Language of document : ECLI:EU:C:2009:258

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

23 ta’ April 2009 (*)

“Artikolu 18 KE – Leġiżlazzjoni fil‑qasam tat‑taxxa fuq id‑dħul – Tnaqqis tat‑taxxa fuq id‑dħul tal‑ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa fl‑Istat Membru ta’ impożizzjoni – Rifjut ta’ tnaqqis bl‑ammont ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fi Stati Membri oħra”

Fil‑Kawża C‑544/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑4 ta’ Diċembru 2007, fil‑kawża

Uwe Rüffler

vs

Dyrektor Izby Skarbowej we Wrocławiu Ośrodek Zamiejscowy w Wałbrzychu,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal‑Awla, J. Klučka, U. Lõhmus, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal U. Rüffler, minnu stess,

–        għall‑Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, S. Alexandriou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u K. Herrmann, bħala aġenti,

–        għall‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, minn P. Bjørgan u L. Young, bħala aġenti,

wara li rat id‑deċiżjoni, wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 12 KE u 39 KE.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Uwe Rüffler, ċittadin Ġermaniż residenti fil‑Polonja, u d‑Dyrektor Izby Skarbowej we Wrocławiu Ośrodek Zamiejscowy w Wałbrzychu (Direttur tal‑awtorità fiskali ta’ Wrocław, fergħa ta’ Wałbrzych, iktar ’il quddiem id‑“Dyrektor”) rigward ir‑rifjut tal‑awtorità fiskali Pollakka li tnaqqaslu t‑taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard li huwa ħallas fi Stat Membru ieħor, filwaqt li tali tnaqqis jingħata lill‑persuna taxxabbli li l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard tagħha jitħallsu fil‑Polonja.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il‑pubblikazzjoni [l‑applikazzjoni] tal‑iskemi tas‑siġurtà soċjali għall‑persuni impjegati, għall‑persuni li jaħdmu għal rashom u l‑membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il‑Komunità, fil‑verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1408/71”), jistabbilixxi l‑prinċipju ta’ trattament ugwali li skontu:

“Suġġetti għad‑dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir‑Regolament, persuni residenti fit‑territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir‑Regolament jkunu suġġetti għall‑istess obbligazzjonijiet u jgawdu l‑istess benefiċċji taħt il‑leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ‑ċittadini ta’ dak l‑Istat.”

4        L‑Artikolu 28 tar‑Regolament Nru 1408/71, intitolat “Pensjonijiet pagabbli taħt il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat jew iktar, f’każijiet fejn m’hemm ebda dritt għall‑benefiċċji fil‑pajjiż tar‑residenza”, jipprovdi:

“1.       Pensjonant li huwa intitolat għall‑pensjoni taħt il‑leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għall‑pensjonijiet taħt il‑leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri u li huwa [mhuwiex] intitolat għall‑benefiċċji taħt il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat Membru li fit‑territorji tiegħu huwa jabita xorta jirċievi tali benefiċċji għalih innifsu u għall‑membri tal‑familja tiegħu, dment li huwa jkun intitolat, waqt li kif suppost jittieħdu inkunsiderazzjoni d‑dispożizzjonijiet ta’ l‑Artikolu 18 u ta’ l‑Anness VI, taħt il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat Membru jew għallinqas ta’ wieħed mill‑Istati Membri kompetenti fejn jidħlu l‑pensjonijiet kemm‑il darba huwa kien jabita fit‑territorju ta’ tali Stat. Il‑benefiċċji jkunu pprovduti taħt il‑kondizzjonijiet li ġejjin:

a)       il‑benefiċċji b’xi mod [in natura] ikunu pprovduti f’isem l‑istituzzjoni li għaliha saret riferenza fil‑paragrafu 2 mill‑istituzzjoni tal‑post tar‑residenza bħallikieku l‑persuna kkonċernata kienet pensjonant taħt il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat li fit‑territorju tiegħu huwa jabita u kien intitolat għal tali benefiċċji;

b)       il‑benefiċċji fi flus, fejn suppost, ikunu pprovduti mill‑istituzzjoni kompetenti kif iddeterminat mir‑regoli tal‑paragrafu 2, skond il‑leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l‑istituzzjoni kompetenti u l‑istituzzjoni tal‑post tar‑residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill‑istituzzjoni ta’ l‑aħħar f’isem ta’ l‑ewwel, skond il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat kompetenti.

2.       Fil‑każijiet koperti mill‑paragrafu 1, l‑ispiża tal‑benefiċċji b’xi mod [in natura] issir mill‑istituzzjoni kif stabbilit skond ir‑regoli li ġejjin:

a)       fejn il‑pensjonant huwa intitolat għall‑imsemmija benefiċċji taħt il‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat Membru singlu, l‑ispiża ssir mill‑istituzzjoni kompetenti ta’ dak l‑Istat;

[…]”

5        L‑Artikolu 28a tal‑istess regolament, intitolat “Pensjonijiet pagabbli taħt il‑leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri barra dak il‑pajjiż tar‑residenza fejn hemm dritt għall‑benefiċċji fil‑pajjiż ta’ l‑aħħar”, jipprovdi:

“Fejn il‑pensjonant intitolat għall‑pensjoni taħt il‑leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, jew għall‑pensjonijiet taħt il‑leġislazzjonijiet ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jabita fit‑territorju taħt [ta’] Stat Membru li taħt il‑leġislazzjoni tiegħu d‑dritt tar‑riċeviment tal‑benefiċċji b’xi mod [in natura] mhux suġġett għall‑kondizzjonijiet ta’ l‑assigurazzjoni jew ta’ l‑impjieg, anqas mhi pagabbli ebda pensjoni, l‑ispiża tal‑benefiċċji b’xi mod [in natura] pprovdut lilu u lill‑membri tal‑familja tiegħu jsiru mill‑istituzzjoni ta’ wieħed mill‑Istati Membri kompetenti fejn jidħlu l‑pensjonijiet, stabbiliti skond ir‑regoli stipulati fl‑Artikolu 28(2), sa tali punt li l‑pensjonant u l‑membri tal‑familja tiegħu kienu jkunu intitolati għal tali benefiċċji taħt il‑leġislazzjoni amministrata mill‑imsemmija istituzzjoni li kieku kienu jabitaw fit‑territorju ta’ l‑Istat Membru fejn tinsab l‑istituzzjoni.”

6        Skont l‑Artikolu 95(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l‑proċedura għall‑implementazzjoni tar‑Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil‑verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir‑Regolament Nru 118/97:

“L‑ammont tal‑benefiċċji in natura ipprovduti taħt l‑Artikol[u] 28(1) […] tar‑Regolament [Nru 1408/71] ikun irrifondut mill‑istituzzjonijiet kompetenti lill‑istituzzjonijiet li pprovdew l‑imsemmija benefiċċji, abażi ta’ somma f’daqqa li hija qrib kemm jista’ jkun għan‑nefqa attwali li saret.”

 Id‑dritt konvenzjonali

7        Skont l‑Artikolu 18(1) u (2) tal‑Konvenzjoni tal‑14 ta’ Mejju 2003 bejn ir‑Repubblika tal‑Polonja u r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja fuq id‑dħul u fuq il‑kapital (umowa z dnia 14 maja 2003 r. między Rzeczypospolitą Polską a Republiką Federalną Niemiec w sprawie unikania podwójnego opodatkowania w zakresie podatków od dochodu i od majątku, Dz. U tal‑20 ta’ Jannar 2005, Nru 12, intestatura 90, iktar ’il quddiem il‑“konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja”):

“1. Il‑pensjonijiet ta’ rtirar u benefiċċji simili jew pensjonijiet irċevuti minn persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti mill‑Istat kontraenti l‑ieħor, huma suġġetti għat‑taxxa biss fl‑ewwel Stat.

2. Indipendentement mill‑paragrafu preċedenti, il‑ħlasijiet irċevuti mill‑persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti, taħt skema ta’ sigurtà soċjali obbligatorja tal‑Istat kontraenti l‑ieħor, huma suġġetti għat‑taxxa biss f’dan it‑tieni Stat.”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L‑Artikolu 3(1) tal‑Liġi tas‑26 ta’ Lulju 1991 dwar it‑taxxa fuq id‑dħul tal‑persuni fiżiċi (ustawa z dnia 26 lipca 1991 r. o podatku dochodowym od osób fizycznych, Dz. U de 2000, Nru 14, intestatura 176, iktar ’il quddiem “il‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul”), jipprovdi:

“Il‑persuni fiżiċi li huma residenti fit‑territorju Pollakk huma suġġetti għal obbligu fiskali fuq id‑dħul kollu tagħhom, indipendentement mill‑post fejn jinsab is‑sors ta’ dawn tal‑aħħar […]”

9        L‑Artikolu 21(1)(58)(b) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul jipprovdi:

“Huma eżentati mit‑taxxa fuq id‑dħul […] il‑ħlasijiet magħmula lill‑affiljat […] minn fondi miġbura fil‑kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali.”

10      L‑Artikolu 27b ta’ din il‑liġi jipprovdi:

“1.      It‑taxxa fuq id‑dħul […] hija suġġetta fl‑ewwel lok għal tnaqqis tal‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard previsti fil‑Liġi tas‑27 ta’ Awwissu 2004 dwar il‑finanzjament pubbliku tal‑kura tas‑saħħa [ustawa z dnia 27 sierpnia 2004 r. o świadczeniach opieki zdrowotnej finansowanych ze środków publicznych, Dz. U Nru 210, intestatura 2135] […]:

1)      imħallsa direttament mill‑persuna taxxabbli matul is‑sena fiskali, skont id‑dispożizzjonijiet dwar il‑finanzjament pubbliku tal‑kura tas‑saħħa,

2)      irkuprati matul is‑sena fiskali mill‑korp li jħallas skont id‑dispożizzjonijiet dwar il‑finanzjament pubbliku tal‑kura tas‑saħħa.

Dan it‑tnaqqis ma jirrigwardax il‑kontribuzzjonijiet li l‑bażi ta’ kalkolu tagħhom huwa magħmul minn dħul (introjtu) eżentat mit‑taxxa taħt l‑Artikoli 21, […] u l‑kontribuzzjonijiet li l‑bażi ta’ stima tagħhom huma magħmul mid‑dħul suġġett għal eżenzjoni mit‑taxxa taħt id‑dispożizzjonijiet tal‑liġi fiskali.

2.      L‑ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard, li bih titnaqqas it‑taxxa [fuq id‑dħul previst fil‑paragrafu 1], ma jistax jeċċedi 7.75 % tal‑bażi ta’ stima tal‑imsemmija kontribuzzjonijiet.

3.      L‑ammont ta’ spejjeż magħmula għall‑għan iddefinit fil‑paragrafu 1 huwa stabbilit fuq il‑bażi tad‑dokumenti li juru li saru l‑ispejjeż.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

11      Wara li għex fil‑Ġermanja fejn kien impjegat, U. Rüffler stabbilixxa ruħu fil‑Polonja fejn jirrisjedi ma’ martu b’mod permanenti mill‑2005. Mill‑proċess ippreżentat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jirriżultax li huwa ħadem fil‑Polonja minn mindu ttrasferixxa r‑residenza tiegħu.

12      Fil‑mument meta seħħew il‑fatti tal‑kawża prinċipali, l‑uniku dħul ta’ U. Rüffler kien minn żewġ pensjonijiet ta’ rtirar irċevuti fil‑Ġermanja, jiġifieri:

– pensjoni ta’ invalidità għal invalidità ta’ 70 %, mogħtija minn istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni tal‑ħaddiema, il‑Landesversicherungsanstalt (Uffiċċju reġjonali ta’ assigurazzjoni), li tirrapreżenta ħlas mill‑iskema Ġermaniża tas‑sigurtà soċjali obbligatorja;

– pensjoni azjendali mħallsa mill‑kumpannija Volkswagen.

13      Dawn iż‑żewġ pensjonijiet jitħallsu fil‑Ġermanja, f’kont bankarju miftuħ minn U. Rüffler f’dan l‑Istat Membru. Il‑kontribuzzjonijiet korrispondenti għalhekk jinġabru f’dan l‑istess Stat Membru, fosthom il‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard.

14      Il‑kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard imħallsa fuq il‑pensjoni azjendali li U. Rüffler jirċievi fil‑Ġermanja hija ttrasferita bir‑rata ta’ 14.3 % lill‑istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall‑mard, Deutsche BKK‑West f’Wolfsburg. Skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 28 tar‑Regolament Nru 1408/71, U. Rüffler u martu U. Rüffler għandhom dritt, ikkonfermat min‑Narodowy Fundusz Zdrowia (Fond nazzjonali tas‑saħħa Pollakk), li jibbenefikaw mill‑benefiċċji tal‑kura tas‑saħħa fit‑territorju Pollakk. Dawn il‑benefiċċji huma pprovduti fil‑Polonja a spejjeż tal‑istituzzjoni Ġermaniża ta’ assigurazzjoni għall‑mard.

15      U. Rüffler huwa suġġett, fil‑Polonja, għal obbligu fiskali illimitat, skont l‑Artikolu 3(1) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul.

16      Skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 18(2) tal‑konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja, il‑pensjoni ta’ invalidità mogħtija lilu fil‑Ġermanja mil‑Landversicherungsanstalt hija ntaxxata f’dan l‑istess Stat Membru. Min‑naħa l‑oħra, skont l‑Artikolu 18(1) tal‑istess konvenzjoni, il‑pensjoni azjendali mħallsa fil‑Ġermanja mill‑kumpannija Volkswagen hija taxxabbli biss fit‑territorju Pollakk.

17      Fl‑2006, U. Rüffler talab lill‑awtorità fiskali Pollakka sabiex it‑taxxa fuq id‑dħul dovuta minnu fil‑Polonja fuq il‑pensjoni azjendali li huwa jirċievi fil‑Ġermanja titnaqqas bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard li huwa ħallas fil‑Ġermanja.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2006, l‑awtorità fiskali Pollakka rrifjutat li tilqa’ t‑talba tiegħu peress li l‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul jipprovdi għall‑possibbiltà li titnaqqas it‑taxxa fuq id‑dħul biss bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa taħt il‑Liġi Pollakka dwar il‑finanzjament pubbliku tal‑kura tas‑saħħa. Issa U. Rüffler ma jħallasx kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard fil‑Polonja.

19      Permezz ta’ att tat‑2 ta’ Frar 2007, U. Rüffler ressaq ilment kontra din id‑deċiżjoni ta’ rifjut quddiem id‑Dyrektor, li fih huwa allega li l‑awtorità fiskali wettqet applikazzjoni selettiva tad‑dritt fiskali Pollakka u kisret id‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2007, id‑Dyrektor irrifjuta li jbiddel id‑deċiżjoni tal‑awtorità fiskali tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar l‑interpretazzjoni tal‑portata u tal‑metodi ta’ applikazzjoni tad‑dritt fiskali Pollakk fir‑rigward tal‑impossibbiltà li titnaqqas it‑taxxa mħallsa fil‑Polonja bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa fi Stat Membru ieħor. Meta għamel dan, huwa kkonferma l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul mogħtija mill‑awtorità fiskali u afferma li, għall‑korpi tal‑awtorità fiskali obbligati li jiddeċiedu fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tal‑liġi, b’mod partikolari fil‑qasam tal‑ħelsien u tat‑tnaqqis mit‑taxxi, ma kinitx ammissibbli interpretazzjoni wiesgħa tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul.

21      Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li fil‑kuntest tal‑ilment tiegħu quddiem id‑Dyrektor, U. Rüffler kien sostna wkoll li l‑pensjoni azjendali li huwa jirċievi għandha tiġi eżentata mit‑taxxa fuq id‑dħul skont l‑Artikolu 21(1)(58)(b) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul. Din it‑talba ġiet ukoll miċħuda, għar‑raġuni li din id‑dispożizzjoni ma kinitx tapplika fil‑każ preżenti minħabba li din tikkonċerna biss lill‑persuni affiljati fi skema ta’ pensjonijiet professjonali, skont id‑dispożizzjonijiet tal‑Liġi Pollakka dwar l‑iskemi ta’ pensjonijiet professjonali, jiġifieri “ħaddiema” fis‑sens tad‑dispożizzjonijiet tal‑liġi Pollakka.

22      U. Rüffler għalhekk ippreżenta rikors quddiem il‑Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (Qorti amministrattiva ta’ Wrocław) kontra d‑deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2007, fejn sostna li dan tal‑aħħar kiser id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul. Huwa talab l‑annullament kemm ta’ din id‑deċiżjoni kif ukoll tad‑deċiżjoni tal‑awtorità fiskali tat‑28 ta’ Novembru 2006, sa fejn dawn ikkonkludew li kien impossibbli li l‑ammont tat‑taxxa fuq id‑dħul dovut fil‑Polonja jitnaqqas bil‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa fi Stat Membru ieħor.

23      Skont U. Rüffler, tali limitazzjoni tad‑dritt għat‑tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul, li twassal sabiex tagħti dan il‑vantaġġ biss lill‑persuni taxxabbli li ħallsu l‑kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni għall‑mard lil istituzzjoni ta’ assigurazzjoni Pollakka, tagħmel distinzjoni b’mod diskriminatorju, skont il‑post tal‑ħlas tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard obbligatorja, bejn is‑sitwazzjoni tal‑persuni li jħallsu t‑taxxa fuq id‑dħul fil‑Polonja.

24      U. Rüffler qajjem ukoll l‑inkompatibbiltà tal‑interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali tad‑dritt fiskali mad‑dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, mal‑prinċipju tal‑moviment liberu tal‑persuni li jinsab fl‑Artikolu 39 KE. Insostenn ta’ din it‑teżi, huwa invoka s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑30 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑150/04, Ġabra p. I‑1163).

25      Il‑qorti tar‑rinviju tikkunsidra li l‑kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall‑mard li U. Rüffler ħallas fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Ġermaniż huwa identiku, min‑natura u mill‑finalità tiegħu, għall‑kontribuzzjoni mħallsa mill‑persuni taxxabbli Pollakki taħt il‑liġi Pollakka. Fid‑dritt Ġermaniż bħal fid‑dritt Pollakk, il‑benefiċjarji ta’ pensjonijiet huma marbuta jħallsu tali kontribuzzjoni. Id‑differenza hija fil‑livell tal‑kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall‑mard, li hija ta’ 14.30 % fil‑Ġermanja u 9 % fil‑Polonja, kif ukoll fil‑bażi legali nazzjonali li minnha joriġina l‑obbligu li jsir il‑ħlas.

26      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn il‑persuna taxxabbli residenti għandha tħallas, fil‑Polonja, it‑taxxa fuq id‑dħul għal pensjoni miksuba fil‑Ġermanja, huwiex leġittimu li jiġi rrifjutat li l‑ammont ta’ din it‑taxxa jitnaqqas bil‑kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa fil‑Ġermanja, sempliċement minħabba li din il‑kontribuzzjoni ma tħallsitx fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali Pollakk u li din taqa’ taħt sistema ta’ assigurazzjoni għall‑mard Ġermaniża.

27      Hija tistaqsi jekk din l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul tammontax għal diskriminazzjoni kontra l‑persuni taxxabbli li, billi jagħmlu użu mil‑libertà tagħhom ta’ moviment, huma mċaħħda, fl‑Istat Membru ta’ impożizzjoni, mill‑possibbiltà li t‑taxxa titnaqqas bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa fi Stat Membru ieħor, filwaqt li wieħed jassumi li l‑imsemmija persuni taxxabbli ma jkunux diġà naqqsu dawn il‑kontribuzzjonijiet f’dan l‑aħħar imsemmi Stat.

28      Mill‑proċess ippreżentat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2007 (K 18/06, Dz. U tal‑2007, Nru 211, intestatura 1549), it‑Trybunał Konstytucyjny (Qorti Kostituzzjonali Pollakka) ikkunsidra li l‑Artikolu 27b(1) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul ma kienx konformi mal‑Artikolu 32 tal‑Kostituzzjoni Pollakka, moqri flimkien mal‑Artikolu 2 tal‑istess Kostituzzjoni, sa fejn dan jeskludi l‑possibbiltà, għal ċerti persuni taxxabbli, milli jnaqqsu l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard mit‑taxxa fuq id‑dħul dovuta għal attività li huma jagħmlu barra mit‑territorju Pollakk, meta dawn il‑kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux mid‑dħul fl‑Istat Membru li fit‑territorju tiegħu twettqet din l‑attività. Skont din is‑sentenza, l‑Artikolu 27b(1) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul m’għadux fis‑seħħ mit‑30 ta’ Novembru 2008.

29      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri u li jagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari segwenti:

“L‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 12 u l‑Artikolu 39(1) u (2) tat‑Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu d‑dispożizzjoni nazzjonali prevista fl‑Artikolu 27b tal‑liġi [dwar it‑taxxa fuq id‑dħul] li tipprovdi li d‑dritt għat‑tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul ta’ ammonti mħallsa bħala kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard obbligatorja huwa limitat biss għal dawk il‑kontribuzzjonijiet imħallsa abbażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn persuna residenti tittrasferixxi, mid‑dħul taxxabbli fil‑Polonja, kontribuzzjonijiet lill‑assigurazzjoni għall‑mard obbligatorja fi Stat Membru ieħor?”

 Fuq id‑domanda preliminari

 Fuq l‑ammissibbiltà

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

30      Fl‑ewwel lok, il‑Gvern Pollakk jiddubita mill‑ammissibbiltà tad‑domanda magħmula għar‑raġuni li d‑deċiżjoni tar‑rinviju ma tippreżentax b’mod suffiċjenti l‑kuntest fattwali u ġuridiku tal‑kawża.

31      B’hekk, id‑deċiżjoni tar‑rinviju ma tagħtix indikazzjoni li madankollu hija importanti fil‑kuntest ta’ benefiċċju fiskali distint minn dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jiġifieri d‑dritt għal eżenzjoni mit‑taxxa fuq id‑dħul skont l‑Artikolu 21(1)(58)(b) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul. Skont din id‑dispożizzjoni, huma eżentati mit‑taxxa fuq id‑dħul “il‑ħlasijiet magħmula lill‑affiljat minn fondi miġbura fil‑kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali”.

32      Fil‑każ preżenti, id‑deċiżjoni tar‑rinviju ma tindikax b’mod ċar jekk il‑pensjoni azjendali mħallsa mill‑kumpannija Volkswagen hijiex l‑ekwivalenti, fil‑Ġermanja, tal‑ħlasijiet magħmula fil‑kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka jew jekk din tammontax għal forma oħra ta’ assigurazzjoni tax‑xjuħija.

33      Fit‑tieni lok, il‑Gven Pollakk jikkunsidra li d‑domanda li saret mhijiex ammissibbli wkoll minħabba n‑nuqqas ta’ neċessità, fis‑sens tal‑Artikolu 234 KE, li tinkiseb deċiżjoni preliminari sabiex tiġi riżolta l‑kawża prinċipali, billi din tal‑aħħar għandha tiġi deċiża esklużivament fuq il‑bażi tad‑dritt nazzjonali.

34      B’hekk, skont il‑Gvern Pollakk, fis‑sitwazzjoni fejn il‑pensjoni azjendali, imħallsa mill‑kumpannija Volkswagen, tirrapreżenta l‑ekwivalenti, fil‑Ġermanja, tal‑ħlasijiet magħmula fil‑kuntest ta’ skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka, din għandha titqies li taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 21(1)(58)(b) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul għaliex dan tal‑aħħar mhuwiex limitat biss għall‑pagamenti magħmula taħt skema ta’ pensjonijiet professjonali Pollakka. F’sitwazzjoni bħal din, id‑dħul irċevut minn U. Rüffler taħt l‑imsemmija pensjoni għandu jkun suġġett, fil‑Polonja, għal eżenzjoni mit‑taxxa.

35      Il‑Gvern Pollakk isostni wkoll li l‑aħħar subparagrafu tal‑Artikolu 27b(1) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul jeskludi d‑dritt għal tnaqqis mit‑taxxa tal‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard, dritt li U. Rüffler jeżiġi fil‑kawża prinċipali, meta l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard huma relatati ma’ dħul eżentat taħt l‑Artikolu 21 tal‑istess liġi. Konsegwentement, jekk il‑pensjoni Ġermaniża tammonta għal tali dħul eżenti, ma jkunx possibbli, taħt l‑aħħar subparagrafu tal‑Artikolu 27b(1) tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul, li l‑ammont ta’ taxxa fuq id‑dħul jitnaqqas bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir‑rigward l‑Istat li fih tħallsu dawn il‑kontribuzzjonijiet. Il‑kawża pendenti quddiem il‑qorti nazzjonali għandha konsegwentement tiġi deċiża esklużivament fuq il‑bażi tad‑dritt nazzjonali.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

36      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil‑kuntest tal‑proċedura stabbilita mill‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali li tkun adita bil‑kawża u li jkollha r‑responsabbiltà li eventwalment tagħti d‑deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d‑deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi magħmula lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Konsegwentement, meta d‑domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38; tal‑4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka‑Weyhermüller, C‑221/07, Ġabra p. I‑33, punt 20, u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 24).

37      Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l‑kundizzjonijiet li fihom hija ġiet adita mill‑qorti nazzjonali sabiex tivverifika l‑ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21; ara wkoll is‑sentenzi PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2003, Bacardi‑Martini u Cellier des Dauphins, C‑318/00, Ġabra p. I‑905, punt 42).

38      Ir‑rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda rabta mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha l‑elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad‑domandi li jkunu sarulha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, u Zablocka‑Weyhermüller, punt 20).

39      Minn naħa, għal dak li jikkonċerna d‑domanda li saret mill‑Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mid‑deċiżjoni tar‑rinviju li l‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari jikkonċernaw biss il‑kwistjoni tad‑dritt għal tnaqqis mit‑taxxa bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa u mhux ir‑rifjut tal‑eżenzjoni tal‑pensjoni azjendali.

40      Fil‑fatt, il‑pretensjoni ta’ U. Rüffler, li l‑pensjoni azjendali li huwa jirċievi għandha tkun suġġetta, fil‑Polonja, għal eżenzjoni mit‑taxxa fuq id‑dħul, pretensjoni li saret fl‑istadju tal‑ilment tiegħu kontra d‑deċiżjoni tal‑awtorità fiskali tal‑ewwel istanza u miċħuda mid‑Dyrektor, ma tidhirx fil‑kuntest tar‑rikors ippreżentat minn U. Rüffler quddiem il‑qorti tar‑rinviju. Dan ir‑rikors fil‑fatt għandu bħala għan l‑annullament tad‑deċiżjoni tad‑Dyrektor sa fejn din tikkonferma l‑impossibbiltà, fir‑rigward tas‑sitwazzjoni tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali, li jikseb tnaqqis mit‑taxxa taħt l‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul.

41      Min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra ruħha suffiċjentement informata fir‑rigward tal‑istatus ta’ U. Rüffler u tan‑natura tal‑kontribuzzjonijiet u tal‑pensjoni azjendali mħallsa fil‑Ġermanja sabiex tkun tista’ tagħti risposta utli lill‑qorti tar‑rinviju.

42      Din il‑qorti fil‑fatt tindika, fid‑deċiżjoni tagħha, li l‑pensjoni azjendali mħallsa fil‑Ġermanja taqa’ taħt “pensjonijiet ta’ rtirar u benefiċċji simili jew pensjonijiet irċevuti minn persuna li tirrisjedi fi Stat kontraenti” fis‑sens tal‑Artikolu 18(1) tal‑konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja. Hija tikkunsidra li l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard, li huma mnaqqsa mill‑pensjoni azjendali u mħallsa minn U. Rüffler fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Ġermaniż, huma identiċi, min‑natura u mill‑finalità tagħhom, għall‑kontribuzzjonijiet imħallsa mill‑persuni taxxabbli Pollakki taħt il‑liġi Pollakka.

43      Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali, li l‑problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex għad‑dispożizzjoni tagħha l‑elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad‑domanda li saritilha.

44      Konsegwentement, id‑domanda magħmula hija ammissibbli.

 Fuq il‑mertu

 Osservazzjonijiet ppreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

45      U. Rüffler, il‑Gvern Grieg, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej u l‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA jikkunsidraw li d‑dritt Komunitarju jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, jew l‑interpretazzjoni tagħha mill‑awtorità fiskali, tillimita d‑dritt għal tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard biss għall‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa għall‑iskema nazzjonali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall‑mard.

46      Għall‑Gvern Grieg u l‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, l‑Artikoli 12 KE u 39 KE jipprekludu li l‑Istat Membru, li fih il‑persuna taxxabbli għandha r‑residenza permanenti tagħha u hija suġġetta għal obbligu fiskali illimitat, jirrifjuta li jagħti lil din il‑persuna taxxabbli tnaqqis mit‑taxxa bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet li hija ħallset lill‑korp ta’ assigurazzjoni għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor, sakemm il‑persuna taxxabbli ma naqqsitx dawn il‑kontribuzzjonijiet fit‑tieni Stat li fih hija tirċievi d‑dħul taxxabbli tagħha. Tali trattament jiżvantaġġa lill‑persuni taxxabbli li eżerċitaw id‑dritt ta’ moviment liberu u li huma mċaħħda, fl‑Istat ta’ impożizzjoni, mill‑possibbiltà li t‑taxxa tagħhom titnaqqas bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet imħallsa lil korp ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor.

47      Min‑naħa tagħha, il‑Kummissjoni tiddeduċi minn dak li ntqal fid‑deċiżjoni tar‑rinviju, minn naħa, li U. Rüffler ma kienx jaħdem fil‑mument tal‑kawża prinċipali u, min‑naħa l‑oħra, li mill‑2005, huwa kien jirrisjedi b’mod permanenti fil‑Polonja bħala pensjonant irtirat minn attività ta’ impjegat li huwa kien jeżerċita fil‑Ġermanja. Hija tikkunsidra wkoll li, minħabba n‑nuqqas ta’ kwalunkwe rabta bejn ir‑residenza ta’ U. Rüffler fit‑territorju Pollakk u t‑twettiq ta’ xogħol, is‑sitwazzjoni ta’ dan tal‑aħħar ma għandhiex tiġi evalwata fid‑dawl tal‑Artikolu 39 KE. Il‑kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 12 KE u 18 KE meħuda flimkien.

48      Skont il‑Kummissjoni, imur kontra l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 12 KE u l‑Artikolu 18(1) KE li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul, tipprovdi biss għad‑dritt għat‑tnaqqis tal‑ammont tat‑taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa lill‑iskema ta’ assigurazzjoni għall‑mard Pollakka, u minħabba dan il‑fatt teskludi l‑kontribuzzjonijiet imħallsa lill‑iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor li fih ġie rċevut id‑dħul taxxabbli fil‑Polonja.

49      Peress li l‑Gvern Pollakk jikkunsidra li d‑domanda li saret hija inammissibbli, ma ppronunzjax ruħu fuq il‑mertu.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

–       Fuq id‑dispożizzjonijiet applikabbli tat‑Trattat KE

50      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li U. Rüffler ilu mis‑sena 2005 jirrisjedi b’mod permanenti fil‑Polonja ma’ martu, bħala pensjonant rtirat minn attività ta’ impjegat li huwa wettaq fil‑Ġermanja. Skont id‑deċiżjoni tar‑rinviju, fil‑mument meta tressqet il‑kawża prinċipali, l‑uniku dħul ta’ U. Rüffler kien jikkonsisti biss f’pensjoni ta’ rtirar u f’pensjoni ta’ invalidità, li t‑tnejn li huma kien jirċeviehom fil‑Ġermanja. Konsegwentement, U. Rüffler ma kienx jaħdem fil‑mument meta tressqet il‑kawża prinċipali.

51      Barra minn hekk, mill‑proċess ippreżentat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja ma jirriżultax li U. Rüffler kien ħadem qabel fil‑Polonja jew li huwa kien mar hemm biex ifittex impjieg.

52      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis‑sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen (C‑520/04, Ġabra p. I‑10685, punt 16), li persuna li eżerċitat l‑attività professjonali kollha tagħha fl‑Istat Membri li tiegħu hija ċittadina u li għamlet biss użu mid‑dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor wara li rtirat, mingħajr ebda intenzjoni li teżerċita attività ta’ impjegat f’dan l‑Istat l‑ieħor, ma tistax tagħmel użu mill‑moviment liberu tal‑ħaddiema.

53      Jidher li dan huwa l‑każ ta’ U. Rüffler, fid‑dawl tal‑fatti tal‑kawża prinċipali kif jirriżultaw mid‑deċiżjoni tar‑rinviju.

54      Peress li l‑kawża prinċipali ma taqax taħt l‑Artikolu 39 KE, għandu jiġi stabbilit liema dispożizzjoni tat‑Trattat KE hija applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik ta’ U. Rüffler.

55      Bħala ċittadin Ġermaniż, U. Rüffler igawdi mill‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni stabbilit fl‑Artikolu 17(1) KE u għalhekk jista’ eventwalment jinvoka d‑drittijiet marbuta’ ma’ tali status, b’mod partikolari d‑dritt li jmur minn post għal ieħor u d‑dritt li joqgħod liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri previsti fl‑Artikolu 18(1) KE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska, C‑499/06, Ġabra p. I‑3993, punt 22, u Zablocka‑Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

56      Sitwazzjoni bħal dik ta’ U. Rüffler taqa’ taħt id‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqgħodu liberament fl‑Istati Membri. Fil‑fatt, persuna li, wara li tkun irtirat, titlaq mill‑Istat Membru li tiegħu hija ċittadina u li fih hija wettqet l‑attivitajiet ta’ xogħol kollha tagħha sabiex tistabbilixxi r‑residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, teżerċita d‑dritt mogħti mill‑Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal‑Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Turpeinen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 sa 19).

57      Għandu jiġi indikat li, minkejja li l‑qorti tar‑rinviju ma rreferietx għall‑Artikolu 18 KE fid‑domanda preliminari tagħha, tali fatt ma jipprekludix lill‑Qorti tal‑Ġustizzja milli tagħti lill‑qorti nazzjonali l‑elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi l‑kawża li tkun qiegħda tisma’, kemm jekk din il‑qorti tkun għamlet referenza għalih fid‑domanda tagħha kemm jekk le (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP, C‑241/89, Ġabra p. I‑4695, punt 8; tal‑21 ta’ Frar 2006, Ritter‑Coulais, C‑152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 29, u tas‑26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, Ġabra p. I‑3505, punt 64).

58      Is‑sitwazzjoni ta’ U. Rüffler għandha konsegwentement tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑prinċipju tad‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u li joqgħodu liberament fl‑Istati Membri, stabbilit fl‑Artikolu 18 KE.

59      Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑Artikolu 12 KE, l‑ewwel paragrafu ta’ dan l‑artikolu jipprovdi li, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tat‑Trattat u bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi pprojbita. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, previst fl‑Artikolu 12 KE, jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 28).

–       Fuq il‑kompatibbiltà mal‑Artikolu 18 KE

60      Permezz tad‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 18 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l‑għoti tad‑dritt għal tnaqqis tal‑ammont ta’ taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa bil‑kundizzjoni li dawn il‑kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l‑Istat Membru, fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, u li twassal għar‑rifjut tal‑għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l‑kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill‑ammont ta’ taxxa fuq id‑dħul dovut f’dan l‑Istat Membru tħallsu fil‑kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor.

61      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil‑kuntest ta’ din id‑domanda, il‑qorti tar‑rinviju titlaq mill‑ipoteżi li l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard, li fil‑kawża prinċipali qed jintalab li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑finijiet ta’ tnaqqis mit‑taxxa, ma ġewx diġà meħuda inkunsiderazzjoni fiskalment fl‑Istat Membru li fih huma tħallsu.

62      Kif jirriżulta mill‑ġurisprudenża tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, l‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni huwa intiż sabiex ikun l‑istatus fundamentali taċ‑ċittadini tal‑Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal‑aħħar li jinsabu fl‑istess sitwazzjoni li jiksbu fil‑qasam tal‑applikazzjoni ratione materiæ tat‑Trattat, indipendentement min‑nazzjonalità tagħhom u mingħajr preġudizzju għall‑eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir‑rigward, l‑istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Pusa, C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 16; tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes‑Schwarz, C‑76/05, Ġabra p. I‑6849, punt 86, kif ukoll tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 69).

63      Fost is‑sitwazzjonijiet li jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l‑eżerċizzju tal‑libertajiet fundamentali ggarantiti mit‑Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il‑moviment liberu u l‑libertà ta’ residenza fit‑territorju tal‑Istati Membri kif stabbiliti mill‑Artikolu 18 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pusa, punt 17, kif ukoll Schwarz u Gootjes‑Schwarz, punt 87).

64      Sa fejn ċittadin tal‑Unjoni għandu jingħata, fl‑Istati Membri kollha, l‑istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ‑ċittadini ta’ dawn l‑Istati Membri li jinstabu fl‑istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad‑dritt tal‑moviment liberu li kieku ċ‑ċittadin kellu jirċievi, fl‑Istat Membru ospitanti, trattament inqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill‑opportunitajiet mogħtija mit‑Trattat fil‑qasam tal‑moviment liberu (ara, b’analoġija, fir‑rigward tat‑trattament fl‑Istat Membru li ċ‑ċittadin tal‑Unjoni għandu n‑nazzjonalità tiegħu, is‑sentenzi Pusa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; Schwarz u Gootjes‑Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, Ġabra p. I‑6957, punt 127).

65      Dawn l‑opportunitajiet fil‑fatt ma jistgħux jipproduċu l‑effett sħiħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom permezz tal‑ostakoli magħmula għar‑residenza tiegħu fl‑Istat Membru ospitanti minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali li tippenalizza l‑fatt li huwa eżerċitahom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Pusa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; ara wkoll is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Tas‑Hagen u Tas, C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punt 30, kif ukoll Zablocka‑Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

66      Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tintroduċix, bejn ċittadini Komunitarji li jinsabu fl‑istess sitwazzjoni, differenza fit‑trattament li tiżvantaġġa lil dawk li eżerċitaw id‑dritt tagħhom għall‑moviment liberu, u jekk dan jiġi pprovat, jekk tali differenza fit‑trattament tistax, fejn xieraq, tkun ġustifikata.

67      Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit‑trattament bejn persuni taxxabbli residenti skont jekk il‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard li jistgħu jitnaqqsu mill‑ammont tat‑taxxa fuq id‑dħul dovut fil‑Polonja tħallsux jew le fil‑kuntest tal‑iskema nazzjonali ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard. Taħt leġiżlazzjoni bħal din, huma biss il‑persuni taxxabbli li l‑kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni għall‑mard jitħallsu fl‑Istat Membru ta’ impożizzjoni li jibbenefikaw mid‑dritt għat‑tnaqqis mit‑taxxa inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

68      Issa, għal dak li jirrigwarda l‑intaxxar tad‑dħul tagħhom fil‑Polonja, għandu jiġi rrilevat li l‑persuni taxxabbli residenti li jħallsu kontribuzzjonijiet lill‑iskema Pollakka ta’ assigurazzjoni għall‑mard u dawk li jaqgħu taħt skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor mhumiex oġġettivament f’sitwazzjonijiet differenti tali li tiġġustifika din id‑differenza fit‑trattament skont il‑post tal‑ħlas tal‑kontribuzzjonijiet.

69      Fil‑fatt, is‑sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli rtirata, bħal U. Rüffler, li hija residenti fil‑Polonja u li tirċievi pensjoni ta’ rtirar imħallsa fil‑kuntest tas‑sistema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor, u dik ta’ pensjonant Pollakk, li huwa wkoll residenti fil‑Polonja iżda li jirċievi l‑pensjoni tiegħu fil‑kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni għall‑mard Pollakka, huma komparabbli f’dak li jirrigwarda l‑prinċipji ta’ tassazzjoni, billi, fil‑Polonja, it‑tnejn huma suġġetti għall‑obbligu fiskali illimitat.

70      B’hekk, l‑intaxxar tad‑dħul tagħhom, f’dan l‑Istat Membru, għandu jseħħ skont l‑istess prinċipji u, għalhekk, fuq il‑bażi tal‑istess benefiċċji fiskali, jiġifieri, fil‑kuntest tal‑kawża prinċipali, dak tad‑dritt għal tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fis‑sitwazzjoni ta’ U. Rüffler, il‑kontribuzzjonijiet li huwa jħallas fil‑Ġermanja jaqgħu taħt l‑assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard fil‑Ġermanja. Dawn il‑kontribuzzjonijiet huma direttament meħuda mid‑dħul li huwa jirċievi, jiġifieri l‑pensjoni azjendali u l‑pensjoni ta’ invalidità, u ttrasferiti lill‑korp ta’ assigurazzjoni għall‑mard Ġermaniż. Wara t‑trasferiment fil‑Polonja tar‑residenza tiegħu, U. Rüffler kompla jirċievi l‑pensjoni azjendali tiegħu u l‑pensjoni tiegħu ta’ invalidità mill‑Ġermanja u, skont l‑Artikoli 28 u 28a tar‑Regolament Nru 1408/71, huwa għandu d‑dritt, fil‑Polonja, li jibbenefika mill‑benefiċċji tas‑saħħa, li l‑ispejjeż tagħhom huma mbagħad imħallsa mill‑assigurazzjoni Ġermaniża tiegħu għall‑mard.

72      Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn hija tissuġġetta l‑għoti ta’ benefiċċju fiskali li jirrigwarda l‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard għall‑kundizzjoni li dawn tal‑aħħar kienu tħallsu lil korp ta’ assigurazzjoni għall‑mard Pollakk u twassal sabiex tirrifjuta li tagħti l‑imsemmi benefiċċju lill‑persuni taxxabbli li ħallsu kontribuzzjonijiet lil korp ta’ Stat Membru ieħor, il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tiżvantaġġa lill‑persuni taxxabbli li, bħal U. Rüffler, eżerċitaw il‑libertà ta’ moviment tagħhom billi telqu mill‑Istat Membru li fih huma eżerċitaw l‑attività professjonali kollha tagħhom sabiex jistabbilixxu ruħhom fil‑Polonja.

73      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din, li tiżvantaġġa ċerti ċittadini ta’ Stat Membru sempliċement minħabba li huma eżerċitaw il‑libertà ta’ moviment tagħhom fi Stat Membru ieħor, tammonta għal restrizzjoni għal‑libertajiet mogħtija lil kull ċittadin tal‑Unjoni mill‑Artikolu 18(1) KE.

74      Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss, fid‑dawl tad‑dritt Komunitarju, jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min‑nazzjonalità tal‑persuni kkonċernati u tkun proporzjonata għall‑għan leġittimu li d‑dritt nazzjonali jfittex li jilħaq (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 40; Tas‑Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Zablocka‑Weyhermüller, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

75      B’hekk għadu jrid jiġi stabbilit jekk jeżistux kriterji oġġettivi li jiġġustifkaw differenza fit‑trattament fiskali bħal dak in kwistjoni fil‑kawża prinċipali.

76      Il‑Gvern Pollakk ma ressaqx argumenti f’dan ir‑rigward.

77      Il‑qorti tar‑rinviju madankollu tistaqsi jekk il‑fatt li l‑persuni taxxabbli li jħallsu l‑kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard lil istituzzjonijiet barranin ma jikkontribwixxux għall‑finanzjament tas‑sistema ta’ assigurazzjoni għall‑mard Pollakka, peress li l‑istituzzjoni barranija tirrimborsa biss, jiġifieri tħallas biss lill‑Fond nazzjonali tas‑saħħa tar‑Repubblika tal‑Polonja, l‑ispejjeż tal‑benefiċċji tas‑saħħa effettivament mogħtija lil dawn il‑persuni taxxabbli fit‑territorju Pollakk, jistax jammonta għal ġustifikazzjoni oġġettiva suffiċjenti tad‑differenza fit‑trattament fiskali tirriżulta mill‑Artikolu 27b tal‑Liġi dwar it‑taxxa fuq id‑dħul.

78      Tali ġustifikazzjonijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil‑fatt, il‑fatt li, minn naħa, l‑istituzzjoni ta’ assigurazzjoni obbligatorja Ġermaniża tkopri biss l‑ispejjeż tal‑benefiċċji effettivament mogħtija lil U. Rüffler u li, min‑naħa l‑oħra, meta dan tal‑aħħar ma jibbenefikax minn benefiċċji tal‑mard, il‑kontribuzzjonijiet tiegħu ma jikkontribwixxux għall‑finanzjament tal‑iskema ta’ assigurazzjoni għall‑mard Pollakka, ma jistax jiġġustifika restrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

79      Kif ġustament irrilevat il‑qorti tar‑rinviju, kif ukoll il‑Kummissjoni u l‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, il‑fatt li l‑ispejjeż tal‑benefiċċji tas‑saħħa mogħtija lil ċittadini Ġermaniżi residenti fil‑Polonja huma rimborsati lill‑Fond nazzjonali tas‑saħħa Pollakk mill‑istituzzjoni ta’ assigurazzjoni Ġermaniża kompetenti jirriżulta mill‑applikazzjoni flimkien tal‑leġiżlazzjoni Komunitarja li tirrigwarda l‑koordinazzjoni tal‑iskemi tas‑sigurtà soċjali, u b’mod partikolari tal‑Artikoli 28 u 28a tar‑Regolament Nru 1408/71, kif ukoll tal‑Artikolu 95 tar‑Regolament Nru 574/72, fil‑verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir‑Regolament Nru 118/97.

80      Fil‑kawża prinċipali, jirriżulta b’mod partikolari li, għalkemm il‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard ta’ ċittadin Ġermaniż bħal U. Rüffler mhumiex imħallsa direttament lill‑Fond nazzjonali tas‑saħħa Pollakk, l‑ispejjeż mediċi li saru minn dan iċ‑ċittadin ma jikkostitwixxux piż għas‑sistema tas‑saħħa Pollakka.

81      Ir‑regoli tad‑dritt sekondarju li jikkoordinaw is‑sistemi tas‑sigurtà soċjali tal‑Istati Membri għandhom l‑għan li jipproteġu d‑drittijiet soċjali tal‑persuni li jiċċaqilqu ġewwa l‑Unjoni Ewropea u li jiggarantixxu li d‑dritt tagħhom li jibbenefikaw mill‑benefiċċji tas‑sigurtà soċjali ma jiġix affettwat minħabba l‑eżerċizzju stess tal‑libertà tagħhom ta’ moviment. Fil‑fatt, l‑eżerċizzju stess ta’ din il‑libertà jkun skoraġġut jekk l‑Istati Membri jkunu liberi, għal dak li jirrigwarda t‑trattament fiskali tal‑imsemmija benefiċċji, li jiżvantaġġaw lill‑persuni li jirċievu benefiċċji tas‑sigurtà soċjali fil‑kuntest tas‑sistema tas‑saħħa ta’ Stat Membru ieħor.

82      F’dan ir‑rigward, fis‑sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C‑107/94, Ġabra p. I‑3089, punt 64), il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li l‑applikazzjoni ta’ trattament fiskali sfavorevoli, jiġifieri rata ta’ taxxa miżjuda, lill‑persuni taxxabbli mhux residenti u li ma jikkontribwixxux għall‑iskema tas‑sigurtà soċjali tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, kienet tmur kontra l‑Artikolu 52 tat‑trattat u ma setgħetx tiġi ġġustifikata mill‑affiljazzjoni jew in‑nuqqas ta’ affiljazzjoni fi skema nazzjonali tas‑sigurtà soċjali partikolari. Hija sostniet f’dan ir‑rigward li d‑determinazzjoni tal‑Istat Membru li fih jitħallsu l‑kontribuzzjonijiet soċjali tirriżulta sempliċement mill‑applikazzjoni tas‑sistema stabbilita permezz tar‑Regolament Nru 1408/71. Fil‑fatt, il‑fatt li ċerti persuni taxxabbli mhumiex affiljati f’sistema tas‑sigurtà soċjali partikolari u li, konsegwentement, il‑kontribuzzjonijiet għal din l‑iskema ma jitnaqqsux mid‑dħul tagħhom fl‑Istat Membru inkwistjoni, jista’ biss jirriżulta, jekk ikun fondat, mill‑applikazzjoni, f’dak li jirrigwarda d‑determinazzjoni tal‑leġiżlazzjoni applikabbli, tas‑sistema ġenerali u vinkolanti stabbilita mir‑Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

83      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja speċifikat li l‑fatt li l‑Istati Membri ma għandhomx il‑possibbiltà li jistabbilixxu sa fejn hija applikabbli l‑leġiżlazzjoni tagħhom jew dik ta’ Stat Membru ieħor, peress li huma marbuta jirrispettaw id‑dispożizzjonijiet tad‑dritt Komunitarju fis‑seħħ, jipprekludi li Stat Membru jfittex fir‑realtà, permezz ta’ miżuri fiskali, li jikkumpensa għall‑fatt li persuna taxxabbli mhijiex affiljata fis‑sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali u ma tħallas kontribuzzjonijiet lil din is‑sistema (sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

84      Kif sostnew il‑Kummissjoni u l‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, l‑istess raġunament japplika, b’analoġija, għal‑limitazzjoni tad‑dritt għal tnaqqis mit‑taxxa għall‑persuni taxxabbli mhux kontributuri inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

85      Konsegwentement, sa fejn ir‑regoli li jirrigwardaw kemm l‑affiljazzjoni f’sistema partikolari ta’ sigurtà soċjali ta’ ċittadini li jibbenefikaw mill‑libertà ta’ residenza kif ukoll il‑ħlas tal‑kontribuzzjonijiet soċjali relattivi għal din l‑iskema huma direttament stabbiliti mid‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi kkunsidrat li Stat Membru ma jistax jittratta b’mod inqas vantaġġuż ir‑residenza u l‑intaxxar ta’ persuni taxxabbli residenti li, fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament, iħallsu kontribuzzjonijiet lil sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor.

86      Billi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tammonta għal restrizzjoni tal‑Artikolu 18 KE li mhijiex ġustifikata oġġettivament, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il‑kompatibbiltà tagħha mal‑Artikolu 12 KE.

87      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir‑risposta li għandha tingħata għad‑domanda li saret għandha tkun li l‑Artikolu 18(1) KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l‑għoti ta’ dritt għal tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa għall‑kundizzjoni li dawn il‑kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l‑Istat Membru, fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, u li twassal għar‑rifjut tal‑għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l‑kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill‑ammont ta’ taxxa fuq id‑dħul dovut f’dan l‑Istat Membru jitħallsu fil‑kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor.

 Fuq l‑ispejjeż

88      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 18(1) KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l‑għoti ta’ dritt għal tnaqqis mit‑taxxa fuq id‑dħul bl‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall‑mard imħallsa għall‑kundizzjoni li dawn il‑kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu f’dan l‑Istat Membru, fuq il‑bażi tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali, u li twassal għar‑rifjut tal‑għoti ta’ tali benefiċċju fiskali meta l‑kontribuzzjonijiet li jistgħu jitnaqqsu mill‑ammont ta’ taxxa fuq id‑dħul dovut f’dan l‑Istat Membru jitħallsu fil‑kuntest ta’ skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall‑mard ta’ Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Pollakk.