Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 mill-RFA International, LP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-113/15, RFA International vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-57/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: RFA International, LP (rappreżentanti: B. Evtimov, адвокат, M. Krestiyanova, avocate, D. O’Keeffe, Solicitor, N. Tuominen, E. Borovikov, avocats)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament fuq it-tilwima, fejn l-istat tal-proċeduri jippermettu dan;

sussidjarjament tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal finijiet ta’ eżami mill-ġdid;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa limitat għall-kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tieni motiv tal-appellanti.

Fil-konstatazzjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni ġuridika tal-Artikolu 11(9) u (10) tar-Regolament bażiku 1 u billi ddefinixxiet b’mod wiesa’ wisq il-portata ammissibbli tal-għażliet diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet kumplessi fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata għall-motivi sussegwenti.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, għandha tapplika l-istess metodi użati fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, b’teħid debitament inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-Kummissjoni, meta evalwat jekk id-dazji antidumping kinux ġew riflessi fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, ma għamlitx dan abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid identifikati fl-investigazzjoni li wasslet għar-regolament inizjali, iżda abbażi tal-ispejjeż attwali ta’ produzzjoni fir-Russja. Dan jikkostitwixxi bidla fil-metodi użati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni osservat li ċ-ċirkustanzi kienu nbidlu b’mod sinjifikattiv minn wara l-investigazzjoni inizjali u b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-esportaturi Russi kienu żdiedu b’madwar 100 %. Madankollu, iż-żieda fl-ispejjeż kienet teżisti u kienet diġà magħrufa matul il-perijodi ta’ investigazzjoni relatata mal-ħlas lura 2008-2010.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku billi applikat kriterju ġuridiku żbaljat. Il-kriterju ġuridiku indikat mill-Qorti Ġenerali jeħtieġ li l-prova tal-inkorporazzjoni tad-dazji antidumping fil-prezzijiet tal-esportazzjoni tista’ tiġi prodotta biss permezz tad-database ta’ prezzijiet DDP 2 u billi jiġi muri li mhux biss id-dazji antidumping kienu ġew inklużi fil-prezzijiet il-ġodda iżda wkoll l-ispejjeż kollha ta’ produzzjoni sostnuti. La l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, u lanqas l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping 3 ma jinkludu tali rekwiżit.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt sostanzjalment żbaljati meta kkonkludiet li:

Iż-żidiet fl-ispejjeż ta’ produzzjoni dehru biss matul l-ewwel u t-tieni perijodu ta’ investigazzjoni relatata mal-ħlas lura u għaldaqstant ikkostitwixxew bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika bidla fil-metodi użati. Fil-fatt, il-Kummisjoni kienet taf dwar iż-żidiet fl-ispejjeż diġà matul il-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali u matul l-investigazzjonijiet relatati mal-ħlasijiet lura 2008-2010.

Il-bidla fil-metodi użati kienet iġġustifikata sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u sabiex jiġi evitat trattament diskriminatorju bejn operaturi li jkunu suġġetti għall-istess miżuri. Fil-fatt, il-produtturi Russi kollha kienu suġġetti għall-istess żidiet fl-ispejjeż.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2010, L 7, p. 22).

2 “Dazju fuq il-kunsinna mħallas”.

3 ĠU 2014, C 164, p. 9.