Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' April 2007 - Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-33/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Alberto Toronjo Benitez (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, J.-N. Louis, A. Coolen u E. Marchal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara l-illegalità ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-proċedura ta' promozzjoni ta' l-uffiċjali mħallsa taħt l-allokazzjoni "Riċerka" tal-baġit ġenerali (kemm fil-verżjoni tagħha tas-16 ta' Ġunju 2004 kif ukoll ta' l-20 ta' Lulju 2005) (iktar 'il quddiem l-"ewwel deċiżjoni kkontestata");

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-44.5 punt mingħand ir-rikorrent li huwa akkumula bħala aġent temporanju (iktar 'il quddiem it-"tieni deċiżjoni kkontestata");

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent li beda jaħdem mal-Kummissjoni fis-16 ta' Jannar 2000 bħala aġent temporanju fid-direzzjoni ġenerali (iktar 'il quddiem DĠ) "Riċerka", ġie nnominat uffiċjal fi ħdan dan l-istess DĠ mis-16 ta' April 2004. Fl-1 ta' Mejju 2005, huwa ġie ttrasferit fid -DĠ "Relex". B'ittra tas-16 ta' Ġunju 2006, huwa ġie informat li l-punti li kien kiseb bħala aġent temporanju kienu tneħħew, skond l-ewwel deċiżjoni kkontestata, safejn huwa kien effettwa ċaqliq minn post li kien jirriżulta mill-parti "Funzjonament" tal-baġit ġenerali qabel l-iskadenza tat-terminu ta' sentejn mir-reklutament tiegħu bħala uffiċjal taħt perijodu ta' prova għal post li jirriżulta mill-parti "Riċerka" mill-imsemmi baġit.

In sostenn ta' l-azzjoni tiegħu, ir-rikorrent jinvoka primarjament il-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali, ta' legalità ta' l-atti amministrattivi u ta' protezzjoni tad-drittijiet miksuba, l-irtirar mill-awtorità li għandha setgħa ta' nomina (AIPN) ta' deċiżjoni illegali li tikkostitwixxi drittijiet suġġettivi li għandhom iseħħu fi żmien raġonevoli, li mhuwiex il-każ tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kkontestata joħloq diskriminazzjoni kontra uffiċjali mħallsa taħt l-allokazzjonijiet "Riċerka" li jitolbu li jiġu ttrasferiti qabel ma jiskadi t-terminu ta' sentejn mir-reklutament tagħhom, safejn l-uffiċjali jitilfu l-punti tagħhom wara t-trasferiment, filwaqt li l-uffiċjali li jiġu ttrasferiti ex officio jew li jokkupaw postiiet li huma kkunsidrati bħala sensittivi jżommu l-punti tagħhom.

____________