Language of document : ECLI:EU:C:2019:353

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 8526 91 20 u 8528 59 00 – Sistema ta’ navigazzjoni bil-GPS li fiha diversi funzjonijiet”

Fil-Kawża C‑268/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2018, fil-proċedura

SC Onlineshop SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF) Direcţia Generală a Vămilor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Onlineshop SRL, minn S. Ionaşcu-Strungariu,

–        għall-Gvern Rumen, minn C. Canţăr kif ukoll minn O.–C. Ichim u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 8526 91 20 u 8528 59 00 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119, u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19), kif ukoll mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2012 tal-25 ta’ Lulju 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2012, L 203, p. 34), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 459/2014 tad-29 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 133, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Onlineshop SRL (iktar ’il quddiem “Onlineshop”) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală a Vămilor (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali –Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ANAF-DGV”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ apparat multifunzjonali tat-tip użat fil-vetturi bil-mutur u li jwettaq il-funzjonijiet ta’ radjunavigazzjoni, ta’ riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow, ta’ emissjoni tax-xandir bir-radju u ta’ wiri (display).

 Il-kuntest ġuridiku

 In-NM

3        Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana, għandha tadotta l-miżuri relatati mal-applikazzjoni tan-NM, li tikkostitwixxi l-Anness I ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-merkanzija.

4        Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, kull sena l-Kummissjoni tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-NM u tar-rati tad-dazji tat-tariffa doganali komuni marbuta magħha, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan l-aħħar regolament jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru u jibda japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena sussegwenti.

5        Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 288, p. 16), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821. Kull wieħed minn dawn ir-regolamenti biddel in-NM mill-1 ta’ Jannar 2016 u mill-1 ta’ Jannar 2017, rispettivament.

6        It-Taqsima I tal-Ewwel Parti tan-NM tinkludi s-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tiddisponi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.      Meta […] l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

[…]

(ċ)      meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

7        It-Tieni Parti tan-NM intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana” tinkludi t-Taqsima XVI dwar “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. In-nota 3, li tinsab fl-imsemmija taqsima, tipprovdi:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, […] magni […] maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet [differenti,] kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku […] huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

8        Jinsab ukoll f’din it-taqsima huwa l-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; Strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”, li kien jinkludi, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament 2015/1754, applikabbli għas-sena 2016, l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

[…]

[…]

8526

Apparat tar-radar, apparat tar-radju għal għajnuna għan-navigazzjoni u apparat tar-radju bil-kontroll mill-bogħod.

8526 10 00

– Apparat tar-radar


– Oħrajn:

8526 91

– – Apparat tar-radju għal għajnuna għan-navigazzjoni:

8526 91 20

– – – Riċevituri radju għan-navigazzjoni

[…]

[…]

8528

Moniters u proġekters, li ma jinkorporawx apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni; tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni, kemm jekk jinkorpora u kemm jekk ma jinkorporax fih tagħmir ta’ riċezzjoni tax-xandir bir-radju jew tagħmir għar-rekordjar jew riproduzzjoni tal-ħoss jew tal-vidjow:


– Moniters b’tubu vakwu (cathode ray tube):

[…]

[…]


– Moniters oħrajn:

8528 51 00

– – Ta’ tip użat biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika ta’ l-ipproċessar ta’ data ta’ titlu 8471

8528 59

– – Oħrajn:


– – – Displays b’pannelli ċatti li jistgħu juru sinjali minn magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-dejta b’livell aċċettabbli ta’ funzjonalità:

[…]

[…]

8528 59 70

– – – – Oħrajn

[…]

[…]


9        Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, applikabbli għas-sena 2017, ma bidlitx l-intestatura 8526 tan-NM, kif previst mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754, iżda bidel l-intestaura 8528 kif ġej:

8528

Moniters u proġekters, li ma jinkorporawx apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni; tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni, kemm jekk jinkorpora u kemm jekk ma jinkorporax fih tagħmir ta’ riċezzjoni tax-xandir bir-radju jew tagħmir għar-rekordjar jew riproduzzjoni tal-ħoss jew tal-vidjow:

[…]

[…]


– Moniters oħrajn:

8528 52

– – Kapaċi li jkunu konnessi direttament u maħsuba għall-użu ma’ magni awtomatici tal-ipproċessar ta’ dejta tal-intestatura 8471:

[…]

[…]

8528 59 00

– – Oħrajn:

[…]

[…]


 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012

10      L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 jipprovdi:

“L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.”

11      L-Anness ta’ dan ir-regolament jaqra kif ġej:

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

[…]

[…]

[…]

3. Apparat multifunzjonali (hekk imsejjaħ “ċentru multimedjali għal vetturi bil-mutur”) tat-tip użat f’vetturi bil-mutur.

Hu jġib flimkien, fl-istess qafas, apparat ta’ riċeviment ta’ xandir bir-radju, apparat għar-riproduzzjoni tal-ħoss u tal-vidjows apparat ta’ navigazzjoni bir-radju u display tal-kristalli likwidi (LCD) b’qisien dijagonali tal-iskrin ta’ madwar 18 cm (7 pulzieri) u proporzjon tal-aspett ta’ 16:9.

L-apparat huwa mgħammar b’konnetturi li jippermettu r-riċeviment ta’ sinjali vidjow minn sorsi esterni bħal kamera anterjuri jew tjuner DVB-T.

L-apparat jista’ wkoll jirriproduċi ħoss u immaġni minn kard tal-memorja.

L-apparat hu ppreżentat b’żewġ remote controls.

Mal-apparat tista’ titwaħħal display addizzjonali.

8528 59 70

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8528, 8528 59 u 8528 59 70.

L-apparat huwa mfassal għall-finijiet li jwettaq funzjonijiet varji (riproduzzjoni tal-ħoss, riproduzzjoni tal-vidjow, għajnuna għan-navigazzjoni bir-radju, xandir bir-radju, wiri ta’ vidjows), li l-ebda waħda minnhom, fid-dawl tat-tfassil u l-kunċett, ma tagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu.

Għalhekk bl-applikazzjoni tal-GIR 3(c), l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8528 59 70 bħala moniters oħrajn.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fit-18 ta’ Lulju 2016, Onlineshop talbet lill-ANAF-DGV sabiex toħroġ informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “ITV”) għal apparat imsejjaħ “Sistema ta’ navigazzjoni bil-GPS PNI S 506”, filwaqt li pproponiet li dan jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8526 91 20 tan-NM, li tikkorrispondi għar-riċevituri radju għan-navigazzjoni.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-apparat iwettaq essenzjalment erba’ funzjonijiet, jiġifieri r-radjunavigazzjoni, ir-riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow, ix-xandir bir-radju u l-wiri. Għalhekk jista’ jintuża bħala sistema ta’ navigazzjoni bil-GPS (il-modulu u l-antenna GPS inklużi), kif ukoll bħala tablet, u huwa mgħammar b’diversi aċċessorji (aġġeġġ biex jitwaħħal mal-windskrijn, ċarġer għal ġol-karozza u kejbil ta’ trażmissjoni tad-data). Huwa jiżen 152 g u d-dimensjonijiet tiegħu huma ta’ 132 x 184 x 12 mm.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2016, l-ANAF-DGV tat lill-applikanti ITV li tikklassifika l-imsemmi apparat fis-subintestatura 8528 59 00 tan-NM, billi invokat, sabiex timmotiva din il-klassifikazzjoni, ir-regoli ġenerali 1, 3 (c) u 6 għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet issemmi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012.

15      Wara ċ-ċaħda tal-ilment preċedenti tagħha ppreżentat fil-11 ta’ Jannar 2017 kontra din id-deċiżjoni, fit-2 ta’ Awwissu 2017 Onlineshop adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors.

16      Din il-qorti tirrileva li, insostenn tat-talba tagħha għal klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 8526 91 20 tan-NM, Onlineshop tallega li l-funzjoni prinċipali ta’ dan tal-aħħar hija in-navigazzjoni bil-GPS permezz ta’ żewġ applikazzjonijiet ta’ navigazzjoni installati minn qabel, filwaqt li l-ANAF-DGV issostni li ebda waħda mill-funzjonijiet ta’ dan l-apparat ma tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu u li, konsegwentement, dan tal-aħħar għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġifieri l-intestatura 8528, li tikkorrispondi għall-funzjoni tiegħu ta’ moniter għar-riproduzzjoni tal-vidjow.

17      Favur il-klassifikazzjoni mitluba minn Onlineshop, il-qorti tar-rinviju minn naħa ssemmi l-fatt li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, Franċiżi u Olandiżi allegatament kienu għażlu din il-klassifikazzjoni għal prodotti li, skont din il-kumpannija, għandhom funzjonijiet simili għal dawk tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-funzjoni prinċipali ta’ dawn il-prodotti hija n-navigazzjoni bil-GPS. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li l-apparat huwa maħsub, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-funzjoni tiegħu ta’ navigazzjoni, biex jintuża f’vettura bil-mutur u li d-dimensjonijiet ridotti tiegħu (5 pulzieri, jiġifieri 12.7 cm), f’għajnejn il-konsumatur jistgħu jidhru adatti għal użu bħala tablet biss b’mod sekondarju.

18      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li fl-ITV tat-23 ta’ Diċembru 2016 semmiet id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012, l-ANAF‑DGV wettqet klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 8528 59 00 tan-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, filwaqt li dan tal-aħħar daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2017. Skont din il-qorti, kieku l-ANAF-DGV kienet effettivament ibbażat ruħha fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012, dan l-apparat kien ikollu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 59 70.

19      L-imsemmija qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-ANAF-DGV iġġustifikat ir-riferiment għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 abbażi tal-fatt li t-tielet prodott deskritt fl-Anness tiegħu “jixbah ħafna l-prodott li hu s-suġġett tad-deċiżjoni ITV fir-rigward tal-funzjonijiet imwettqa u l-komponenti tal-apparat, u għal din ir-raġuni ġie ċċitat bħala waħda mill-ġustifikazzjonijiet legali tal-klassifikazzjoni”.

20      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 humiex tabilħaqq applikabbli għall-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, liema jkunu l-effetti tal-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ, inkwantu l-klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni ma twettqitx skont il-kodiċi NM.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bacău (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      In-[NM] li tidher fl-Anness I tar-[Regolament Nru 2658/87], kif emendat mir-[Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821], għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat bħas-sistemi ta’ navigazzjoni GPS PNI S 506 inkwistjoni f’din il-kawża jaqgħu taħt is-subintestatura tariffarja 852691, subintestatura 8526 91 20, jew taħt l-intestatura 8528, subintestatura 8528 59 00, ta’ din in-nomenklatura?

2)      Il-verżjonijiet tan-[NM] li jirriżultaw suċċessivament mir-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012] u [mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012] huma rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni tariffarja korretta tal-apparat bħas-sistemi ta’ navigazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, fis-sens li jistgħu jiġu applikati b’analoġija għal prodotti li għandhom similaritajiet mas-sistema ta’ navigazzjoni kkonċernata, b’mod partikolari jekk l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tiffavorixxi l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda magħmula mill-amministrazzjoni doganali?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-verżjoni applikabbli tan-NM hija dik li tkun fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni nazzjonali li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Sachsenmilch, C‑196/05, EU:C:2006:383, punt 18).

23      F’dan il-każ, għalkemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, imsemmi fl-ewwel domanda preliminari, ġie adottat fis-6 ta’ Ottubru 2016, huwa daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2017. Għalhekk ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, li rriżultat minn ITV maħruġa fit-23 ta’ Diċembru 2016.

24      Għaldaqstant, kif issostni l-Kummissjoni, il-verżjoni tan-NM applikabbli għal din il-kawża hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754, adottat fis-6 ta’ Ottubru 2015 u applikabbli sa mis-sena 2016.

25      Issa, għalkemm, meta mqabbel ma’ dan l-aħħar Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821 ma biddilx is-subintestatura 8526 91 20 tan-NM, huwa madankollu emenda wħud mis-subintestaturi tal-intestatura 8528 tan-NM, b’mod partikolari l-aħħar subintestatura (“Oħrajn”), li ma għadhiex iġġib il-kodiċi 8528 59 70, iżda l-kodiċi 8528 59 00.

26      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/1754, in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li apparat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettaq il-funzjonijiet ta’ radjunavigazzjoni, ta’ riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow, ta’ emissjoni tax-xandir bir-radju u ta’ wiri, u li jkollu aċċessorji li jippermettu li dan jintuża f’vettura bil-mutur, jaqa’ taħt l-intestatura 8526 91 20 jew inkella taħt l-intestatura 8528 59 70 ta’ din in-nomenklatura.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, filwaqt li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqies li għandu biss valur indikattiv (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan, C‑592/17, EU:C:2018:913, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      L-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward, għandhom jiġu evalwati kemm l-użu li għalih il-prodott huwa intiż mill-manifattur kif ukoll il-modalitajiet u l-post tal-użu tiegħu (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 52).

30      Barra minn hekk, skont in-nota 3 tat-Taqsima XVI tat-Tieni Parti tan-NM, magna ddisinjata sabiex taqdi żewġ funzjonijiet jew iktar li jkunu differenti, alternattivi jew kumplementari, għandhom jiġu kklassifikati skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li huwa neċessarju li jittieħed kont ta’ dak li l-konsumatur iqis bħala funzjoni prinċipali jew aċċessorja (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Amazon EU, C‑58/14, EU:C:2015:385, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ANAF-DGV, il-funzjoni ewlenija fost l-erba’ funzjonijiet li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq hija, fir-rigward tal-post u tal-modalitajiet tal-użu li għalih l-apparat huwa maħsub, ir-radjunavigazzjoni.

33      Barra minn hekk, din il-funzjoni prinċipali hija inerenti għal dan l-apparat, peress li hija l-konsegwenza tal-karatteristiċi tiegħu u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu. Fil-fatt, minbarra l-fatt li huwa indikat bħala li hu “sistema ta’ navigazzjoni bil-GPS”, dan l-apparat huwa maħsub sabiex jintuża bħala moniter ta’ radjunavigazzjoni għal vetturi bil-mutur permezz taż-żewġ applikazzjonijiet installati minn qabel, minkejja li waħda minnhom teħtieġ konnessjoni mal-Internet permezz tat-teknoloġija Wi-Fi, u permezz tal-aċċessorji li huma l-aġġeġġ sabiex jitwaħħal mal-windskrin u ċ-ċarġer għal ġol-karozza.

34      Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tliet funzjonijiet l-oħra tal-apparat, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, huma biss valur miżjud għall-apparat mingħajr ma l-ebda waħda minnhom tista’, waħidha, tkun determinanti sabiex il-konsumatur jixtrih.

35      Fil-fatt, u kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, il-funzjoni ta’ xandir bir-radju għandha natura rudimentali, u dan peress li hija titwettaq permezz mhux ta’ riċevitur ta’ xandir bir-radju, iżda permezz ta’ trażmettitur FM, li permezz tiegħu l-kanzunetti maħżuna fil-memorja interna jew esterna tal-apparat jistgħu jiġu mismugħa permezz tar-radju tal-vettura.

36      It-tieni nett, il-funzjoni ta’ riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow hija limitata peress li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex mgħammar b’konnetturi li jippermettu r-riċeviment ta’ sinjali tal-vidjow li joriġinaw minn sorsi esterni.

37      It-tielet nett, il-funzjoni ta’ wiri hija wkoll limitata, fid-dawl, minn naħa, tad-daqs żgħir tal-iskrin (5 pulzieri, jiġifieri 12.7 cm), li ma jipprovdix kumdità viżiva, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, għalkemm din il-funzjoni tippermetti r-riproduzzjoni tal-applikazzjonijiet installati jew tal-fajls tal-vidjow, hija ma tippermettix li l-apparat jiġi konness ma’ mezz ta’ wiri addizzjonali.

38      B’hekk, fid-dawl tal-funzjoni ewlenija li huwa jissodisfa, apparat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8526 91 20 tan-NM, li tikkorrispondi għar-riċevituri radju għan-navigazzjoni.

39      Din l-analiżi ma tistax titpoġġa indiskussjoni mill-indikazzjonijiet li jirrigwardaw it-tielet prodott ikklassifikat fis-subintestatura 8528 59 70 tan-NM fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012, li għalih isir riferiment fid-deċiżjoni tar-rinviju.

40      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ klassifikazzjoni jkollu portata ġenerali sa fejn ma japplikax għal operatur partikolari iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Jekk regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ikun applikabbli b’analoġija għal tali prodotti. L-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi, effettivament, interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Sabiex regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi applikat b’analoġija, ikun meħtieġ ukoll li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija minn dan ir-regolament ikunu suffiċjentement simili. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni tal-imsemmi regolament (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju tiċħad l-applikazzjoni diretta tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 peress li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma ssostni li l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa identiku għat-tielet prodott deskritt fl-anness ta’ dan ir-regolament, hija tistaqsi fuq l-applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmi regolament.

44      Issa, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn din il-qorti dwar l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li dan l-apparat u t-tielet prodott deskritt fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 ma għandhomx xebh tali li jiġġustifika applikazzjoni b’analoġija ta’ dan ir-regolament.

45      Fil-fatt, minbarra li dan il-prodott jaqdi funzjoni reali ta’ xandir bir-radju, għall-funzjoni tiegħu ta’ wiri huwa għandu wkoll skrin b’qisien dijagonali ta’ madwar 7 pulzieri, jiġifieri 18 cm, u miegħu jista’ jiġi konness skrin addizzjonali. Huwa wkoll mgħammar b’konnetturi li jippermettu r-riċeviment ta’ sinjali vidjow minn sorsi esterni bħal kamera anterjuri jew tjuner DVB-T. Fl-aħħar nett, huwa ppreżentat b’żewġ unitajiet ta’ kontroll mill-bogħod (remote controls).

46      Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew ma jipprovdix tali funzjonalità jew inkella jagħti prestazzjoni ta’ livell iktar baxx.

47      Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 698/2012 la huwa applikabbli direttament u lanqas b’analoġija għal apparat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari hija li n-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754, għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat multifunzjonali tat-tip użat fil-vetturi bil-mutur li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġbor fih, fl-istess qafas, bħala l-funzjoni prinċipali, moniter tar-radjunavigazzjoni permezz ta’ applikazzjonijiet installati minn qabel għan-navigazzjoni bil-GPS u, b’mod aċċessorju, apparat ta’ emissjoni ta’ xandir bir-radju, apparat għar-riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow, u skrin ta’ qisien dijagonali ta’ madwar 5 pulzieri (12.7 cm), għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8526 91 20 ta’ din in-nomenklatura.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015, għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat multifunzjonali tat-tip użat fil-vetturi bil-mutur li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġbor fih, fl-istess qafas, bħala l-funzjoni prinċipali, moniter tar-radjunavigazzjoni permezz ta’ applikazzjonijiet installati minn qabel għan-navigazzjoni bil-GPS u, b’mod aċċessorju, apparat ta’ emissjoni ta’ xandir bir-radju, apparat għar-riproduzzjoni tal-awdjo u tal-vidjow, u skrin ta’ qisien dijagonali ta’ madwar 5 pulzieri (12.7 cm), għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8526 91 20 ta’ din in-nomenklatura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.