Language of document : ECLI:EU:C:2019:22

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2019(1)

Kawża C-52/18

Christian Fülla

vs

Toolport GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt, il-Ġermanja))

(Talba għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumatur — Direttiva 1999/44/KE — Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum — Drittijiet tal-konsumatur — Nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti kkunsinnati — Sussegwentement l-oġġetti jinġiebu f’konformità — Obbligi tal-bejjiegħ — Determinazzjoni tal-post fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli għal tiswija jew tibdil (post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti) — Tifsira ta’ “inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur” — Tifsira ta’ “tiswija mingħajr ħlas” — Dritt li l-kuntratt jitħassar)






1.        F’bejgħ għall-konsumatur, meta jinkisbu oġġetti permezz ta’ kuntratt mill-bogħod u wara jinstabu li ma jkunux konformi ma’ dak il-kuntratt, hemm regola definittiva, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, li tiddetermina fejn il-konsumatur għandu jagħmel dawk l-oġġetti disponibbli għall-bejjiegħ biex jinġiebu f’konformità?

2.        F’dan iż-żmien ta’ kummerċ diġitali din id-domanda hija ta’ importanza dejjem tikber, l-iktar meta jkollhom x’jaqsmu oġġetti ta’ konsum tqal jew kbar. F’din il-kawża, li għaliha hemm talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt, il-Ġermanja”), tinda tal-parti ta’ 5x6 metri allegatament kienet ikkunsinnata b’difetti.

3.        Biex tirrispondi għad-domanda l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tirriżolvi għadd ta’ kwistjonijiet irregolati mid-Direttiva 1999/44/KE dwar ċerti aspetti ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom(iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-Direttiva armonizzat, sa ċertu punt, l-obbligu tal-bejjiegħ li jġib oġġetti ta’ konsum f’konformità mal-kuntratt.

5.        Il-preambolu tad-Direttiva jgħid dan li ġej:

“(1)      Billi l-Artikolu 153(1) u (3) [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 tiegħu;

(2)      Billi s-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment ħieles ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa garantit; billi l-moviment ħieles ta’ oġġetti ma jikkonċernax biss it-transazzjonijiet minn persuni li jaġixxu waqt il-kummerċ iżda wkoll minn transazzjonijiet li jsiru minn individwi privati; billi jimplika li l-konsumaturi residenti fi Stat Membru għandhom ikunu ħielsa li jixtru oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ sett uniformi minimu ta’ regoli ġusti li jirregolaw il-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum;

[…]

(12)      Billi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, il-bejjiegħ jista dejjem joffri lill-konsumatur, b’mod ta’ ħlas, kull rimedju disponibbli; billi għandu jitħalla lill-konsumatur li jiddeċiedi jekk għandux jaċċetta jew jirrifjuta din il-proposta;

[…]

(19)      Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew iwaqqfu perijodu li matulu l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar kull nuqqas ta’ konformità; billi l-Istati Membri jistgħu jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur billi ma jintroduċux din l-obbligazzjoni; billi f’kull każ il-konsumaturi fil-Komunità għandhom ikollhom mill-inqas xahrejn li fihom jinfurmaw lill-bejjiegħ li jeżisti nuqqas ta’ konformità”.

6.        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jipprovdi:

“Oġġetti tal-konsum huma preżunti li huma f’konformità mal-kuntratt jekk:

(a)      jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet ta’ l-oġġetti li l-bejjiegħ wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell;

(b)      huma tajbin għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġhom il-konsumatur u li għarraf lill-bejjiegħ dwarhom fil-ħin meta ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ aċċetta;

(ċ)      huma tajbin għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta’ l-istess tip;

(d)      juru l-kwalità u l-ħidma li huma normali f’oġġetti ta’ l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġjonevoli, skond in-natura ta’ l-oġġetti u b’konsiderazzjoni mogħtija għal kull stqarrija pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oġġetti magħmulha dwarhom mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, partikolarment fir-riklamar jew fuq it-tikketta.”

7.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva huwa dwar id-drittijiet tal-konsumaturi b’rabta ma’ kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati. Jgħid:

“1.      Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3.      Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa [sakemm dan ma jkunx] impossibbli jew disproporzjonat.

Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:

–        lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,

–        lis-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u

–        jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

4.      It-termini “mingħajr ħlas” fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.

5.      Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

–        jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx [lesta] r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

6.Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

8.        Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) jipprovdi li “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

B.      Id-dritt Ġermaniż

9.        Id-Direttiva kienet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz ta’ emendi għall-Bürgerliche Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniża: iktar ’il quddiem il-“BGB”).

10.      L-Artikolu 439 tal-BGB jipprovdi, dwar eżekuzzjoni sussegwenti:

“(1)      Permezz ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, ix-xerrej jista’ jitlob li d-difett jissewwa jew li l-oġġetti jiġu kkunsinnati u jkunu ħielsa minn kull difett, skont kif jippreferi.

(2)      Il-bejjiegħ għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni sussegwenti inklużi, b’mod partikolari, l-ispejjeż tat-trasport, ġarr, xogħol u materjal.

(3)      […] il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-mod ta’ eżekuzzjoni sussegwenti magħżul mix-xerrej jekk tali eżekuzzjoni tkun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. Dwar dan għandu jitqies b’mod partikolari l-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kienx hemm nuqqas ta’ konformità, is-sinjifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u jekk setax isir ir-rimedju alternattiv mingħajr inkonvenjenza sinifikattiva għax-xerrej. F’każijiet bħal dawn id-dritt tax-xerrej għandu jkun limitat għall-mezzi alternattivi ta’ eżekuzzjoni sussegwenti; dan ma jippreġudikax id-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta wkoll ir-rimedju alternattiv bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza.

(4)      Meta bejjiegħ jikkunsinna oġġetti ħielsa minn difetti għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, huwa jista’ jitlob lix-xerrej irodd lura l-oġġetti difettużi skont l-Artikoli 346 sa 348.”

11.      Dwar il-post ta’ eżekuzzjoni l-Artikolu 269 tal-BGB jgħid dan li ġej:

“(1)      Meta ma jkunx gie speċifikat post ta’ eżekuzzjoni jew ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari min-natura tal-obbligu, l-eżekuzzjoni għandha ssir fil-post fejn min ikun intrabat bl-obbligu kellu r-residenza tiegħu fiż-żmien meta jkun inħoloq l-obbligu.

(2)      Jekk l-obbligu jinħoloq fl-impriża kummerċjali ta’ min ikun intrabat bl-obbligu, il-post tal-impriża kummerċjali jissostitwixxi r-residenza jekk min ikun intrabat bl-obbligu kien żamm l-impriża kummerċjali tiegħu f’post ieħor.

(3)      Miċ-ċirkustanza biss li min ikun intrabat bl-obbligu jkun ħa r-responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż tat-trasport wieħed ma jistax jikkonkludi li l-post fejn jintemm it-trasport għandu jkun il-post ta’ eżekuzzjoni.”

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.      Fl-2015 ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien xtara tinda ta’ 5x6 metri (deskritta bħala “tinda tal-parti’) mingħand il-konvenut permezz ta’ telefonata. It-tinda twasslet fil-post tar-residenza tar-rikorrent. Ir-rikorrent imbagħad qal li t-tinda kellha ċerti difetti. Il-konvenut irrifjuta kull ilment dwar difetti bħala infondat.

13.      Ir-rikorrent talab eżekuzzjoni sussegwenti, jiġifieri li d-difetti jissewwew jew li t-tinda tinbidel. Madankollu, r-rikorrent ma bagħatx lura l-oġġett inkwistjoni lill-konvenut, jew għall-inqas offra li jagħmel hekk.

14.      Il-partijiet ma ddiskutewx dwar il-post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti bħal din f’dak il-waqt. Il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet ukoll ma jgħid xejn dwar dan.

15.      Madankollu, matul il-kawża prinċipali, il-konvenut qal, għall-ewwel darba, li l-post għal eżekuzzjoni sussegwenti huwa l-post tan-negozju.

16.      Skont il-qorti tar-rinviju, huwa essenzjali li l-post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti jkun determinat biex ikun stabbilit jekk ir-rikorrent kienx ta lill-konvenuta opportunità ssewwi d-difetti, jew żmien raġonevoli skont it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, biex ikun jista’ jħassar il-kuntratt.

17.      Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) [tad-Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur għandu dejjem iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod esklużivament fil-post fejn jinsab l-oġġett, għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) [tad-Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur għandu dejjem iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod esklużivament fis-sede kummerċjali tal-imprenditur, għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

Liema kriterji jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) [tad-Direttiva] fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjon?

(4)      Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur:

Huwa konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) [tad-Direttiva] li l-konsumatur ikollu jħallas l-ispejjeż tat-trasport lejn u minn is-sede kummerċjali tal-imprenditur jew mill-obbligu ‘li jsewwi […] mingħajr ħlas’ jirriżulta li l-bejjiegħ huwa marbut jagħmel ħlas antiċipat?

(5)      Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur u fil-każ li huwa konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) [tad-Direttiva] li l-konsumatur jagħmel ħlas antiċipat tal-ispejjeż tat-trasport:

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) [tad-Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur ma jistax jirrexxindi kuntratt jekk ikun sempliċement innotifika d-difett fl-oġġett lill-imprenditur, mingħajr ma jkun offra li jittrasporta l-imsemmi oġġett fis-sede kummerċjali tal-imprenditur?

(6)      Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur, iżda ma huwiex konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) [tad-Direttiva] li l-konsumatur jagħmel ħlas antiċipat tal-ispejjeż tat-trasport:

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) [tad-Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur ma jistax jirrexxindi kuntratt jekk ikun sempliċement innotifika d-difett fl-oġġett lill-imprenditur, mingħajr ma jkun offra li jittrasporta l-imsemmi oġġett fis-sede kummerċjali tal-imprenditur?”

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawża prinċipali kienu ppreżentati mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Franċiż, u mill-Kummissjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta.

III. Analiżi

19.      Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob tkun taf kif hija tiddetermina l-post ta’ eżekuzzjoni biex jiġu rranġati difetti f’oġġetti ta’ konsum billi jissewwew jew jinbidlu, u l-effetti ta’ dan fuq id-dritt tal-konsumatur li jħassar il-kuntratt.

20.      Iżda qabel ma ngħaddi għall-mertu tad-domandi magħmula, għandu jiġi indirizzat l-argument tal-Gvern Ġermaniż li t-talba tal-qorti tar-rinviju hija inammissibbli.

A.      Ammissibbiltà

21.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija “għall-inqas dubjuża”. Jissottometti li kemm id-deskrizzjoni tal-fatti tal-każ kif ukoll il-preżentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali huma rudimentarji. Biex tirrispondi għad-domandi magħmula kif ippreżentati l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha topera abbażi ta’ bosta ipoteżijiet u assunzjonijiet.

22.      Għalkemm il-Gvern Ġermaniż jaċċetta li abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm preżunzjoni favur l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, huwa jissuġġerixxi li għall-inqas id-domandi magħmula jiġu rriformulati.

23.      Wieħed għandu jiftakar li fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE, li huma bbażati fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ikun biss għall-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tieħu fuqha r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tiddetermina, meqjusa ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex hija tkun tista’ tagħti sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, fil-prinċipju, obbligata tagħti sentenza (3).

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali għal deċiżjoni preliminari biss meta jkun tassew ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha; meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha d-dokumentazzjoni meħtieġa ta’ fatti u ta’ liġi biex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (4).

25.      Konvint li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfatti f’din il-kawża.

26.      Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet il-fatti fil-kawża prinċipali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali b’mod konċiż iżda biżżejjed ċar biex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha d-dokumentazzjoni kollha dwar fatti u liġi meħtieġa biex hija tkun tista’ tagħti sentenza.

27.      Huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju trid tikseb interpretazzjoni tad-Direttiva biex tiddetermina l-post ta’ eżekuzzjoni biex jissewwew id-difetti fl-oġġetti inkwistjoni u, konsegwentement, jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jew le jħassar il-kuntratt.

28.      Meqjus dan li ngħad iktar ’il fuq, id-domandi magħmula għandhom jitqiesu li huma ammissibbli u li għandhom ikunu analizzati dwar il-mertu tagħhom.

B.      Mertu

29.      Flok ma jkun iddikjarat li t-talba tal-qorti tar-rinviju hija inammissibbli, il-Gvern Ġermaniż jissuġġerixxi li d-domandi magħmula mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt) jiġu rriformulati. Dwar dan huwa jipproponi li d-domandi magħmula għandhom jiġu interpretati bħala li qegħdin isaqsu jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti Ġermaniżi humiex preklużi b’interpretazzjoni korretta tad-Direttiva.

30.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx ħtieġa ta’ riformulazzjoni tad-domandi magħmula. Il-qorti nazzjonali li għamlet id-domandi tidher li hija l-iktar adatta biex tiddetermina l-kontenut tad-domandi meħtieġ biex tirriżolvi l-każ quddiemha.

31.      Madankollu, jiena nifhimha li xi wħud mid-domandi magħmula mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt) l-aħjar li jitqiesu flimkien.

32.      Hemm tliet kwistjonijiet distinti dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva li jirriżultaw mid-domandi magħmula. Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li jiġi ddeterminat il-post fejn l-oġġetti ta’ konsum għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità (post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti). Ir-raba’ domanda magħmula mbagħad hija dwar il-kwistjoni jekk isegwix jew le mill-ħtieġa ta’ “tiswija mingħajr ħlas” li l-bejjiegħ għandu jipprovdi ħlas bil-quddiem għal kull spiża ta’ trasport li l-konsumatur jista’ jkollu jagħmel biex l-oġġetti jkunu disponibbli għall-bejjiegħ. Il-ħames u s-sitt domanda magħmula, fl-aħħar nett, huma dwar iċ-ċirkustanzi li fihom konsumatur jista’ jkun intitolat iħassar kuntratt f’każ li l-oġġetti ma jkunux konformi.

33.      Wara xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest u l-għan tad-Direttiva u tal-Artikolu 3 tagħha, dawk it-tliet kwistjonijiet ser jiġu ttrattati waħda wara l-oħra.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

34.      Id-Direttiva tagħmel parti mill-isforzi tal-leġiżlatura tal-Unjoni biex jiġi ggarantit livell minimu uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mal-Unjoni Ewropea kollha minn eżekuzzjoni difettuża ta’ kuntratt għall-bejgħ ta’ oġġetti. Din il-protezzjoni hija maħsuba biex tħeġġeġ u tiffaċilita xiri transkonfinali minn konsumaturi (5).

35.      Madankollu l-għan tad-Direttiva mhuwiex biss li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. It-test għandu wkoll l-għan li jinżamm ċertu bilanċ bejn l-obbligi tad-diversi partijiet. Minn naħa, id-Direttiva tistabbilixxi obbligi ta’ bejjiegħa f’każ ta’ oġġetti ta’ konsum li ma jkunux konformi. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tistabbilixxi obbligi li konsumaturi għandhom iħarsu biex ma jitilfux id-drittijiet tagħhom (6).

36.      F’dan is-sens l-għan ġenerali tad-Direttiva huwa li ma jiżdidux l-obbligi kuntrattwali kif maqbula bejn il-partijiet, iżda pjuttost li jitħaffef l-infurzar tal-obbligi kif maqbula. Ikun biss f’każ ta’ eżekuzzjoni difettuża tal-kuntratt min-naħa tal-bejjiegħ li jkunu imposti iktar obbligi li f’ċerti każi jistgħu jeċċedu l-obbligi indikati fil-kuntratt (7).

37.      Importanti huwa, madankollu, li d-Direttiva ma għandhiex l-għan li tqiegħed lil konsumaturi f’qagħda iktar favorevoli iktar milli jkunu jitolbu abbażi tal-kuntratt ta’ bejgħ, iżda trid biss tistabbilixxi mill-ġdid il-pożizzjoni li kien ikun hemm kieku l-bejjiegħ kien wassal oġġetti f’konformità tal-kuntratt mill-bidu nett. F’dan ir-rigward, huwa importanti jkun innotat li d-Direttiva tipprovdi livell minimu ta’ protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar iebsa, iżda li m’għandhomx idgħajfu l-garanziji stabbiliti mil-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea (8).

38.      Fl-aħħar nett, għandu wkoll ikun enfasizzat li d-Direttiva tirregola biss aspetti li għandhom rabta stretta mal-protezzjoni tal-konsumaturi meta huma jixtru oġġetti li ma jkunux konformi mal-kuntratt. Kwistjonijiet dwar il-formazzjoni tal-kuntratt bejn il-partijiet, difetti fil-kuntratt, l-effetti tal-kuntratt, jew forom oħra ta’ eżekuzzjoni mhux sħiħa, ma jissemmewx f’dak l-istrument u huma suġġetti biss għad-dritt nazzjonali (9).

39.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva, b’mod speċifiku jistabbilixxi d-drittijiet ta’ konsumatur li jkun xtara oġġetti ta’ konsum li ma jkunux skont il-kuntratt meta jitwasslu. Id-dispożizzjoni tirrifletti l-istess prinċipji bħal dawk li jiggwidaw id-Direttiva b’mod ġenerali.

40.      Għalhekk, l-Artikolu 3(1) jipprovdi li bejjiegħ ikun responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li jkun hemm meta jitwasslu l-oġġetti. Jekk l-oġġetti li jkunu twasslu ma jkunux skont il-kuntratt, il-bejjiegħ ikun naqas iħares l-obbligi tiegħu ġejjin mill-kuntratt ta’ bejgħ u għandu, għalhekk, jerfa’ l-konsegwenzi ta’ dik l-eżekuzzjoni difettuża (10).

41.      Skont l-Artikolu 3(2), f’dawk iċ-ċirkustanzi l-konsumatur ikun intitolat għat-tiswija tal-oġġetti jew li jinbidlu mingħajr ħlas, li jsirlu tnaqqis xieraq fil-prezz jew li jitħassar il-kuntratt fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti. Huwa ċar mill-Artikolu 3(5) li d-Direttiva tagħti prijorità għaż-żamma tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratt ta’ bejgħ. Il-konsumatur għandu jagħti lill-bejjiegħ l-opportunità jsewwi jew jibdel l-oġġetti ta’ konsum inkwistjoni. Ikun biss jekk il-bejjiegħ jonqos jagħmel hekk li l-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew li l-kuntratt jitħassar (11).

42.      L-Artikolu 3(3) jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet biex l-oġġetti jinġiebu f’konformità billi jissewwew jew jinbidlu. L-oġġetti għandhom jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas għall-konsumatur, fi żmien raġonevoli, u mingħajr inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat preċedentement, dawn it-tliet rekwiżiti huma l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatura tal-Unjoni li tagħti protezzjoni effettiva lill-konsumaturi (12).

43.      Fl-istess waqt id-Direttiva tqis ukoll l-interessi tal-bejjiegħ. L-ewwel nett, id-Direttiva tipprovdi għal limitu ta’ sentejn żmien biex jitressqu talbiet (13). It-tieni nett, il-bejjiegħ ikun jista’ jirrifjuta jsewwi jew jibdel l-oġġetti meta jkun impossibbli jew sproporzjonat li dawn jinġiebu f’konformita (14).

44.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fil-kawża Gebr. Weber u Putz l-Artikolu 3, għalhekk, huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-bejjiegħ, billi jiggarantixxi lill-konsumatur, bħala l-parti dgħajfa tal-kuntratt, protezzjoni sħiħa u effettiva minn eżekuzzjoni difettuża mill-bejjiegħ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, filwaqt li jippermetti li jitqiesu aspetti ekonomiċi mqanqla mill-bejjiegħ (15).

45.      Bħal strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur, id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi mill-ġdid bilanċ fir-relazzjoni bejn konsumatur u bejjiegħ, biex b’hekk tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ libertà kuntrattwali li jkollhom il-partijiet. Id-Direttiva, madankollu, ma tridx tqiegħed lill-konsumatur f’qagħda unikament favorevoli (16).

46.      Il-kwistjonijiet mqanqla minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom ikunu indirizzati fid-dawl ta’ dik ir-raġuni li hija l-bażi tad-Direttiva.

2.      Fejn għandhom ikunu disponibbli oġġetti ta’ konsum  biex jinġiebu f’konformità  (il-post  ta’ eżekuzzjoni sussegwenti)?

47.      Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tiddetermina l-post ta’ eżekuzzjoni biex oġġetti ta’ konsum jinġiebu f’konformità (il-post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti). Ir-risposta għandha tiddetermina jekk ikunx biżżejjed għall-konsumatur li jagħmel l-oġġetti inkwistjoni disponibbli fil-post fejn ikunu jinsabu (is-soltu l-post ta’ residenza tiegħu), jew jekk il-konsumatur għandux jagħmel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ.

48.      Il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet ippreżentaw fehmiet diverġenti dwar din il-kwistjoni, li hija l-qofol ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

49.      Filwaqt li kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni jisħqu dwar il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li trid id-Direttiva, il-Gvern Franċiż jargumenta li r-rekwiżiti biex tinġieb il-konformità stabiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva jistgħu jiġu ssodisfatti biss jekk il-konsumatur ikun jeħtieġlu biss jagħmel l-oġġetti inkwistjoni disponibbli fil-post fejn ikunu jinsabu. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tiddefendi l-opinjoni b’tifsira iktar sottili li l-konsumatur jista’ jkun obbligat jagħmel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ ħlief meta dan ikun jikkostitwixxi inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur.

50.      Il-Gvern Ġermaniż jissottometti li r-rekwiżit li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas għall-konsumatur mhuwiex indikazzjoni tajba biżżejjed li l-oġġetti għandhom dejjem ikunu disponibbli fil-post fejn ikunu jinsabu. Barra minn hekk huwa jargumenta li jsegwi mir-rekwiżit “mingħajr ebda inkonvenjent sinjifikattiv lill-konsumatur” li jistgħu jiġu imposti inkonvenjenzi insinjifikattivi fuq il-konsumatur. Minħabba li ż-żmien u l-isforz involuti biex l-oġġetti jkunu disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ jistgħu jvarjaw, għandu jkun jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità mal-kuntratt.

51.      L-Artikolu 3 ma jiddeterminax espressament fejn l-oġġetti li ma jkunux f’konformità għandhom ikunu disponibbli għal tiswija jew tibdil; lanqas, sa fejn naf jiena, ma qatt kienet indirizzata din il-kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

52.      Madankollu, filwaqt li ma jistipulax espressament fejn għandhom ikunu disponibbli oġġetti difettużi ta’ konsum biex jinġiebu f’konformità, l-Artikolu 3 fil-fatt jistabbilixxi ċerti rekwiżiti dwar dan. Kif intqal iktar ’il fuq, it-tiswija jew il-tibdil ta’ oġġetti ta’ konsum li ma jkunux f’konformità għandhom ikunu mingħajr ħlas, jitlestew fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur.

a)      Ir-rekwiżit  li oġġetti  għandhom jinġiebu f’konformità  mingħajr ħlas

53.      Ir-rekwiżit li oġġetti għandhom jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas huwa ddefinit ulterjorment fl-Artikolu 3(4) li jispeċifika li t-termini jirreferu “għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fil-kawża Gebr. Weber u Putzli l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-ħsieb jagħmel l-aspett ta’ “mingħajr ħlas” tal-obbligu tal-bejjiegħ li oġġetti jinġiebu f’konformità element essenzjali tal-protezzjoni mogħtija lil konsumaturi minn dik id-Direttiva. Ir-rekwiżit huwa maħsub li jipproteġi konsumaturi mir-riskju ta’ piżijiet finanzjarji li jistgħu jiddisswaduhom milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni (17).

55.      Madankollu, l-Artikolu 3(3) jipprovdi wkoll li l-bejjiegħ seta’ jirrifjuta jsewwi jew jibdel oġġetti mingħajr ħlas meta dan ikun impossibbli jew sproporzjonat. Rimedju jitqies sproporzjonat jekk jimponi spejjeż li ma jkunux raġonevoli fuq il-bejjiegħ (18).

56.      F’dan is-sens id-Direttiva tqis mhux biss il-protezzjoni tal-konsumatur, iżda wkoll il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-bejjiegħ. Kieku l-bejjiegħ kellu jkopri spejjeż sproporzjonati għal tiswija jew tibdil ta’ oġġetti li ma jkunux f’konformità, dan fl-aħħar mill-aħħar iwassal biex il-bejjiegħ jgħolli l-prezzijiet tiegħu. Barra minn hekk, l-ispejjeż li jsiru b’dan il-mod jgħaddu għal fuq il-konsumaturi kollha kemm huma.

57.      Madankollu, mhuwiex ċar jekk ir-rekwiżit “mingħajr ħlas” ifissirx li l-konsumatur ikollu biss id-dritt li l-ispejjeż kollha li jagħmel fil-kuntest biex oġġetti jinġiebu f’konformità jiġu rrimborżati lilu jew li jkollu d-dritt jingħata r-rimedju mingħajr ma jagħti xejn, ikun xi jkun (finanzjarjament jew xorta oħra) min-naħa tiegħu.

58.      Naħseb li r-risposta għal dik id-domanda tinsab fiż-żewġ rekwiżiti l-oħra msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

b)      Ir-rekwiżit  li oġġetti  għandhom jinġiebu f’konformità  fi żmien raġonevoli

59.      L-Artikolu 3(3) jipprovdi wkoll, fit-tielet subparagrafu, li kull tiswija jew tibdil għandhom jitlestew fi żmien raġonevoli. Dan ir-rekwiżit huwa marbut mal-għan tal-leġiżlatura tal-Unjoni li tiġi riżolta kull kwistjoni bejn konsumatur u bejjiegħ b’mod malajr u bonarju (19).

60.      Oġġetti li konsumatur jagħmel disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ jistgħu f’ċerti ċirkustanzi jiżguraw tiswija jew tibdil malajr. F’tali ċirkustanzi, dan jista’ jieħu żmien konsiderevoli sakemm il-bejjiegħ ikun jista’ jagħmel spezzjoni fil-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti jew biex jagħmel arranġamenti biex jinġarru għall-post tan-negozju tal-bejjiegħ, l-iktar jekk il-post tan-negozju tal-bejjiegħ ikun f’pajjiż differenti.

61.      Min-naħa l-oħra, jekk il-bejjiegħ diġà jkollu lest netwerk loġistiku biex oġġetti jitwasslu fil-post fejn ikunu jinsabu, dan jista’ jkun iktar ta’ malajr u ta’ inqas spejjeż għall-bejjiegħ li jew jagħmel spezzjoni tal-oġġetti fil-post fejn ikunu jinsabu, jew li jagħmel arranġamenti biex jinġarru.

62.      Għaldaqstant, meqjus biss minn perspettiva ta’ konvenjenza, jidher li l-post fejn għandhom ikunu disponibbli oġġetti biex jinġiebu f’konformità jkun jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

c)      Ir-rekwiżit  li oġġetti  għandhom jinġiebu f’konformità  mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva  għall-konsumatur

63.      It-tielet rekwiżit tal-Artikolu 3(3) huwa li oġġetti għandhom jinġiebu f’konformità mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur. Biex tiġi determinata inkonvenjenza sinjifikattiva, għandhom jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-għan li għalih il-konsumatur kien jeħtieġ l-oġġetti (20).

64.      Għalhekk, il-post fejn għandhom ikunu disponibbli oġġetti biex jinġiebu f’konformità (il-post ta’ eżekuzzjoni sussegwenti) ma jistax jintgħażel b’mod li jkun ta’ inkonvenjenza b’mod sinjifikattiv għall-konsumatur. B’argumentum a contrario, wieħed jista’ jikkonkludi li l-konsumatur għandu, madankollu, jaċċetta inkonvenjenzi insinjifikattivi jew żgħar meta jkollu oġġetti għal tiswija jew tibdil. Skont il-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3), fl-evalwazzjoni jekk xi ħaġa tkunx tikkostitwixxi jew le inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur, għandhom jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-għan li għalih il-konsumatur kien jeħtieġ l-oġġetti.

65.      Fil-kawża Gebr. Weber u Putz  il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, meqjus il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur mitlub mid-Direttiva, it-terminu “mingħajr ebda inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur” ma jistax ikun interpretat b’mod restrittiv (21).

66.      Mal-ewwel daqqa t’għajn, dik id-dikjarazzjoni tista’ tidher xi ftit kontradittorja. Meta kkwalifikat l-inkonvenjenza bħala sinjifikattiva, jidher li l-leġiżlatura tal-Unjoni kellha l-ħsieb tistabbilixxi limitu pjuttost għoli għat-tip ta’ inkonvenjenza li l-konsumatur seta’ jkollu jittollera. Madankollu, interpretazzjoni tal-frażi b’mod wiesa’ tbaxxi dak il-limitu.

67.      Fil-fehma tiegħi, fl-interpretazzjoni ta’ dik il-frażi għandu jinħalaq bilanċ bejn l-interess li l-konsumatur ikun protett u li l-kwalifika introdotta mil-leġiżlatura tal-Unjoni ma titteħdilhix l-effikaċja tagħha. Għalhekk jiena naħseb li, anki meqjus id-dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Gebr. Weber u Putz, dik il-frażi, f’kull każ, ma tistax twassal għal interpretazzjoni li b’mod eċċezzjonali tiffavorixxi l-interessi tal-konsumatur. Dan huwa hekk l-iktar fid-dawl tal-għan tad-Direttiva li jkun stabbilit bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-bejjiegħ.

68.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ikun hemm inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur meta l-piż ikun tali li jiddisswadi lill-konsumatur milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu (22). Madankollu, bħal strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur, ma tkunx tista’ ssir l-evalwazzjoni abbażi ta’ x’jista’ jiddisswadi konsumatur individwali milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu. Minflok, bħala punt ta’ riferiment fl-evalwazzjoni għandu jintuża l-istandard oġġettiv tax-xorta ta’ piż li jiddisswadi lil konsumatur medju (23).

69.      Biex jiżgura tiswija jew tibdil malajr il-konsumatur medju jista’ jkun irid li jagħmel arranġamenti għal trasport tal-oġġetti inkwistjoni għall-post tan-negozju tal-bejjiegħ jew li jagħmilhom disponibbli fi stazzjon ta’ servizzi fil-qrib. Madankollu, dan ġeneralment ikun jiddependi min-natura tal-oġġetti. Meta l-oġġetti inkwistjoni jkunu pjuttost kompatti u jkunu jistgħu jintbagħtu faċilment permezz tal-posta normali, wieħed jista’ jassumi li meta l-konsumatur jagħmel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ dan ma joħloq l-ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur. Jekk, għall-kuntrarju, l-oġġetti jkunu goffi jew xorta oħra jkunu jeħtieġu trattament speċjali, il-konsumatur iktar isibha bi tqila li jagħmel arranġamenti għal trasport huwa stess.

70.      Għalhekk, il-post fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jitħarsu r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) jidher li jiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ għalih.

71.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma f’kull każ validi għal oġġetti mixtrija b’bejgħ mill-bogħod. Fil-każ fejn il-konsumatur ikun xtara l-oġġetti mill-post tan-negozju tal-bejjiegħ u, barra minn hekk, dawn ma jkunux jeħtieġu installazzjoni speċifika, wieħed jista’, fil-fehma tiegħi, jassumi li meta l-konsumatur jagħmel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ dan ma jkun jikkostitwixxi ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur.

d)      Osservazzjonijiet ulterjuri

72.      Wieħed jista’ jargumenta li jekk il-bażi tal-post fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli tkun fuq evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi, dan ma jipprovdix grad għoli ta’ ċertezza legali. Jista’ jkun hemm okkażjonijiet fejn ma jkunx ċar, mill-bidu nett, fejn oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità.

73.      Madankollu, iċ-ċertezza tista’ tissaħħaħ b’miżuri meħuda minn bejjiegħa jew mill-Istati Membri.

74.      L-ewwel nett, fl-interess tal-konsumaturi li jkunu ssodisfatti, kif ukoll ta’ riżoluzzjoni malajr u bonarja ta’ kwistjonijiet ta’ konformità, bejjiegħa jistgħu volontarjament jipprovdu ċerti servizzi ta’ wara x-xiri (bħal spezzjonijiet ta’ appliances tad-dar difettużi fil-post tar-residenza tal-konsumatur jew return postage labels). Fil-fatt, dan diġà jseħħ f’xi ġurisdizzjonijiet.

75.      It-tieni nett, minħabba li d-Direttiva hija miżura minima ta’ armonizzazzjoni u tħalli ċerta libertà ta’ azzjoni lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom jistgħu jiddeterminaw il-post fejn oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità, billi jqisu r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3(3). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu dejjem jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar iebsa biex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-Istati Membri jistgħu joħorġu regoli speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti.

76.      Biex nikkonkludi dwar l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda magħmula, nipproponi li Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fis-sens li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-post fejn konsumatur għandu joffri oġġetti miksuba permezz ta’ kuntratt mill-bogħod lil impriża biex ikunu jistgħu jsiru tiswija jew tibdil għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ quddiemha. Dwar dan, il-post fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli għandu jkun tali li jiżgura tiswija jew tibdil mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur, meqjusa n-natura tal-oġġetti u l-għan li għalih il-konsumatur kien jeħtieġ l-oġġetti.

77.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li f’dan il-każ speċifiku l-konsumatur għandu jagħmel l-oġġetti inkwistjoni disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ, il-kwistjoni jekk il-konsumatur ikunx intitolat għal ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż kollha li jista’ jkollu jagħmel għal trasport ser tkun diskussa hawn taħt.

3.      Ir-rekwiżit ta’ “tiswija mingħajr ħlas” jintitola lill-konsumatur  għal ħlas bil-quddiem għal spejjeż ta’ trasport?

78.      Permezz tar-raba’ domanda magħmula, il-qorti nazzjonali titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-kwistjoni jekk isegwix jew le mir-rekwiżit ta’ “tiswija mingħajr ħlas” li l-bejjiegħ għandu jħallas bil-quddiem għall-ispejjeż kollha ta’ trasport li l-konsumatur ikollu jagħmel biex iqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ.

79.      It-termini “mingħajr ħlas” tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva jirreferu “għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fil-kawża Quelle, isegwi mill-użu li tagħmel il-leġiżlatura tal-Unjoni tal-avverbju “partikolarment” li dik il-lista hija illustrattiva, mhux eżawrjenti (24).

80.      Huwa ċar mill-Artikolu 3(4) li l-konsumatur f’kull każ ma jkunx responsabbli biex l-ispejjeż magħmula għat-trasport ta’ oġġetti li ma jkunux f’konformità jitħallsu lura lill-bejjiegħ. Madankollu, kif imsemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq, huwa inqas ovvju minn dik id-dispożizzjoni jekk ir-rekwiżit “mingħajr ħlas” jinkludix id-dritt tal-konsumatur li jkun rimborżat l-ispejjeż magħmula biex oġġetti jinġiebu f’konformità jew, minflok, ma għandha tkun meħtieġa ebda kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-konsumatur, anki temporanja, matul dak il-proċess.

81.      Mis-sentenza fil-kawża Gebr. Weber u Putz, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod impliċitu aċċettat din l-aħħar interpretazzjoni (25). Barra minn hekk, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li jsegwi mill-kliem tad-Direttiva, kif ukoll mit-travaux préparatoires relatati, li l-leġiżlatura tal-Unjoni kellha fiħsiebha tagħmel l-aspett ta’ “mingħajr ħlas” tal-obbligu tal-bejjiegħ li oġġetti jinġiebu f’konformità element essenzjali tal-protezzjoni mogħtija lil konsumaturi mid-Direttiva. Ir-rekwiżit ta’ “mingħajr ħlas” marbut mal-obbligu tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità huwa intiż biex iħares lil konsumaturi mir-riskju ta’ piżijiet finanzjarji li jistgħu jiddisswaduhom milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom fin-nuqqas ta’ protezzjoni bħal din (26).

82.      Jista’ jiġi konkluż minn dan li l-konsumatur għandu dejjem jingħata ħlas bil-quddiem għal spejjeż ta’ trasport.

83.      Madankollu, id-Direttiva ma tfittixx biss li tipproteġi l-interessi tal-konsumatur. Id-Direttiva tfittex ukoll li tibbilanċja dawk l-interessi mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-bejjiegħ. Barra minn hekk, id-Direttiva tiffavorixxi riżoluzzjoni ta’ malajr ta’ kull kwistjoni ta’ konformità.

84.      Il-ħlas bil-quddiem ta’ spejjeż ta’ trasport mill-bejjiegħ dejjem iżid iż-żmien meħtieġ biex oġġetti jinġiebu f’konformità. Barra minn hekk, ħlas bil-quddiem ta’ spejjeż ta’ trasport jista’ jimponi piż amministrattiv sproporzjonat fuq il-bejjiegħ. Jiġri hekk l-iktar meta l-oġġetti inkwistjoni, meta ssir spezzjoni, jinstabu li, wara kollox, ma kienu difettużi xejn.

85.      Għalhekk jiena konvint li jkun kompatibbli mal-ħsieb bażiku tad-Direttiva li konsumaturi jkollhom iħallsu minn qabel għall-ispejjeż ta’ trasport biex oġġetti jiġu spezzjonati jew jinġiebu f’konformità fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż ta’ trasport jistgħu ma jkunux tant għoljin li jkunu jammontaw għal piż finanzjarju li jiddisswadi lill-konsumaturi milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom.

86.      Jekk dak il-limitu jintlaħaqx jew le, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkostanzi kollha ta’ kull każ għalih, billi jitqiesu fatturi bħall-ammont tal-ispejjeż ta’ trasport, il-valur tal-oġġetti, jew il-mezzi ta’ rimedju disponibbli jekk il-bejjiegħ ma jirrimborżax l-ispejjeż imħallsa minn qabel.

87.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda magħmula fis-sens li mhuwiex prekluż skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, flimkien mal-Artikolu 3(4) tagħha, li konsumatur ikollu jħallas l-ispejjeż ta’ trasport lejn u/jew lura, sakemm dan ma jkunx jammonta għal piż finanzjarju li jiddisswadi lill-konsumatur milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

4.      Meta konsumatur  ikun intitolat iħassar kuntratt?

88.      Il-ħames u s-sitt domanda magħmula huma dwar iċ-ċirkustanzi li fihom konsumatur jista’ jkun intitolat iħassar kuntratt meta oġġetti ma jkunux f’konformità. B’mod iktar speċifiku l-kwistjoni hija jekk konsumatur li jkun biss innotifika lill-bejjiegħ li oġġetti ma jkunux f’konformità iżda li ma jkunx għamel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ, jew offra li jagħmel l-oġġetti disponibbli fil-post tan-negozju tal-bejjiegħ, jistax jistrieħ fuq l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva biex iħassar il-kuntratt.

89.      Skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva l-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew li jħassar il-kuntratt, fl-ewwel lok, jekk it-tiswija jew il-tibdil ikunu impossibbli jew jekk dawn ikunu jikkostitwixxu piż sproporzjonat fuq il-bejjiegħ, fit-tieni lok, jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew għamel il-tibdil fi żmien raġonevoli, jew, fit-tielet lok, jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur. Barra minn hekk, id-dritt li l-kuntratt jitħassar ma jestendix għal ċirkustanzi fejn ikun hemm nuqqas żgħir ta’ konformità (27).

90.      L-Artikolu 3, għalhekk, jistabbilixxi ġerarkija ċara ta’ rimedji li l-konsumatur ikun intitolat għalihom jekk oġġetti ma jkunux f’konformità. F’dik il-ġerarkija, it-tħassir tal-kuntratt ikun ir-rimedju meta ma jkunx baqa’ iżjed xi jsir. Id-Direttiva tiffavorixxi b’mod ċar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, fl-interess taż-żewġ partijiet għalih (28).

91.      Dan huwa għaliex, fl-opinjoni tiegħi, il-possibbiltà li l-kuntratt jitħassar għandha tiġi interpretata b’mod ristrett.

92.      Minħabba li d-Direttiva tipprova żżomm ċertu bilanċ bejn l-obbligi tad-diversi partijiet għal kuntratt (29), ċerti obbligi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva japplikaw kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bejjiegħ meta oġġetti ma jkunux f’konformità.

93.      Il-konsumatur, min-naħa tiegħu, għandu jagħti lill-bejjiegħ opportunità biżżejjed biex iġib l-oġġetti f’konformità. Għal dan l-għan tkun meħtieġa azzjoni pożittiva f’isem il-konsumatur. Qabel xejn, il-konsumatur ikollu jgħarraf lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti inkwistjoni u dwar l-għażla tiegħu li jirrimedja skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (tiswija jew tibdil). Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jagħmel l-oġġetti li ma jkunux f’konformità disponibbli għall-bejjiegħ.

94.      Il-bejjiegħ, min-naħa l-oħra, għandu jlesti kull tiswija jew jagħmel tibdil fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur. Il-bejjiegħ jista’ biss jirrifjuta jagħmel hekk meta dan ikun impossibbli jew sproporzjonat (30).

95.      Il-konsumatur jista’ jitlob biss tnaqqis fil-prezz jew iħassar il-kuntratt jekk il-bejjiegħ jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3. Kif imsemmi iktar ’il fuq, jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti inkwistjoni jkun biss żgħir, it-tħassir ikun għalkollox impossibbli.

96.      F’din il-kawża l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha l-kwistjoni jekk il-konsumatur wettaqx l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3, u, għalhekk, jista’ jħassar il-kuntratt, meta ma mhuwiex ċar f’liema post l-oġġetti kellhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità.

97.      Mhux id-dettalji kollha tal-imġieba bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ huma ċari mir-rinviju tal-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt). Jidher, madankollu, li l-partijiet ma ddiskutewx fejn kellhom ikunu disponibbli l-oġġetti biex jinġiebu f’konformità. Jidher mill-proċess tal-qorti li l-konsumatur talab biss li l-oġġetti jinġiebu f’konformità fil-post tar-residenza tiegħu. Il-bejjiegħ, min-naħa l-oħra, qal biss għall-ewwel darba matul il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju li l-oġġetti kellhom ikunu disponibbli fil-post tan-negozju tiegħu.

98.      Jidhirli li l-konsumatur kien b’daqshekk wettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fil-kawża Faber, l-obbligu impost fuq il-konsumatur ma jistax imur lil hinn minn li l-bejjiegħ ikun mgħarraf li jkun hemm nuqqas ta’ konformità. Minħabba l-pożizzjoni dgħajfa tal-konsumatur vis-a-vis il-bejjiegħ dwar l-informazzjoni b’rabta mal-kwalitajiet tal-oġġetti u mal-istat li fih ikunu nbiegħu, il-konsumatur ma jistax, barra minn hekk, jintalab jgħid il-kawża preċiża għan-nuqqas ta’ konformità (31).

99.      Għall-kuntrarju, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-bejjiegħ, f’dawk iċ-ċirkustanzi, ma jkunx wettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3. L-obbligu li r-rimedju jitlesta fi żmien raġonevoli, fl-opinjoni tiegħi, jimplika li kulma jkun hemm bżonn isir biex jitlesta r-rimedju għandu wkoll jitlesta fi żmien raġonevoli, sakemm il-konsumatur ikun ikkomunika b’mod ċar li jkun hemm nuqqas ta’ konformità, inkluż ċertu għadd ta’ partikularitajiet relatati man-natura tal-oġġetti inkwistjoni, it-termini kuntrattwali maqbula u l-mod li l-allegat nuqqas ta’ konformità kien sar jidher (32).

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sitwazzjoni fejn il-bejjiegħ isostni biss, vis-a-vis il-konsumatur, li l-oġġetti inkwistjoni jkunu f’konformità u ma jagħmel xejn biex għall-inqas jispezzjona l-oġġetti, fil-fehma tiegħi, dan ikun daqslikieku ma jkun ħa ebda azzjoni u ma jistax jammonta għal twettiq tal-obbligi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva. Mill-inqas, il-bejjiegħ ikun mitlub jgħarraf lill-konsumatur, fi żmien raġonevoli, fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità. Minħabba li l-bejjiegħ ikun qiegħed jaġixxi skont il-professjoni tiegħu, aktarx li jkun iktar probabbli li huwa jkun jaf fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità.

101. Għaldaqstant, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-perijodu li fih l-oġġetti kellhom jinġiebu f’konformità għandu jitqies li kien beda.

102. Madankollu, prerekwiżit essenzjali għall-eżerċizzju ta’ kull wieħed mid-drittijiet skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva huwa li l-oġġetti ma jkunux f’konformità fiż-żmien meta jkunu twasslu. Minħabba li hemm preżunzjoni skont id-Direttiva li oġġetti jkunu f’konformità (33), ikun għad jonqos tinġieb prova li l-oġġetti ma jkunux fil-fatt f’konformità mal-kuntratt qabel ma l-konsumatur ikun jista’ jħassar il-kuntratt (34).

103. Għalhekk, ir-risposta għall-ħames u s-sitt domanda magħmula għandha tkun li l-konsumatur ikun intitolat iħassar kuntratt għall-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum meta l-bejjiegħ ma jkun għamel xejn, lanqas ma jkun ta informazzjoni dwar fejn l-oġġetti kellhom ikunu disponibbli biex jinġiebu f’konformità, permezz ta’ wieħed mir-rimedji skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx biss wieħed żgħir jew ma jkunx intwera.

IV.    Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali, Norderstedt, il-Ġermanja) kif ġej:

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-post fejn konsumatur għandu joffri oġġetti miksuba skont kuntratt mill-bogħod lil impriża biex ikunu jistgħu jsiru tiswija jew tibdil għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ quddiemha. F’dan ir-rigward il-post fejn l-oġġetti għandhom ikunu disponibbli għandu jkun tali li jiżgura tiswija jew tibdil mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr ebda inkonvenjenza sinjifikattiva għall-konsumatur, billi jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-għan li għalih il-konsumatur ikun kiseb l-oġġetti.

Mhuwiex prekluż mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, flimkien mal-Artikolu 3(4) tagħha, li konsumatur ikollu jgħaddi bil-quddiem l-ispejjeż ta’ trasport lejn u lura, sakemm dan ma jkunx jammonta għal piż finanzjarju li jiddisswadi lill-konsumatur milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tiegħu, għandu jkun interpretat bħala li jfisser li konsumatur li jkun innotifika difett lill-bejjiegħ ikun intitolat iħassar il-kuntratt meta l-bejjiegħ ma jkun ħa ebda azzjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni dwar fejn kellhom ikunu disponibbli l-oġġetti biex jinġiebu f’konformità, permezz ta’ wieħed mir-rimedji skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx biss wieħed żgħir jew ma jkunx intwera.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).


3      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


4      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


5      Ara l-premessa 2 tad-Direttiva, kif ukoll il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom (COM(95) 520 finali), p. 1 et seq.


6      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom, p. 7.


7      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punti 57 sa 60.


8      Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, kif ukoll is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9      Ara l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva u l-Proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom, p. 6.


10      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, EU:C:2008:231, punt 41.


11      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 72.


12      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13      Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.


14      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.


15      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 75.


16      Ara, b’paragun, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:85, punti 27 sa 29 u 105.


17      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr.Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva u, f’dak is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, EU:C:2008:231, punt 42. Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 58.


19      Proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal Direttiva dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom, p. 14 u 15.


20      Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.


21      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 53.


22      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 46.


23      Ara, dwar dan, bħala eżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Dyson, C-632/16, EU:C:2018:599, punt 56 (dwar prattiki kummerċjali inġusti), u s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703, punt 47 (dwar termini kuntrattwali inġusti).


24      Ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, EU:C:2008:231, punt 31.


25      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 61.


26      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Ara l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva.


28      Ara wkoll, dwar dan, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C-65/09 u C-87/09, EU:C:2011:396, punt 72.


29      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti tal-kunsum u garanziji assoċjati magħhom, p. 7.


30      Ara l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.


31      Ara wkoll dwar dan l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tagħha. Ara wkoll is-senrtenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punti 62 u 63.


32      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C-497/13, EU:C:2015:357, punt 63.


33      Ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva.


34      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C-497/13, EU:C:2015:357, punt 52.