Language of document : ECLI:EU:C:2018:991

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tas-6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kontenut u forma – Artikolu 8(1)(f) – Assenza ta’ indikazzjoni tal-piena addizzjonali – Validità – Konsegwenzi – Effett fuq id-detenzjoni”

Fil-Kawża C-551/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

IK,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidente tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, E. Regan (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tad-29 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2018, li r-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IK, minn P. Bekaert, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul, C. Pochet u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J. Maggio, espert,

–        għall-Irlanda, minn G. Hodge, bħala aġent, assistita minn G. Mullan, BL,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J.M. Hoogveld u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn J. Sawicka, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Belġju, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-27 ta’ Awwissu 2014 minn qorti Belġjana kontra IK għall-eżekuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ piena li ċċaħħad il-libertà akkumpanjata minn piena addizzjonali ta’ tqegħid għad dispożizzjoni tal-istrafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja, il-Belġju).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

4        L-Artikolu 48(2) tal-Karta jipprevedi:

“Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

5        Il-premessi 5 sa 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipulaw:

“ (5)      […] [L]-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni.[…]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 [UE] u l-Artikolu 5 [KE]. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“ 1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].”

7        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur”.

8        L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-istess deċiżjoni qafas jelenkaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

9        B’mod partikolari, l-Artikolu 4(4) u (6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

4)      fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi preskritta skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġi kriminali tiegħu stess;

[…]

6)      jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu”.

10      Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

a)      l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

b)      l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

ċ)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)      in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)      deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

g)      jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.”

11      Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”:

“ 1.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

12      Taħt it-titolu “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”, l-Artikolu 27 tal-istess deċiżjoni qafas huwa mfassal b’dan il-mod:

“ 1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.      Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

4.      Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.”

13      Il-mudell ta’ formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jinsab fl-anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jinkludi b’mod partikolari l-punt c), intitolat “Indikazzjoni dwar it-tul tal-piena”, li l-punt 2 tiegħu jimponi fuq l-awtorità ġudizzjarja emittenti l-obbligu li tindika t-“[t]ul tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni imposta”.

 Id-dritt Belġjan

14      Skont l-Artikolu 95/2 tal-wet betreffende de externe rechtspositie van de veroordeelden tot een vrijheidsstraf en de aan het slachtoffer toegekende rechten in het raam van de strafuitvoeringsmodaliteiten (il-Liġi dwar l-Istatus Ġuridiku Estern tal-Persuni Kkundannati għal Piena li Ċċaħħad il-Libertà u dwar id-Drittijiet Rikonoxxuti lill-Vittma fil-Kuntest tal-Modalitajiet ta’ Eżekuzzjoni tal-Piena), tas-17 ta’ Mejju 2006 (Moniteur belge tal-15 ta’ Ġunju 2006, p. 30455), kif emendata bil-wet betreffende de terbeschikkingstelling van de strafuitvoeringsrechtbank (il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni tal-Qorti Penitenzjarja), tas-6 ta’ April 2007 (Moniteur belge tat-13 ta’ Lulju 2007, p. 38299):

“1      It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Qorti Penitenzjarja deċiż fil-konfront tal-ikkundannat […] jibda jidekkorri hekk kif tintemm il-piena prinċipali.

2.      Il-Qorti Penitenzjarja tiddeċiedi, qabel tintemm il-piena prinċipali konformement mal-proċedura stabbilita fis-sezzjoni 2, jew li ċċaħħad mil-libertà, jew li tillibera taħt sorveljanza lill-ikkundannat imqiegħed għad-dispożizzjoni.

[…]

3.      L-ikkundannat imqiegħed għad-dispożizzjoni jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu jekk ikun hemm riskju li huwa jwettaq reati gravi li jikkawżaw preġudizzju għall-integrità fiżika jew psikika ta’ terzi u meta ma jkunx possibli li dan ir-riskju jiġi mtaffi bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi fil-kuntest ta’ liberazzjoni taħt sorveljanza”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Permezz ta’ sentenza kontradittorja tal-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Anvers, il-Belġju), tal-1 ta’ Frar 2013, IK, ċittadin Belġjan, ġie kkundannat għal piena prinċipali ta’ tliet snin ta’ priġunerija fuq l-akkuża ta’ attentat għall-pudur imwettaq mingħajr vjolenza jew theddid kontra minuri ta’ inqas minn sittax il-sena (iktar ’il quddiem il-“piena prinċipali”). Permezz tal-istess sentenza, u għal dan l-istess reat, huwa ġie barra minn hekk, bħala piena addizzjonali, imqiegħed għad-dispożizzjoni tas-strafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja) għal perijodu ta’ għaxar snin (iktar ’il quddiem il-“piena addizzjonali”). Konformement għad-dritt Belġjan, din il-piena tibda tidekkorri hekk kif tintemm il-piena prinċipali u, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha, l-istrafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja) tiddeċiedi, qabel tintemm il-piena prinċipali, jew li ċċaħħad mil-libertà, jew li tillibera taħt sorveljanza lill-ikkundannat imqiegħed għad-dispożizzjoni.

16      Peress li IK kien telaq mill-Belġju, l-awtorità ġudizzjarja emittenti Belġjana kompetenti ħarġet, fis-27 ta’ Awwissu 2014, mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ dan tal-aħħar għall-eżekuzzjoni tal-piena. Il-mandat ta’ arrest Ewropew kien isemmi l-piena prinċipali, in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reati kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, u kien jinkludi espożizzjoni tal-fatti. Ma kienx isemmi l-piena addizzjonali li għaliha kienet ġiet ukoll ikkundannata l-persuna kkonċernata.

17      Wara l-arrest ta’ IK fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rechtbank Amsterdam, internationale rechtshulpkamer (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali, il-Pajjiżi l-Baxxi) awtorizzat, permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2016, il-konsenja tiegħu lir-Renju tal-Belġju għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà li kellha tiġi skontata fit-territorju Belġjan għar-reat li għalih kienet intalbet il-konsenja tiegħu.

18      Sussegwentement il-persuna kkonċernata ġiet ikkonsenjata lill-awtoritajiet Belġjani u mqiegħda f’detenzjoni. Din id-detenzjoni kienet ibbażata fuq il-kundanna tagħha għall-piena prinċipali, li t-terminu tagħha ġie stabbilit għat-12 ta’ Awwissu 2018, kif ukoll għall-piena addizzjonali, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha għal perijodu ta’ għaxar snin.

19      Fil-21 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Lulju 2018, l-istrafuitvoeringsrechtbank Antwerpen (il-Qorti Penitenzjarja ta’ Anvers, il-Belġju) iddeċidiet dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ IK. Matul din il-proċedura, il-persuna kkonċernata sostniet li l-konsenja mill-awtoritajiet Olandiżi ma tistax tkun tikkonċerna l-piena addizzjonali u li dik il-qorti ma setgħetx tordna t-tiċħid tal-libertà għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani ma kienx isemmiha.

20      Huwa f’dan il-kuntest li, fit-2 ta’ Lulju 2018, l-awtorità ġudizzjarja emittenti Belġjan kompetenti bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi talba għal kunsens addizzjonali, fir-rigward tal-piena addizzjonali, abbażi tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Peress li qiesu li l-kunsens tagħhom seta’ jingħata biss bil-għan li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġi kkundannata jew imfittxija għal reat li ma kienx dak li kien immotiva l-għoti tal-konsenja tagħha, u li dan ma kienx il-każ hawnhekk, l-awtoritajiet Olandiżi ma laqgħux din it-talba addizzjonali.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2018, l-istrafuitvoeringsrechtbank te Antwerpen (il-Qorti Penitenzjarja ta’ Anvers) ċaħdet l-argument ta’ IK u ddeċidiet li żżomm it-tiċħid tal-libertà tiegħu. Fit-3 ta’ Awwissu 2018, IK appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju).

22      Skont dik il-qorti, abbażi tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal għanijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena meta tkun ingħatat kundanna għal piena jew meta tkun ġiet imposta miżura ta’ detenzjoni u meta dawn il-kundanni jkunu għal perijodu ta’ minn tal-inqas erba’ xhur.

23      Konformement għall-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-formola annessa magħha u dan għandu jinkludi, fost l-oħrajn, l-informazzjoni li ġejja, jiġifieri l-indikazzjoni tal-eżistenza ta’ sentenza eżegwibbli, in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat u l-piena imposta.

24      Din l-informazzjoni għandha tippermetti li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika jekk ir-rekwiżiti formali u sostantivi għall-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew kinux issodisfatti u jekk hemmx, jekk ikun il-każ, raġunijiet biex jittieħed inkunsiderazzjoni motiv ta’ rifjut, bħall-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali sanċiti fl-Artikolu 6 TUE, konformement mal-Artikolu 1(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas.

25      Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li, ħlief għal każijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1) u (3) tal-istess deċiżjoni, persuna li tkun ġiet ikkonsenjata tista’ tiġi mfittxija, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha biss fir-rigward tar-reat li serva ta’ motivazzjoni għal din il-konsenja.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ssemmi biss il-piena li ċċaħħad il-libertà eżekutorja li ġiet imposta, mingħajr ma ssemmi l-piena addizzjonali mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni, li ser tagħti lok għal tiċħid effettiv tal-libertà biss wara l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà prinċipali, u dan biss wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan il-għan mill-istrafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja)?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-konsenja mill-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jsemmi biss il-piena li ċċaħħad il-libertà eżekutorja li ġiet imposta, u għalhekk ma jsemmix il-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, hija li, fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, jista’ jkun hemm it-tiċħid effettiv tal-libertà b’eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domand, l-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-fatt li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma semmietx il-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mogħtija, hija li din il-piena addizzjonali, fejn jista’ jiġi preżunt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tafx biha, ma tistax tagħti lok għal tiċħid effettiv tal-libertà fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

27      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti indikat li IK jinstab attwalment imċaħħad mil-libertà fil-Belġju fil-kuntest tal-piena ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni imposta fuqu, insegwitu għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-27 ta’ Awwissu 2014. Skont l-imsemmija qorti, ir-risposti għad-domandi magħmula ser ikunu determinanti għas-sitwazzjoni ta’ detenzjoni ta’ IK u għaż-żamma tagħha.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tagħmel parti mill-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-persuna kkonċernata hija preżentement imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża pinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata fl-istat li tkun fiha fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li, f’dik id-data, IK kien imċaħħad mil-libertà fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ż-żamma f’detenzjoni ta’ din il-persuna tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, perss li l-miżura ta’ detenzjoni li għaliha hija suġġetta ġiet ordnata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontriha u li ż-żamma f’detenzjoni ta’ IK b’eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali hija suġġetta għar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għal dawn id-domandi preliminari.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-10 ta’ Settembru 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ommissjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu seħħet il-konsenja tal-persuna kkonċernata, tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni li għaliha hija ġiet ikkundannata għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja li imponiet il-piena prinċipali li ċċaħħad il-libertà tipprekludi li l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali, meta tintemm il-piena prinċipali u wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan il-għan mill-qorti nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-applikazzjoni tal-pieni, tagħti lok għal tiċħid tal-libertà.

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati, l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew previst minn din id-deċiżjoni qafas jikkostitwixxi l-ewwel espressjoni konkreta, fil-qasam tad-dritt kriminali, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

37      Hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) u mill-premessi 5 u 7 tagħha, l-għan tal-imsemmija deċiżjoni qafas huwa li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, sistema li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija għalhekk intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li jkunu kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li jitressqu azzjonijiet kontra din il-persuna jew li din il-persuna tiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontriha.

40      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Ewropa fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas. (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 espliċitament tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obligatorju tal-mandat ta’ arrest Ewropew, fl-Artikoli 4 u 4a tagħha, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ dan il-mandat, u, fl-Artikolu 5 tagħha, il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li dawn id-dispożizzjonijiet huma msejsa fuq premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ta’ regolarità, li l-osservanza tagħhom tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandu, bħala prinċipju, iwassal sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma teżeġwixxix dan il-mandat ta’ arrest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:385, punti 63 u 64).

44      Ma jistax jiġi eskluż sa mill-bidu li l-kundanna għal piena addizzjonali li ma ssemmietx fil-mandat ta’ arrest Ewropew tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

45      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ommissjoni tal-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew kelliex bħala konsegwenza li jiġi affettwat l-eżerċizzju ta’ kompetenzi mogħtija lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li jiġi miksur ir-rekwiżit ta’ regolarità previst fl-Artikolu 8(1)(f) tal-istess deċiżjoni.

46      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma ġietx imċaħħda mill-possibbiltà li tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

47      Fit-tieni lok, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ommissjoni tal-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew tiksirx ir-rekwiżit ta’ regolarità previst fl-Artikolu 8(1)(f) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

48      Din id-dispożizzjoniji tirrikjedi l-indikazzjoni tal-“piena imposta, jekk hemm sentenza finali”.

49      Barra minn hekk, sabiex il-proċedura ta’ konsenja tiġi ssimplifikata u mħafa fl-osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din tipprevedi, fl-anness, formola speċifika li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti għandhom jimlew billi jindikaw l-informazzjoni speċifikament mitluba (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punt 57). Il-punt (c)(2) tal-imsemmija formola jagħmel riferiment għat-“[t]ul tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni imposta”.

50      L-għan tar-rekwiżit ta’ regolarità previst fl-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jkunu mgħarrfa bit-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà li għaliha tintalab il-konsenja tal-persuna rikjesta, bħala informazzjoni intiża li tipprovdi d-dettalji formali minimi, neċessarji sabiex l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jipproċessaw malajr il-mandat ta’ arrest Ewropew, billi jaddottaw b’urġenza d-deciżjoni tagħhom dwar il-konsenja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punti 58 u 59).

51      Dan ir-rekwiżit, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa intiż sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiżgura ruħha li l-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas u, b’mod partikolari, li tiverifika li dan inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li jċaħħdu mil-libertà li t-tul tagħha jaqbeż il-limitu ta’ erba’ xhur stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

52      F’dan il-każ, il-piena prinċipali ta’ tliet snin ta’ priġunerija li għaliha ġie kkundannat IK taqbeż l-imsemmi limitu. Konsegwentement, l-indikazzjoni ta’ din il-piena kienet biżżejjed sabiex jiġi żgurat li l-mandat ta’ arrest Ewropew jissodisfa r-rekwiżit ta’ regolarità previst fl-Artikolu 8(1)(f) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kienet obbligata tikkonsenja lill-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u sabiex il-kundanna mogħtija fil-konfront ta’ din tal-aħħar tiġi eżegwita.

54      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jsemmix il-piena addizzjonali ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata, l-ewwel nett, mill-argument ta’ IK u tal-Gvern Olandiz li jgħid li, essenzjalment, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi t-titolu li fuqu huwa bbażat it-tiċħid tal-libertà fl-Istat Membru emittenti, bil-konsegwenza li ma jistax ikun hemm eżekuzzjoni ta’ piena li ma kinitx is-suġġett tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u li għaliha ma ġietx awtorizzata l-konsenja.

56      Fil-fatt, is-suġġett tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma huwiex li tawtorizza, f’dan il-każ, l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha u kif ġie mfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, din id-deċiżjoni hija limitata li tippermetti l-konsenja tal-persuna kkonċernata, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig. Il-bażi għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà tinsab fis-sentenza eżekutorja mogħtija fl-Istat Membru emittenti u li l-indikazzjoni tagħha hija rikjesta mill-Artikolu 8(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

57      It-tieni nett, il-Gvern Olandiż, filwaqt li speċifika, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa ma jikkontestax il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isostni li madankollu l-eżekuzzjoni ta’ piena li ma ġietx mgħarrfa lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikser il-prinċipju ta’ speċjalità. Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

58      Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra” jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li persuna li ġiet ikkonsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew imċaħħda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 3(g) ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-possibbiltà li jintalab, għal dan il-għan, il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni wara l-konsenja. Issa, kif il-Gvern Olandiż innifsu ammetta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kunsens addizzjonali jista’ jkun jirrigwarda biss reat li ma jkunx dak li kien immotiva l-konsenja u mhux piena relatata mal-istess reat.

59      Minn dan jista’ jiġi dedott li r-regola ta’ speċjalità, kif prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, tirrigwarda biss dawk ir-reati li ma humiex ir-reati li mmotivaw il-konsenja.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, f’dan il-każ, il-piena addizzjonali ma ġietx miżjuda wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata. Din ingħatat għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja li imponiet il-kundanna għall-piena prinċipali ta’ tliet snin ta’ priġunerija.

61      Konsegwentement, peress li IK ġie kkundannat għal din il-piena addizzjonali għar-reat li abbażi tiegħu nħareġ u ġie eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija piena tistax tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni li tagħti lok għal tiċħid tal-libertà, fil-każ fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma kinitx mgħarrfa dwarha, ma taqax taħt l-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità.

62      It-tielet nett, għandu jitqies, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, li peress li l-piena addizzjonali ma ssemietx fil-mandat ta’ arrest Ewropew, fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tagħti lok għal miżura li ċċaħħad il-libertà biss bil-kundizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet informata b’dan minn qabel, abbażi tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u sakemm din ma tiddeċidix, f’dak li jirrigwarda din il-piena addizzjonali, li tinvoka wieħed mill-motivi ta’ rifjut jew li tissuġġetta l-eżekuzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għal ċerti garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti, abbażi tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

63      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, mill-perspettiva ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam kriminali, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 8(1) u 15 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka fuq il-bażi ta’ din il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C 571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 90 u 91)

64      F’dan il-każ, kif il-Gvern Belġjan ammetta matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-piena addizzjonali kellha tissemma fil-mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, l-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-ommissjoni tal-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew ma kelliex bħala konsegwenza li jiġi affettwat l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-Artikoli 3 sa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

65      Wara dan, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li IK, filwaqt li kien jaf kemm bl-eżistenza kif ukoll bit-tul tal-piena tiegħu, ma invokax quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assenza ta’ indikazzjoni tal-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

66      Fl-aħħar nett, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ proċedura relatata ma’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanzija tal-osservanza tad-drittijiet tal-persuna li tagħha qed tintalab il-konsenja hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li huwa preżunt li huwa jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punt 50).

67      Għalhekk, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li l-persuna kkonċernata, ladarba tiġi kkonsenjata, tuża, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, rimedji ġudizzjarji li jippermettulha tikkontesta, skont il-każ, il-legalità tad-detenzjoni tagħha f’ħabs ta’ dan l-Istat Membru, fost l-oħrajn, hekk kif jirriżulta mit-tilwima fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu ġiet awtorizzata l-konsenja tiegħu. Din il-persuna tista’ f’dik l-okkażjoni, tinvoka, b’mod partikolari, l-osservanza kemm tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża mogħtija lilha mill-Artikolu 47 u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 50).

68      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità ġudizzjarja emittenti l-obbligu li tinforma lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, wara li din l-awtorità tilqa’ t-talba ta’ konsenja, dwar l-eżistenza tal-piena addizzjonali sabiex l-imsemmija awtorità tadotta deċiżjoni dwar il-possibbiltà li din il-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru emittenti.

69      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali tiġi suġġetta għal tali obbligu, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma setgħetx tirrifjuta li tezegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, ikun inkompatibbli mal-għan li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja mfittxija minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ommissjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu seħħet il-konsenja tal-persuna kkonċernata, tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni li għaliha hija ġiet ikkundannata għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja li imponiet il-piena li ċċaħħad il-libertà prinċipali, ma tipprekludix li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali, meta tintemm il-piena prinċipali u wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan il-għan mill-qorti nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-applikazzjoni tal-pieni, tagħti lok għal tiċħid tal-libertà.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ommissjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew li abbażi tiegħu seħħet il-konsenja tal-persuna kkonċernata, tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni li għaliha hija ġiet ikkundannata għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja li imponiet il-piena li ċċaħħad il-libertà prinċipali ma tipprekludix li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali, meta tintemm il-piena prinċipali u wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan il-għan mill-qorti nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-applikazzjoni tal-pieni, tagħti lok għal tiċħid tal-libertà.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.