C-411/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti/Appellanti: WWF Italia o.n.l.u.s., Lega Italiana Protezione Uccelli o.n.l.u.s., Gruppo di Intervento Giuridico o.n.l.u.s., Italia Nostra o.n.l.u.s., Forum Ambientalista, FC et

Konvenuti: Presidenza del Consiglio dei Ministri u Azienda Nazionale Autonoma Strade SpA - (ANAS)

Domandi preliminari

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE 1 , moqri flimkien mad-Direttiva [2009/147/KE] 2 sa fejn din hija applikabbli għall-każ ineżami, jipprekludi dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali primarja u l-leġiżlazzjoni sekondarja ta’ implimentazzjoni tagħha […] li jippermettu lill-korp tal-“aħħar istanza”, kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-konformità mar-rekwiżiti ambjentali tal-proġett preliminari ta’ xogħol fil-każ ta’ opinjoni motivata kuntrarja tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, jadotta din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, jawtorizza t-tmexxija tal-proċedura, billi jinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku kbir, filwaqt li l-korp pubbliku inkarigat bil-protezzjoni tal-ambjent jafferma li ma huwiex possibbli li jiġu previsti eventwali rekwiżiti u miżuri ta’ attenwazzjoni għall-varjant tal-proġett li jinsab fil-proċess li jiġi approvat, li dwaru diġà ġiet espressa opinjoni negattiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent?

L-imsemmija direttivi jipprekludu soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn, sabiex japprova l-proġett preliminari ta’ xogħol suġġett għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, wieħed jinvoka l-“interess pubbliku kbir” diġà ċċitat bħala prevalenti fuq l-interess ambjentali, meta dan l-interess pubbliku kbir ikun ibbażat esklużivament fuq l-ispiża iktar baxxa tax-xogħol, fuq il-konformità tiegħu wkoll mal-protezzjoni tal-pajsaġġ, ta’ elementi storiċi, kulturali u soċjoekonomiċi u fuq in-neċessità li jsir netwerk tat-toroq trans-Ewropew, fil-każ ineżami n-netwerk RTE-T, li huwa kklassifikat bħala “globali” fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 3 , meta jkun hemm soluzzjoni alternattiva li diġà ġiet approvata mill-perspettiva ambjentali?

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija hawn fuq hija kompatibbli ma’ soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn wieħed iqis li huwa possibbli li t-twettiq ta’ eżaminijiet u studji iktar fid-dettall tal-effetti fuq l-ambjent ta’ rotta stradali li ma ġietx approvata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – inkluża dik li saret fuq il-bażi tad-Direttiva 92/43/KE – jiġi pospost għall-istadju tal-proġett definittiv minflok ma l-awtur tal-applikazzjoni jkun meħtieġ li jwettaq eżamijiet u studji iktar fid-dettall sabiex jiġu attenwati l-effetti ekonomiċi u fuq il-pajsaġġ [fuq l-ambjent tar-]rotta l-oħra li, għall-kuntrarju, diġà ġiet approvata mill-perspettiva tal-ambjent?

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domanda fir-rigward tal-kompatibbiltà [mad-dritt tal-Unjoni], l-imsemmija direttivi jipprekludu soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn l-opinjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ambjentali mogħtija mill-korp kompetenti matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-proġett preliminari ta’ xogħol ma hijiex meqjusa vinkolanti u t-twettiq tal-evalwazzjonijiet iktar fid-dettall fil-qasam tal-effetti [tal-proġett] fuq l-elementi tal-pajsaġġ u tal-ambjent tat-territorju huwa pospost għall-istadju tal-proġett definittiv, fir-rigward speċifikament tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u l-miżuri adegwati ta’ kumpens u ta’ attenwazzjoni li għandhom konsegwentement jiġu previsti?

L-imsemmija direttivi jipprekludu soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn l-awtur tal-applikazzjoni huwa meħtieġ jinkludi, fir-redazzjoni tal-proġett definittiv tax-xogħol, ir-rekwiżiti, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet marbuta mal-pajsaġġ u mal-ambjent espressi fil-konferenza tas-servizzi għall-proġett preliminari, meta, fir-rigward ta’ dan il-proġett, il-korp inkarigat mill-protezzjoni tal-ambjent irrileva li kien impossibbli li jiġu previsti eventwali rekwiżiti u miżuri ta’ attenwazzjoni għall-varjant tal-proġett fil-proċess li jiġi approvat?

L-imsemmija direttivi jipprekludu soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn l-awtur tal-applikazzjoni huwa inkarigat ukoll iwettaq l-istudju tal-effetti tax-xogħol fuq l-ambjent, inkluża “l-evalwazzjoni xierqa”, studju li għandu jsir fl-osservanza tar-rekwiżiti legali fis-seħħ u li fuq il-bażi tiegħu għandha ssir l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent?

L-imsemmija direttivi jipprekludu soluzzjoni bħal dik adottata fil-każ ineżami, fejn huwa attur terz (ir-Reġjun Lazio), u mhux l-awtorità normalment inkarigata (il-Kummissjoni ta’ Evalwazzjoni tal-Effetti fuq l-Ambjent tal-Ministeru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar), li nħatar sabiex jivverifika l-istudju tal-effetti fuq l-ambjent marbut mal-proġett definittiv tax-xogħol, inkluż sabiex jiddetermina l-eventwali miżuri ta’ attenwazzjoni u ta’ kumpens neċessarji sabiex jiġu protetti u ssalvagwardati l-elementi ambjentali u tal-pajsaġġ tat-territorju kkonċernat, filwaqt li l-Kummissjoni ta’ Evalwazzjoni tal-Effetti fuq l-Ambjent tal-Ministeru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar tħalliet biss tagħti l-opinjoni tagħha a posteriori, skont l-Artikolu 185(4) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, fir-rigward tal-konformità tal-proġett definittiv tax-xogħol tat-toroq inkwistjoni mar-rekwiżiti fil-qasam tal-pajsaġġ u tal-ambjent, wara li jkun ġie ppreżentat il-fajl tal-imsemmija verifika?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

2     Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7).

3     Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU 2013, L 348, p. 1).