Language of document : ECLI:EU:C:2018:994

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C494/17

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR

vs

Fabio Rossato,

Conservatorio di Musica F.A. Bonporti

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat – Assenza ta’ dritt għall-kumpens għad-dannu – Prinċipju ta’ effettività”






I.      Introduzzjoni

1.        Bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mascolo et (2), il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid hija adita b’tilwima dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat fis-settur tal-iskejjel pubbliċi Taljani, b’mod partikolari fil-konservatorji tal-mużika. Madankollu, l-importanza tal-kawża preżenti ma tirrigwardax daqstant il-kontenut tal-Liġi Nru 107/2015 (3), li ġiet introdotta mil-leġiżlatur Taljan sabiex jikkonforma ruħu ma’ dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, daqskemm tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din il-liġi mogħtija mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). Fil-fatt, minn din l-interpretazzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 107/2015 ġie estiż għall-għalliema li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat ġiet ittrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat abbażi “tal-istrumenti preċedenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni” kif kienu joperaw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

2.        Issa, din l-interpretazzjoni, fil-prattika, ikollha l-effett li “tħassar għalkollox”, jiġifieri li teskludi kull kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat bi ksur tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat (4) matul l-erbatax-il sena li ppreċedew id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015, u dan mingħajr ma testendi għal dawn il-ħaddiema l-miżuri legali li din il-liġi tipprevedi għall-prevenzjoni jew għas-sanzjonar tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

3.        Din hija l-problema mqajma mid-domanda preliminari f’din il-kawża.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għall-prevenzjoni ta’ l-abbuż”:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, [l-Istati Membri,] wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(c)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

B.      Id-dritt Taljan

5.        Skont l-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015:

“Għas-sena skolastika 2015/2016, il-[Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Universitajiet u għar-Riċerka, iktar ’il quddiem il-‘Ministeru’)] huwa awtorizzat jimplimenta pjan straordinarju ta’ reklutaġġ ta’ għalliema għal żmien indeterminat għall-iskejjel pubbliċi tal-livelli kollha, bil-għan li jimla l-pożizzjonijiet kollha li huma komuni u li jsostnu l-persunal ‘de jure’, li jkunu għadhom vakanti u disponibbli wara l-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti mwettqa għall-istess sena skolastika skont l-Artikolu 399 tat-test uniku previst mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 [(5)], tas-16 ta’ April 1994, li wara t-twettiq tagħhom għandhom jitħassru l-listi ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u eżamijiet ippubblikati qabel l-2012. Għas-sena skolastika 2015/2016, il-[Ministeru] huwa wkoll awtorizzat jimla l-pożizzjonijiet l-oħra elenkati fit-Tabella 1 annessa ma’ din il-liġi, imqassma bejn il-livelli ta’ tagħlim primarju u sekondarju u d-diversi tipi ta’ pożizzjonijiet indikati fl-istess tabella, kif ukoll bejn id-diversi reġjuni, proporzjonalment, fir-rigward ta’ kull grad, għall-popolazzjoni skolastika tal-iskejjel amministrati mill-Istat, fid-dawl ukoll tal-preżenza ta’ żoni muntanjużi jew ta’ gżejjer żgħar, ta’ żoni interni, li għandhom densità demografika baxxa jew immigrazzjoni qawwija, kif ukoll ta’ żoni kkaratterizzati minn rati għolja ta’ skartar mill-iskola. Il-pożizzjonijiet elenkati fit-Tabella 1 għandhom jimtlew għall-finijiet previsti fil-paragrafi 7 u 85. It-tqassim tal-pożizzjonijiet previsti fit-Tabella 1 bejn id-diversi kategoriji ta’ kompetizzjonijiet għandu jiġi żgurat permezz ta’ digriet tal-persuna responsabbli mill-Ufficio scolastico regionale [l-Uffiċċju Reġjonali tal-Edukazzjoni, l-Italja], skont il-bżonnijiet espressi mill-iskejjel infushom, fil-limiti tal-listi ta’ kandidati xierqa previsti fil-paragrafu 96. B’effett mis-sena skolastika 2016/2017, il-pożizzjonijiet elenkati fit-Tabella 1 għandhom jiġu integrati fil-persunal tal-entità awtonoma u b’dan il-mod għandhom iservu sabiex dan jissaħħaħ. B’effett mis-sena skolastika 2015/2016, il-pożizzjonijiet li jservu għat-tisħiħ tal-persunal ma jistgħux jiġu okkupati minn persunal b’kuntratti ta’ sostituzzjoni temporanji u okkażjonali. Matul is-sena skolastika 2015/2016 biss, dawn il-pożizzjonijiet ma jistgħux ikunu intiżi għas-sostituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 40(9) tal-Liġi Nru 449 tas-27 ta’ Diċembru 1997 (6) u ma għandhomx ikunu disponibbli għall-operazzjonijiet ta’ mobbiltà, ta’ użu jew ta’ assenjazzjoni provviżorja.”

6.        Skont l-Artikolu 1(131) tal-Liġi Nru 107/2015:

“B’effett mill-1 ta’ Settembru 2016, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-għalliema u mal-persunal edukattiv, amministrattiv, tekniku u awżiljarju fl-iskejjel u fl-istabbilimenti edukattivi tal-Istat sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u disponibbli ma jistgħux jeċċedu tul totali ta’ 36 xahar, anki mhux konsekuttivi.”

7.        L-Artikolu 1(132) tal-Liġi Nru 107/2015 jistabbilixxi:

“L-estimi tal-baġit tal-[Ministeru] jipprevedu l-ħolqien ta’ fond għall-ħlasijiet b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li l-għan tagħhom huwa l-kumpens għad-danni kkawżati mit-tiġdid irrepetut ta’ kuntratti għal żmien determinat għal tul totali ta’ iktar minn 36 xahar, anki mhux konsekuttivi, għal pożizzjonijiet vakanti u disponibbli, b’allokazzjoni ta’ EUR 10 miljun għal kull waħda mis-snin 2015 u 2016 […]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Fabio Rossato ġie rreklutat permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat bħala għalliem tal-akkordjan fil-Conservatorio Statale di Musica di Trento F. A. Bonporti (il-Konservatorju Statali tal-Mużika ta’ Trento F. A. Bonporti, l-Italja) mit-18 ta’ Novembru 2003. Skont dawn il-kuntratti, F. Rossato ħadem għall-persuna li timpjegah mingħajr interruzzjoni matul perijodu ta’ ħdax-il sena u xahrejn permezz ta’ sbatax-il kuntratt konklużi mal-Ministeru (7).

9.        Fl-20 ta’ Diċembru 2011, peress li qies li l-klawżoli li jissuġġettaw id-diversi kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għal terminu kienu illegali, F. Rossato adixxa t-Tribunale di Rovereto (il-Qorti Distrettwali ta’ Rovereto, l-Italja) billi talab, prinċipalment, li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ tali klawżoli u li jikseb il-konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew, sussidjarjament, kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat bi ksur tal-Ftehim qafas, kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba fil-kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu skont il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

10.      It-Tribunale di Rovereto (il-Qorti Distrettwali ta’ Rovereto) laqgħet biss it-talba dwar ir-rikonoxximent tal-anzjanità miksuba għall-finijiet tar-remunerazzjoni. Hija ċaħdet it-talbiet ibbażati fuq l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fis-sentenza tagħha Nru 10127/12 (8).

11.      Fil-5 ta’ Marzu 2013, la Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento, l-Italja) ġiet adita mill-Ministeru b’appell minn din is-sentenza sa fejn din irrikonoxxiet l-anzjanità miksuba matul il-kuntratti għal żmien determinat. Fil-31 ta’ Mejju 2013, F. Rossato ppreżenta appell inċidentali mill-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju sa fejn din eskludiet l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u, konsegwentement, ċaħdet it-talbiet tiegħu għal konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat u għal kumpens għad-dannu.

12.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija ddifferixxiet il-kawża diversi drabi sakemm jingħataw is-sentenzi tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (9). Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li wara din is-sentenza ġiet adottata l-Liġi Nru 107/2015, li għandha l-iskop li “tadatta l-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dik tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għall-għalliema u għall-persunal mhux għalliem tal-iskejjel pubbliċi […] wara [s-sentenza Mascolo et]”.

13.      Fit-2 ta’ Settembru 2015, matul il-proċedura, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ F. Rossato ġiet ittrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, l-ewwel nett, permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat (10) u, sussegwentement, permezz tal-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti. Din it-trasformazzjoni seħħet bis-saħħa tal-fatt li huwa tela’ fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa, abbażi tan-Noti Ministerjali Nru 36913/15 u Nru 8893/15 li joriġinaw, rispettivament, mill-Ministero delle Finanze (il-Ministeru tal-Finanzi) u mill-Ministero dell’ Istruzione, dell’Università e della Ricerca (il-Ministeru tal-Edukazzjoni, tal-Universitajiet u tar-Riċerka) li awtorizzaw ir-reklutaġġi għal żmien indeterminat skont l-Artikolu 19 tad-Digriet Liġi Nru 104/2013 (11), l-Artikolu 2a tad-Digriet Liġi Nru 97/2004 (12), l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 508/1999 u l-Artikolu 270 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994.

14.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) (13), b’applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) (14), iddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-għalliema, li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni għal żmien indeterminat kienet tikkostitwixxi miżura ta’ kumpens “proporzjonata, effikaċi, suffiċjentement effettiva” u ta’ natura li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat u li “tħassar il-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni”, b’mod li l-ħaddiem ikkonċernat ma seta’ jinvoka ebda dannu abbażi ta’ dan l-abbuż.

15.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li t-“trasformazzjoni” tar-relazzjoni ta’ xogħol f’kuntratt għal żmien indeterminat li għaliha jirreferu d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-qrati supremi tipproduċi effetti biss għall-ġejjieni u għandha tiġi distinta mill-“konverżjoni” tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni għal żmien indeterminat, li hija s-sanzjoni prevista – minbarra l-kumpens għad-dannu – għas-settur privat u tipproduċi l-effetti tagħha fil-passat (15). Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-liġi nazzjonali, kif emendata wara s-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u interpretata mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), F. Rossato la jista’ jitlob il-konverżjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat, li ma hijiex applikabbli għas-servizz pubbliku, u lanqas l-għoti ta’ danni, peress li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu f’kuntratt għal żmien indeterminat seħħet bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa, abbażi “tal-istrumenti preċedenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni”, kif kienu joperaw qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015.

16.      Dawn iċ-ċirkustanzi jwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-legalità ta’ tali konsegwenza tal-interpretazzjoni tal-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fid-dawl tal-Ftehim qafas u tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mascolo et (16).

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte di appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2017 li wasslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2017, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-klawżola 5(1) tal-[Ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-[Liġi Nru 107/2015], li d-dispożizzjonijiet tiegħu jipprevedu, għall-għalliema, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-ġejjieni, mingħajr effett retroattiv u mingħajr kumpens għad-dannu, bħala miżuri li huma ta’ natura proporzjonata, suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-ftehim qafas għal dak li jikkonċerna l-ksur tiegħu permezz tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi matul il-perijodu preċedenti għall-perijodu li għalih il-miżuri previsti minn dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jipproduċu l-effetti tagħhom?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet kienu rrappreżentati matul is-seduta li nżammet fis-27 ta’ Settembru 2018.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

19.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-Liġi Nru 107/2015 ma japplikax għat-tilwima, li hija rregolata mill-Artikoli 270 u 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan isostni li r-relazzjoni ta’ xogħol ġiet ittrasformata f’kuntratt għal żmien indeterminat mhux skont l-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015 iżda abbażi tal-proċedura ta’ trasformazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol f’kuntratt għal żmien indeterminat prevista fl-Artikolu 270 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula opinjoni konsultattiva dwar il-kompatibbiltà tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas mal-applikazzjoni retroattiva tal-Liġi Nru 107/2015. Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan isostni li dik il-qorti ma tindikax id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ħaġa li timpedixxi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ abbuż fl-użu ta’ kuntratti ta’ dan it-tip.

20.      Inqis li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

21.      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Gvern Taljan, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi Nru 107/2015, kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), tapplika wkoll għall-għalliema kollha li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom f’relazzjoni għal żmien indeterminat seħħet “permezz tal-implimentazzjoni tal-istrumenti preċedenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni”. Għaldaqstant, il-problema mqajma minn din il-kawża ma hijiex ta’ natura ipotetika.

22.      Fit-tieni lok, l-argument li l-kwalifikazzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi mill-partijiet bħala abbużivi ma tistax tiġi vverifikata, fid-dawl tal-assenza, b’mod partikolari, tad-dati tat-tmiem ta’ dawn il-kuntratti, huwa irrilevanti għalkollox. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju stess tqis, ħaġa li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, li F. Rossato għallem “mingħajr interruzzjoni” mit-18 ta’ Novembru 2003 sat-2 ta’ Settembru 2015, li hija d-data tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu f’kuntratt għal żmien determinat.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkonkludi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

24.      Bħall-kawżi li wasslu għas-sentenza Mascolo et (17) u li fihom ippreżentajt konklużjonijiet, din il-kawża taqa’ f’kuntest ġuridiku kumpless u tqajjem mill-ġdid il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Ftehim qafas u tal-applikazzjoni tiegħu għas-sistema nazzjonali ta’ sostituzzjoni tal-għalliema tas-settur tal-iskejjel pubbliċi, b’mod partikolari tal-konservatorji tal-mużika. Sabiex jinftiehmu aħjar il-problemi li huma l-bażi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jidhirli li huwa rilevanti, f’dan l-istadju, li nibda l-analiżi tiegħi bi tfakkir tal-punti essenzjali tal-imsemmija sistema nazzjonali, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Sussegwentement, ngħaddi sabiex neżamina d-domanda preliminari fid-dawl tal-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, tas-sentenza Mascolo et (18).

25.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tispjega, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienu applikabbli fil-mument tal-preżentata tat-talba fl-ewwel istanza huma l-Artikolu 2(6) tal-Liġi Nru 508/1999 u l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999 (19), sa fejn F. Rossato kien ikkonkluda l-kuntratti għal żmien determinat kontenzjużi mal-persuna li timpjegah wara li kien ġie assenjat mill-Ministeru fil-katedra tal-Konservatorju ta’ Trento abbażi tal-listi permanenti ta’ kandidati xierqa (20). Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, għall-konservatorji tal-mużika u għall-istituti artistiċi, il-Liġi Nru 508/1999 kienet tipprevedi l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jimtlew il-katedri u l-pożizzjonijiet ta’ tagħlim li kienu effettivament vakanti u disponibbli, sakemm jintemmu l-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti. Dik il-qorti żżid li dawn id-dispożizzjonijiet la kienu jipprevedu termini vinkolanti u sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tat-termini purament indikattivi li kienu jistabbilixxu u lanqas sanzjonijiet għat-tiġdid irrepetut, li kien jirriżulta minnhom, ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-amministrazzjoni pubblika.

26.      F’dan il-każ, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ F. Rossato seħħet abbażi tal-proċedura ta’ trasformazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol f’kuntratt għal żmien indeterminat prevista fl-Artikolu 270 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994. Hija tispeċifika li dan l-artikolu kien jistabbilixxi li r-reklutaġġ tal-għalliema kien isir għal nofs il-pożizzjonijiet disponibbli għal kull sena skolastika, permezz ta’ kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u fuq eżamijiet u, għan-nofs l-ieħor, billi jintużaw il-listi permanenti ta’ kandidati xierqa (21).

27.      Fit-tieni lok, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, wara s-sentenza Mascolo et (22), din is-sistema ġiet emendata bil-Liġi Nru 107/2015. Din il-liġi kienet tipprevedi li jimtlew il-pożizzjonijiet disponibbli fit-tabella tal-persunal u, għal dak li jirrigwarda l-imsemmija pożizzjonijiet, fil-ġejjieni jieqfu jintużaw b’mod abbużiv kuntratti għal żmien determinat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jikkonsistu, minn naħa, fil-limitazzjoni għal tul totali ta’ 36 xahar, anki mhux konsekuttivi, tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ għalliema vakanti u disponibbli (Artikolu 1(131)) u, min-naħa l-oħra, fl-istabbiliment ta’ fond għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat għal tul totali ta’ iktar mil-limitu ta’ 36 xahar, anki mhux konsekuttivi, stabbilit għal kull waħda mis-snin 2015 u 2016 (Artikolu 1(132)) (23). Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li din l-istess liġi kkonfermat, fl-Artikolu 1(95) tagħha, li l-kompetizzjonijiet għandhom jiġu organizzati kull tliet snin u pprevediet, għas-sena skolastika 2015/2016, pjan straordinarju ta’ reklutaġġi ta’ għalliema għal żmien indeterminat sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti fit-tabella tal-persunal “de jure”, permezz ta’ kompetizzjoni ssemplifikata, wara l-ħatra bħala uffiċjali permanenti tal-għalliema kklassifikati f’pożizzjoni favorevoli fil-listi permanenti ta’ kandidati xierqa (24).

28.      Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta jirriżulta li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ F. Rossato f’relazzjoni għal żmien indeterminat ma seħħitx abbażi tar-reklutaġġ straordinarju previst mil-Liġi Nru 107/2015. Minkejja dan, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni ta’ din il-liġi mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ikollha l-effett li timpedixxi lil F. Rossato milli jitlob kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015 (25).

29.      Huwa f’dan il-kuntest li taqa’ l-kawża prinċipali.

2.      Eżami tad-domanda preliminari

30.      Din id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 107/2015 adottati wara s-sentenza Mascolo et (26) mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. L-interpretazzjoni ta’ din il-liġi mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tipprojbixxi lil għalliem, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali – irreklutat mill-ministeru abbażi ta’ sbatax-il kuntratt suċċessivi għal żmien determinat konklużi għal perijodu mhux interrott ta’ ħdax-il sena u xahrejn, li nħatar uffiċjal permanenti – milli jikseb il-“konverżjoni” tar-relazzjoni ta’ xogħol sħiħa f’kuntratt għal żmien indeterminat b’effett retroattiv u kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat.

31.      Infakkar qabelxejn li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (27).

32.      F’dan il-każ, jidhirli li, permezz tad-domanda tagħha, il-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento) tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha kull kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat matul il-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa pprojbit.

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas u l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1)

33.      Għandu jitfakkar li mill-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan il-qafas jipprevedi bħala minimu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni intiżi li tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (28) u, għalhekk, li jiġi evitat li s-sitwazzjoni tagħhom tiddgħajjef, minħabba l-fatt li jkunu ġew irreklutati b’kuntratt għal żmien determinat għal perijodu twil ta’ żmien (29). Fil-fatt, din il-kategorija ta’ impjegati tinkorri r-riskju, matul parti sostanzjali mill-karriera professjonali tagħha, li tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg, li madankollu jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-Ftehim qafas (30), element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (31).

34.      Fit-twettiq ta’ dan l-għan, l-imsemmi qafas jinkludi żewġ tipi ta’ miżuri (32). Minn naħa, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tinkludi l-obbligu tal-Istati Membri li jintroduċu waħda jew iktar mill-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tali abbużi elenkati fil-punti 1(a) sa (ċ), meta ma jkun hemm ebda miżura legali ekwivalenti fid-dritt nazzjonali (33). B’dan il-mod, il-Ftehim qafas jagħti għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli tal-Ftehim qafas (34). Min-naħa l-oħra, il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-punt 2(b), timponi fuq l-Istati Membri u/jew fuq l-imsieħba soċjali li jadottaw miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw abbużi (35).

35.      F’dan il-każ, huwa paċifiku, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li seħħ tali użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Fil-fatt, F. Rossato għallem “mingħajr interruzzjoni” matul il-perijodu bejn it-18 ta’ Novembru 2003 u t-2 ta’ Settembru 2015, li hija d-data tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu permezz tal-konklużjoni tal-kuntratt għal żmien indeterminat, b’effett retroattiv mix-xahar ta’ Jannar 2014. Konsegwentement, ħaddiem bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ġie rreklutat bħala għalliem bil-għan li jwettaq sostituzzjonijiet annwali f’konservatorji amministrati mill-Istat, fil-kuntest ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat matul perijodu kontinwu ta’ ħdax-il sena u xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet oġġettivi, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas skont il-Klawżoli 2 u 5 ta’ dan il-ftehim qafas (36).

36.      F’dan l-istadju, għandu jiġi speċifikat li l-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ aspetti problematiċi: minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-anzjanità ta’ F. Rossato meta nħatar uffiċjal permanenti skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenza tal-interpretazzjoni ta’ din il-liġi mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kull kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-għalliema li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat ġiet ittrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għal din il-liġi.

b)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-anzjanità

37.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li F. Rossato bbenefika minn teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-anzjanità tiegħu meta nħatar uffiċjal permanenti abbażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015, jiġifieri b’effett minn Jannar 2014.

38.      Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan jirriżulta li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, li kien applikabbli għal F. Rossato fil-mument meta nħatar uffiċjal permanenti, kien jistabbilixxi skema speċjali favur l-għalliema tas-sistema skolastika billi jippermetti li jinħatru uffiċjali permanenti b’rikostituzzjoni parzjali tal-karriera. Skont dan il-gvern, din ir-rikostituzzjoni kienet titwettaq permezz ta’ koeffiċjenti u ta’ aġġustamenti li kienu jieħdu inkunsiderazzjoni l-karriera preċedenti tal-għalliem u li kienu jiddistingwu s-sitwazzjoni tiegħu minn dik ta’ għalliem li jkun għadda minn kompetizzjoni fl-istess data, mingħajr ma qabel ikun ħadem għal żmien determinat fis-servizz tal-amministrazzjoni skolastika. Il-Gvern Taljan isostni li dawn l-aġġustamenti, li permezz tagħhom dawn il-perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss parzjalment, jikkostitwixxu applikazzjoni legali tal-prinċipju ta’ pro rata temporis previst fil-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas.

39.      Bla ħsara għal verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat sħiħa f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv (“konverżjoni”). F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom stess, huma jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprevedu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari meta dawn kienu preċedentement ġew impjegati minn dawn l-amministrazzjonijiet fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li ċerti differenzi fit-trattament bejn l-uffiċjali permanenti rreklutati fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali u dawk irreklutati wara li kienu kisbu esperjenza professjonali fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bħala prinċipju, jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi ta’ kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li huma għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom (38).

40.      B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 (39) kien inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza reċenti Motter (40). F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk id-dritt Taljan, billi fl-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi formula digressiva ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba taħt kuntratti għal żmien determinat bl-għan li tiġi evitata diskriminazzjoni retroattiva fir-rigward ta’ persuni li jkunu għaddew minn kompetizzjoni tas-servizz pubbliku, kienx kompatibbli mal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas kellha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju, ma tipprekludix din id-dispożizzjoni li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-reklutaġġ tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, b’mod parzjali, sa żewġ terzi (41).

41.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda biss il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, tal-assenza totali ta’ kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-għalliema li nħatru uffiċjali permanenti abbażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 u li, konsegwentement, iċċaħħdu mid-drittijiet eżistenti tagħhom għal kumpens bħala miżura ta’ sanzjoni fis-sens tal-Ftehim qafas u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

c)      Fuq il-konsegwenza tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Liġi Nru 107/2015

42.      Wara li stabbilixxiet b’mod ċar l-eżistenza tal-abbuż, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-konsegwenza tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Liġi Nru 107/2015, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kull kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat matul il-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, tikkostitwixxix miżura ta’ natura li tissanzjona tali użu abbużiv.

43.      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, ikunu madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll suffiċjentement effettivi u dissważivi sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-ftehim qafas (42). Barra minn hekk, kif irrilevat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (43).

44.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu r-riżultat impost mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim qafas u, għalhekk, l-effett utli tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ effettività u – jekk jista’ jinsab paragun adegwat fid-dritt intern – il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandhom jiġu żgurati (44).

45.      Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mogħtija mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

46.      Huwa minnu li, kif indikat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas tħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw il-kuntratti għal żmien indeterminat (45).

47.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Taljan għażel li jipprevedi fil-Liġi Nru 107/2015, bħala miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas, b’mod partikolari, pjan straordinarju ta’ reklutaġġi ta’ għalliema għal żmien indeterminat kif ukoll kumpens għad-danni kkawżati mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għal tul totali ta’ iktar minn 36 xahar (46). Issa, il-konsegwenza tal-interpretazzjoni ta’ din il-liġi mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) kienet l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi għall-għalliema, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, biss sabiex jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ dawn il-miżuri. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-trasformazzjoni tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015, l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ din il-liġi tipprojbixxi, b’mod assolut, kull kumpens għad-danni kkawżati mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat matul l-erbatax-il sena li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tagħha.

48.      F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni jekk tali interpretazzjoni ġurisprudenzjali tistax iċċaħħad miżura, prevista mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 1999/70 u mal-Ftehim qafas, intiża sabiex tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, minn kull effett retroattiv. Għaldaqstant, tqum kwistjoni oħra: tali miżura ta’ sanzjoni, li l-applikazzjoni tagħha hija pprojbita minn interpretazzjoni ġurisprudenzjali, tikkostitwixxi miżura ta’ sanzjoni suffiċjentement effettiva u dissważiva?

49.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

50.      Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4 TUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (47).

51.      Fit-tieni lok, għalkemm naqbel li nqis li, bħala prinċipju, il-Liġi Nru 107/2015 tistabbilixxi miżuri intiżi għall-prevenzjoni u għas-sanzjonar tal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għall-għalliema tas-settur pubbliku (48), huwa paċifiku li din il-liġi tintroduċi l-imsemmija miżuri biss għall-ġejjieni u li l-konsegwenza tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ din il-liġi hija l-projbizzjoni ta’ kull kumpens għad-danni kkawżati mill-abbużi li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri matul l-erbatax-il sena li ppreċedewha (49).

52.      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-trasformazzjoni tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali f’kuntratt għal żmien indeterminat hija dovuta esklużivament għat-tlugħ tiegħu fil-lista ta’ kandidati xierqa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 (50).

53.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Mascolo et (51), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn din kienet teskludi kull dritt għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur tat-tagħlim. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża lanqas ma kienet tippermetti t-trasformazzjoni tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, l-unika possibbiltà għal ħaddiem, li jkun ħadem ta’ sostitut skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124/1999 fi skola amministrata mill-Istat, li jikseb it-trasformazzjoni tal-kuntratti suċċessivi tiegħu ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat kienet tinsab fil-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti minħabba li jkun tela’ fil-lista ta’ kandidati xierqa (52). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “billi tali possibbiltà hija inċerta, ma tistax titqies bħala sanzjoni li għandha natura suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tal-miżuri adottati skont il-ftehim qafas”. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li t-terminu sabiex l-għalliema jinħatru bħala uffiċjali permanenti fil-kuntest tas-sistema applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015 kien “kemm varjabbli kif ukoll inċert” (53).

54.      Jidhirli li huwa evidenti li F. Rossato jinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Mascolo et (54). Fil-fatt, il-ħatra ta’ F. Rossato bħala uffiċjal permanenti seħħet mhux permezz tar-reklutaġġ straordinarju previst mil-Liġi Nru 107/2015, iżda minħabba li tela’ fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa fil-kuntest tas-sistema preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015, jiġifieri skont l-Artikolu 2(6) tal-Liġi Nru 508/1999, li huwa analogu għall-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999 (55). Minn dan jirriżulta mhux biss li l-ħatra tar-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala uffiċjal permanenti kienet tiddependi, bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Mascolo et, minn ċirkustanzi imprevedibbli u inċerti (56), iżda wkoll li l-interpretazzjoni tal-Liġi Nru 107/2015 mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), eskludiet “kull possibbiltà, għal dawn l-għalliema, li jiksbu kumpens għad-dannu eventwalment imġarrab” minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat (57). Issa, f’din is-sitwazzjoni, il-kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat jikkostitwixxi l-unika miżura ta’ sanzjoni biex tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tar-regoli meħudin skont il-Ftehim qafas.

55.      F’dan il-każ, ħaġa waħda hija ċara: it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tirriżultax mill-miżura ta’ sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, it-trasformazzjoni tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-għalliema f’kuntratt jew f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat li seħħet minħabba li telgħu fil-lista ta’ kandidati xierqa fil-kuntest tas-sistema applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015 ma għandhiex tiġi konfuża ma’ dik li seħħet skont il-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju bħala miżura ta’ sanzjoni prevista mil-leġiżlatur Taljan sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 1999/70 u mal-Ftehim qafas.

56.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa minnu li Stat Membru għandu d-dritt, meta jiġi sabiex jimplimenta l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ settur speċifiku bħal dak tat-tagħlim, dan id-dritt ma jistax jinftiehem b’mod li jippermettilu ma josservax l-obbligu li jipprevedi miżura adegwata sabiex jiġi debitament issanzjonat l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (58). Għaldaqstant, il-fatt li F. Rossato kiseb, wara perijodu ta’ ħdax-il sena u xahrejn, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat skont is-sistema preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 ma jeħlisx lill-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jissanzjona l-ksur li baqa’ għaddej matul dan il-perijodu. Fil-fatt, tali trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, li, minħabba interpretazzjoni ġurisprudenzjali, ma għandha ebda possibbiltà ta’ kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, ma hijiex suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas.

57.      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jagħżel li jissanzjona ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-kumpens għad-dannu, dan il-kumpens għandu jkun effikaċi u għandu jkollu effett dissważiv adegwat fis-sens li jippermetti kumpens adegwat u sħiħ għad-dannu mġarrab (59).

58.      Jidhirli, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, ma ttieħdet ebda miżura intiża sabiex tissanzjona l-użu abbużiv, matul erbatax-il sena, ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 107/2015, u dan, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ kuntratti konklużi u n-numru ta’ snin li matulhom kompla dan l-użu abbużiv. L-inadegwatezza tal-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Liġi Nru 107/2015 f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet tal-abbużi tal-passat hija iktar u iktar evidenti jekk wieħed iqis li l-Artikolu 1(132) ta’ din il-liġi jipprevedi l-ħolqien ta’ fond għall-ħlas fil-ġejjieni ta’ eventwali kumpens għad-dannu malli l-kuntratt għal żmien determinat jeċċedi t-tul ta’ 36 xahar. Min-naħa l-oħra, ebda kumpens ma huwa dovut lil persuna, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jkun ħadem matul iktar minn ħdax-il sena konsekuttivi abbażi tat-tiġdid abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, konklużi sabiex jiġu koperti bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien li, bħala tali, ma jiġġustifikawx l-użu ta’ kuntratti ta’ dan it-tip fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas (60).

59.      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonforma mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Mascolo et (61).

60.      Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, huwa importanti punt aħħari għall-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) indikaw li ħaddiem jista’ jitlob kumpens għal dannu u jipproduċi l-prova tiegħu biss jekk dan ikun dannu speċifiku u differenti minn dak marbut mill-iktar qrib mal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

61.      F’dan ir-rigward, għandi nispeċifika li d-dannu li għalih jirreferu l-Ftehim qafas u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda d-dannu speċifiku marbut mal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat matul parti sostanzjali tal-karriera professjonali ta’ ħaddiem, billi jeskludih mill-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg, li, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas u mill-punti 6 sa 8 tal-Kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, huwa maħsub bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (62). Dan id-dannu jikkostitwixxi miżura ta’ sanzjoni speċifika għall-ksur tal-Ftehim qafas. Għaldaqstant, il-fatt li dan l-istess ħaddiem jista’ jitlob, skont id-dritt nazzjonali, il-kumpens ta’ tipi oħra ta’ danni li jistgħu jkunu konnessi mad-dannu prinċipali jew kollaterali għalih (bħall-ħsara għas-saħħa jew bħad-danni morali) iżda li ma humiex marbuta direttament mal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, huwa irrilevanti għall-konklużjonijiet tiegħi, jiġifieri l-assenza ta’ natura suffiċjentement effettiva u dissważiva ta’ miżura ta’ sanzjoni li ma hijiex applikabbli għall-għalliema li nħatru uffiċjali permanenti abbażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

62.      Fil-fatt, il-Liġi Nru 107/2015, prevista mil-leġiżlatur Taljan sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni, kellha l-konsegwenza li tejbet is-sitwazzjoni tal-għalliema li r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom ġiet ittrasformata jew ser tiġi ttrasformata f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ din il-liġi ddeterjorat is-sitwazzjoni tal-għalliema, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat seħħet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u dan minkejja s-sentenza Mascolo et (63). Konsegwentement, tali miżura la hija ta’ natura li tissanzjona debitament l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u lanqas ma hija ta’ natura li tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (64), ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

V.      Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento, l-Italja):

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha kull kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat matul il-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa pprojbit, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


3      Legge n. 107 – Riforma del sistema nazionale di istruzione e formazione e delega per il riordino delle disposizioni legislative vigenti (il-Liġi Nru 107, ir-Riforma tas-Sistema Nazzjonali tal-Edukazzjoni u tal-Formazzjoni u d-Delega għar-Riorganizzazzjoni tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fis-Seħħ), tat-13 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 162, tal-15 ta’ Lulju 2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 107/2015”).


4      Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


5      Decreto legislativo n. 297 – Testo unico delle disposizioni legislative in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine et grado (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297 li Jiġbor f’Test Uniku d-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam tat-Tagħlim u li Jirrigwardaw l-Iskejjel ta’ Kull Tip u ta’ Kull Livell), tas-16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad-19 ta’ Mejju 1994) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994”).


6      Legge n. 449 – Misure per la stabilizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 449 li Tirrigwarda Miżuri għall-Istabbilizzazzjoni tal-Finanzi Pubbliċi), tas-27 ta’ Diċembru 1997 (GURI Nru 302, tat-30 ta’ Diċembru 1997, suppliment ordinarju Nru 255).


7      Dawn il-kuntratti ġew konklużi abbażi tal-Artikolu 2(6) tal-Legge n. 508 – Riforma delle Accademie di belle arti, dell’Accademia nazionale di danza, dell’Accademia nazionale di arte drammatica, degli Istituti superiori per le industrie artistiche, dei Conservatori di musica e degli Istituti musicali pareggiati (il-Liġi Nru 508 dwar ir-Riforma tal-Akkademji tal-Arti tal-Ġmiel, tal-Akkademja Nazzjonali taż-Żfin, tal-Akkademja Nazzjonali tal-Arti Drammatika, tal-Istituti Superjuri tal-Attivitajiet Artistiċi, tal-Konservatorji tal-Mużika u tal-Istituti Mużikali Assimilati), tal-21 ta’ Diċembru 1999 (GURI Nru 2, tal-4 ta’ Jannar 2000) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 508/1999”).


8      Sentenza dwar in-natura speċjali tal-ġabra ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sostituzzjonijiet fis-settur tal-iskejjel, skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 u l-Artikolu 4 tal-Legge n. 124, recante disposizioni urgenti in materia di personale scolastico (il-Liġi Nru 124 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Persunal Skolastiku), tat-3 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 107, tal-10 ta’ Mejju 1999) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 124/1999”). Dwar din is-sentenza u dawn l-artikoli, ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 18, 20 sa 22 u 27 sa 32).


9      C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401.


10      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.


11      Decreto-legge n. 104 – Misure urgenti in materia di istruzione, università e ricerca (id-Digriet Liġi Nru 104 dwar l-Adozzjoni ta’ Miżuri Urġenti fir-Rigward tal-Edukazzjoni, tal-Universitajiet u tar-Riċerka), tat-12 ta’ Settembru 2013 (GURI Nru 214, tat-12 ta’ Settembru 2013) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 104/2013”), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 128, tat-8 ta’ Novembru 2013 (GURI Nru 264, tal-11 ta’ Novembru 2013).


12      Decreto-legge n. 97 – Disposizioni urgenti per assicurare l’ordinato avvio dell’anno scolastico 2004-2005, nonché in materia di esami di Stato e di Università (id-Digriet Liġi Nru 97 li jirrigwarda dispożizzjonijiet urġenti biex jiżguraw il-fluss tajjeb tad-dħul mill-ġdid fl-iskola għas-sena 2004-2005 kif ukoll fil-qasam ta’ eżamijiet tal-Istat u tal-Università) tas-7 ta’ April 2004 (GURI Nru 88, tal-15 ta’ April 2004), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, mil-Liġi Nru 143, tal-4 ta’ Ġunju 2004 (GURI Nru 130, tal-5 ta’ Ġunju 2004).


13      Sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2016 Nru 27566/16, Nru 27565/16, Nru 27562/16, Nru 27561/16 u Nru 27560/16.


14      Sentenza Nru 187/2016 tas-17 ta’ Mejju 2016.


15      Artikolu 5(4a) tad-Decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP), tas-6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001). Infakkar li din id-dispożizzjoni kienet inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 7). Mill-proċess ta’ dik il-kawża jirriżulta li din id-dispożizzjoni tħassret u ġiet issostitwita b’dispożizzjoni li għandha kontenut essenzjalment identiku, jiġifieri l-Artikolu 19 tad-Decreto legislativo n. 81 – Disciplina organica dei contratti di lavoro e revisione della normativa in tema di mansioni, a norma dell’articolo 1, comma 7, della legge 10 dicembre 2014, n. 183 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81 dwar ir-Regolazzjoni Sistematika tal-Kuntratti ta’ Xogħol u r-Reviżjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar l-Obbligi Professjonali, skont l-Artikolu 1(7) tal-Liġi Nru 183 tal-10 ta’ Diċembru 2014) tal-15 ta’ Ġunju 2015 (GURI Nru 144 tal-24 ta’ Ġunju 2015, Suppliment ordinarju Nru 34). Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ladarba jkun skada t-tul massimu ta’ sitta u tletin xahar, kemm fil-każ ta’ kuntratt uniku kif ukoll fil-każ ta’ kuntratti suċċessivi konklużi għat-twettiq ta’ funzjonijiet tal-istess livell u tal-istess status legali, “il-kuntratt għandu jiġi ttrasformat f’kuntratt għal żmien indeterminat b’effett mid-data ta’ din l-iskadenza”.


16      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


17      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


18      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


19      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(6) tal-Liġi Nru 508/1999 huwa analogu għall-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124/1999, li kien inkwistjoni fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401) u li l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dwar il-kontenut tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999, ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 18).


20      F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Mascolo et, li fihom, kif għadni kemm semmejt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta kien jirriżulta li, “[s]kont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif prevista mil-Liġi Nru 124/1999, ir-reklutaġġ ta’ persunal fl-iskejjel amministrati mill-Istat jsir jew għal żmien indeterminat permezz ta’ ħatra fuq bażi permanenti jew għal żmien determinat fil-kuntest ta’ sostituzzjonijiet. Il-ħatra fuq bażi permanenti ssir skont is-sistema magħrufa bħala ‘taż-żewġ kanali’, jiġifieri, għal nofs il-pożizzjonijiet vakanti għal kull sena skolastika, permezz ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet u, għan-nofs l-ieħor, billi jintużaw il-listi permanenti ta’ kandidati xierqa li fuqhom jkun hemm imniżżla l-għalliema li jkunu għaddew minn tali kompetizzjoni, mingħajr madankollu ma rnexxielhom jiksbu pożizzjoni permanenti, u dawk li jkunu segwew korsijiet sabiex jingħataw liċenzja tat-tagħlim offruti minn skejjel speċjalizzati fit-tagħlim. Sostituzzjonijiet isiru billi jsir riferiment għal dawn l-istess listi, fejn sensiela ta’ sostituzzjonijiet mill-istess għalliem twassal sabiex huwa jitla’ fil-lista u tista’ twassal sabiex jinħatar fuq bażi permanenti” (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 89).


21      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 270 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 kien analogu għall-Artikolu 399(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, li kien inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 21 u 22). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dawk il-kawżi (EU:C:2014:2103, punt 49). Dwar il-listi ta’ kandidati xierqa, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


22      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


23      Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Nosserva li mis-seduta għas-sottomissjonijiet orali jirriżulta li, sad-data ta’ din tal-aħħar, ma kienet ġiet organizzata ebda kompetizzjoni.


25      Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-qrati supremi bbażaw din il-konklużjoni, minn naħa, fuq il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-miżuri li jissanzjonaw l-illegalità li tirriżulta mill-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni ġdida adottata mir-Repubblika Taljana, li ma tiħux azzjoni ulterjuri fuq il-proċedura ta’ ksur li hija kienet fetħet kontra dan l-Istat Membru għal ksur tad-Direttiva 1999/70.


26      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


27      Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et (C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 36).


28      Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 63); tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük (C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 25), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 72).


29      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2103, punt 60).


30      Ara t-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas u l-punti 6 sa 8 tal-Kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas.


31      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 64); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 63); tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük (C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 25); tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 54), u tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 31).


32      Kif kien diġà rrileva l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2005:569, punti 29 u 30).


33      Fil-fatt, skont il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, l-Istati Membru, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u/jew l-imsieħba soċjali, huma obbligati jadottaw, b’mod effettiv u vinkolanti, il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat. Sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 69); tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 74), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 74).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 76).


35      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2005:569, punti 29 u 30).


36      F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li dan tal-aħħar ma jeskludi ebda settur partikolari u, għaldaqstant, huwa applikabbli għall-persunal irreklutat fis-settur tat-tagħlim. Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 38), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 69).


37      Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 76); tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57), u tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter (C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 43).


38      Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 78); tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 60), u tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter (C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 46).


39      L-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 jistabbilixxi: “Fir-rigward tal-persunal li jgħallem fl-iskejjel ta’ tagħlim sekondarju u artistiku, is-servizz imwettaq f’dawn l-iskejjel tal-Istat u assimilati, inklużi dawk li jinsabu barra mill-pajjiż, fil-kwalità ta’ għalliem mhux permanenti, huwa rrikonoxxut bħala servizz imwettaq fil-kwalità ta’ ħaddiem permanenti, għal skopijiet legali u ekonomiċi, kollha kemm huma għall-ewwel erba’ snin u għaż-żewġ terzi tal-perijodu supplimentari eventwali, kif ukoll għal skopijiet ekonomiċi f’dak li jikkonċerna t-terz li jibqa’. Id-drittijiet ekonomiċi li jirriżultaw minn dan ir-rikonoxixment huma kkonservati u evalwati fl-iskali ta’ remunerazzjoni kollha sussegwenti għal dik mogħtija fid-data ta’ dan ir-rikonoxximent.”


40      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018 (C‑466/17, EU:C:2018:758).


41      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter (C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 54).


42      Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 94); tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 158); tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 62), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 77).


43      Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 160); tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79), u tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 31).


44      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Santoro (C‑494/16, EU:C:2017:822, punti 50 sa 52). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet (C‑251/11, EU:C:2012:133, punti 38 sa 40); tat-3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 65), u tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 80).


46      Ara l-Artikolu 1(95) u l-Artikolu 132 tal-Liġi Nru 107/2015.


47      Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 106), tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 50), u tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 67).


48      Madankollu, għandi nammetti li nsib ċerta diffikultà sabiex inqis li pjan “straordinarju” ta’ reklutaġġ jista’ jelimina kompletament in-natura “inċerta” jew “imprevedibbli” – fis-sens spjegat fil-punti 52 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet – tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-għalliema li nħatru uffiċjali permanenti skont il-liġi preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015. Madankollu, peress li d-domanda preliminari ma tirrigwardax daqstant il-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi daqskemm tirrigwarda l-konsegwenzi tal-interpretazzjoni tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), nastjeni milli nesprimi ruħi fuq dan il-punt.


49      Infakkar li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jagħmlu minnha miżura adegwata biex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tiddeċiedi fuq rinviju preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżjonijiet intiżi li jiggwidaw il-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 82 u 83).


50      B’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124/1999. Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 19 u 20.


51      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).


52      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 114 sa 116).


53      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 105 sa 107, 116 u 117).


54      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 105 sa 115).


55      F’dan ir-rigward, ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 107).


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 120).


58      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 70, 95 u 118).


59      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28); tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26), u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 33).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014 (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 77 sa 79). Ara wkoll il-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 73).


63      Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2014, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401.


64      Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 160); tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79), u tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 31).