Appell ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2019 mir-Repubblika tal-Litwanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-22 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-508/15, Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-79/19 P)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentant: R. Krasuckaitė)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-508/15 1 (“is-sentenza appellata”) sa fejn, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet azzjoni għal annullament tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015;
tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 2 jew tirrinvija s-sentenza appellata lura lill-Qorti Ġenerali għal stħarriġ mill-ġdid;
tordna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-508/15 fuq il-bażi legali segwenti:
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li d-deroga prevista fl-Artikolu 33m(1) tar-Regolament Nru 1257/1999 3 tirrigwarda biss l-età tal-persuni li jitrasferixxu r-razzett, peress li dik id-dispożizzjoni hija relatata b’mod ċar mal-kwota tal-ħalib bħala prova tal-produzzjoni agrikola kummerċjali.
Il-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll il-fatti fil-punti 74 sa 79 tas-sentenza appellata, billi kkonkludiet li l-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja naqas li juri li jkollok kwota tal-ħalib kien ifisser li r-rikorrent kien impenjat fil-produzzjoni agrikola kummerċjali, fatt li essenzjalment ma kienx jikkorrispondi mad-dokumenti tal-kawża ppreżentati lilha.
____________
1 Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018, iIr-Repubbika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni, T-508/15 (EU:T:2018:828).
2 (ĠU 2015 L 182, p. 39)
3 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).