Language of document : ECLI:EU:F:2015:72

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑64/13

Z

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni tardiva tar-rapport ta’ evalwazzjoni — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Z titlob, minn naħa, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq kontra l-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Z għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Eżistenza ta’ diverġenzi bejn uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tagħha — Assenza ta’ impatt fuq il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jevalwa l-merti tal-persuna interessata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11a u 43)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar ta’ fatti li jistgħu jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew ta’ nuqqas serju ta’ twettiq ta’ obbligu — Protezzjoni tal-uffiċjal li jkun ikkomunika tali fatti — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a(3))

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Djalogu bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata — Neċessità ta’ kuntatt dirett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Obbligu ta’ indipendenza tal-qrati tal-Unjoni — Portata — Eżerċizzju tal-funzjonijiet dwar l-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni — Ammissibbiltà

(Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4)

1.      Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li d-diverġenzi bejn l-uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tiegħu jistgħu joħolqu ċerta irritazzjoni lis-superjur ġerarkiku, minnha nfisha, din l-eventwalità ma timplikax li dan ma jibqax f’pożizzjoni li jevalwa l-meriti ta’ l-interessat b’mod oġġettiv. Barra minn hekk, anki l-fatt li uffiċjal ressaq ilment għal fastidju kontra uffiċjal li għandu jevalwa s-servizzi professjonali tiegħu ma jistax, bħala tali, barra kull ċirkustanza oħra, ikun ta’ natura li jikkonfuta l-imparzjalità tal-persuna li kontra tagħha huwa intiż l-ilment.

(ara l-punti 71 u 77)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, EU:T:2007:261, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Bogusz vs Frontex, F-5/12, EU:F:2013:75, punt 76, u BY/AESA, F-81/11, EU:F:2013:82, punt 72

2.      Skont l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li informa lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu dwar il-fatti li jistgħu jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali potenzjali li huwa sar jaf biha fl-eżerċizzju jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ma għandu jsofri minn ebda effetti ta’ preġudizzju mingħand l-istituzzjoni, sakemm aġixxa bona fide. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma toffrix lill-uffiċjal ikkonċernat protezzjoni kontra kull deċiżjoni li tista’ tippreġudikah, iżda biss kontra d-deċiżjonijiet marbuta mad-denunzji magħmula minnu.

(ara l-punt 74)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Menghi vs ENISA, F-2/09, EU:F:2010:12, punt 139

3.      Kuntatt dirett bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur huwa ta’ natura li jiffavorixxi djalogu sinċier u fil-fond, li jippermettilhom, min-naħa waħda, li jkejlu b’mod eżatt in-natura, ir-raġunijiet u l-portata tad-diverġenzi potenzjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jaslu għal fehim reċiproku aħjar, partikolarment f’sitwazzjoni fejn huwa neċessarju li tiġi solvuta sitwazzjoni personali li ddiġenerat ħafna.

(ara l-punt 93)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T-16/03, EU:T:2004:283, punt 45, u Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T-27/05, EU:T:2007:321, punt 49

4.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa intiż li jiżgura l-indipendenza tal-imħallfin, kemm matul kif ukoll wara l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fir-rigward b’mod partikolari tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. Madankollu ma tistax tiġi dedotta minn din id-dispożizzjoni impossibbiltà li jiġu eżerċitati funzjonijiet dwar l-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni. Fil-fatt, l-eżerċizzju mill-imħallfin ta’ tali funzjonijiet ma jippreġudikax l-indipendenza tagħhom u jippermetti li tiġi żgurata l-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjoni.

Fl-aħħar nett, meta jiddeċiedu dwar kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-membri ta’ din il-qorti jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ imħallfin u fl-indipendenza sħiħa tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom iggarantiti kemm mit-trattati, b’mod partikolari mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 257 TFUE, kif ukoll mil-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 120 u 122)