Language of document : ECLI:EU:F:2010:99

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

14 ta’ Settembru 2010

Kawża F‑79/09

AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rifjut ta’ rikonoxximent li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol — Sensittività eċċessiva għall-kampi elettromanjetiċi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu AE jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Diċembru 2008, li tirrifjuta milli tirrikonoxxi bħala marda kkaġunata mix-xogħol dik il-kundizzjoni li qed isofri minnha, u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 12 000 bħala kumpens għad-danni morali li huwa jsostni li sofra.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 2 000. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart mill-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Kummissjoni medika — Nomina tat-tobba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 22)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Rifjut ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat mediku milli jiffirma r-rapport

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Perizja medika — Setgħa diskrezzjonali tal-kumitat mediku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 23)

4.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Determinazzjoni li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 3)

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Marda kkaġunata mix-xogħol — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 3(2))

6.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur fi proċedura amministrattiva — Effetti

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

7.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Proċedura amministrattiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni

1.      Ir-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni ma jistabbilixxu l-ebda rekwiżit partikolari ta’ speċjalizzazzjoni tal-membri tal-kumitat mediku u jħallu libertà totali fl-għażla tat-tabib tiegħu, kemm lil uffiċjal ikkonċernat kif ukoll lill-amministrazzjoni. Ċertament, l-Artikolu 22 tar-regoli l-ġodda ta’ assigurazzjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, jipprovdu li t-tielet tabib għandu “speċjalizzazzjoni fil-qasam ta’ evalwazzjoni u ta’ kumpens tad-danni fiżiċi”. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirregola biss in-nomina tat-tielet tabib u b’hekk bl-ebda mod ma tippreġudika d-dritt tal-uffiċjal ikkonċernat li jinnomina, b’mod l-iktar ħieles, tabib tal-fiduċja tiegħu, u lanqas għal-libertà tal-amministrazzjoni li tinnomina tabib li jirrappreżentaha fi ħdan il-kumitat mediku.

Min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar l-assigurazzjoni ma jipprovdu ebda dritt ta’ kontestazzjoni ta’ tobba nnominati sabiex ikunu parti mill-kumitat mediku, peress li d-drittijiet tal-uffiċjal huma protetti permezz tal-preżenza tat-tabib tal-fiduċja tiegħu u minn tabib innominat bi qbil ta’ dan.

(ara l-punti 51 u 54)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1981, Suss vs Il-Kummissjoni, 186/80, Ġabra p. 2041, punti 9 sa 11

2.      Ir-rapport tal-kumitat mediku ma huwiex ivvizzjat minn difett fil-forma minħabba l-fatt li wieħed mill-membri tiegħu rrifjuta li jiffirmah, dment li huwa stabbilit li l-membru li astjena milli jiffirma kellu l-opportunità li jippreżenta l-perspettiva tiegħu liż-żewġ membri l-oħra.

(ara l-punt 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ġunju 1990, Sabbatucci vs Il‑Parlament, T‑31/89, Ġabra p. II‑265, pubblikazzjoni sommarja, punt 2; 27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Camacho-Fernandes, T‑20/00 OP, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑405, punti 47 u 48

3.      Il-kompitu tal-kumitat mediku previst fl-Artikolu 23 tar-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni li jevalwa b’mod oġġettiv u indipendenti evalwazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ natura medika jeħtieġ, minn naħa, li dan il-kumitat ikun jiddisponi mill-elementi kollha li jista’ jkollu bżonn u, min-naħa l-oħra, li jkollu l-libertà totali ta’ evalwazzjoni. L-evalwazzjonijiet mediċi attwali fformulati mill-kumitat mediku għandhom jiġu kkunsidrati definittivi meta jinħarġu f’kundizzjonijiet normali. Il-qorti għandha s-setgħa li tivverifika biss, min naħa, jekk l-imsemmi kumitat ġiex stabbilit u jiffunzjonax b’mod regolari u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk fihiex motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata u jekk tistabbilixxix rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li huwa jwettaq u l-konklużjonijiet li jasal għalihom. Meta l-kumitat mediku jitratta kwistjonijiet mediċi kumplessi li jirrigwardaw djanjożi diffiċli jew rabta kawżali bejn il-kundizzjoni li tkun qed tbati minnha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha fi ħdan istituzzjoni, huwa għandu jindika b’mod partikolari fl-opinjoni tiegħu, l-elementi tal-fajl li fuqhom huwa bbaża ruħu u jippreċiża, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet li għalihom huwa jvarja minn ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punti 41 u 78; 15 ta’ Diċembru 1999, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑27/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1293, punti 30, 68 u 87; 26 ta’ Frar 2003, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑145/01, ĠabraSP p. I‑A‑59 u II‑337, punt 47; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Beau vs Il‑Kummissjoni, F‑39/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑51 u II‑A‑1‑175, punt 35

4.      Skont l-Artikolu 3(2) ta r-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, meta l-kundizzjoni inkwistjoni ma tidhirx fil-lista Ewropea tal-mard ikkaġunati mix-xogħol annessa mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/326, hija responsabbiltà tal-uffiċjal ikkonċernat li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li l-problemi tiegħu ta’ saħħa huma kkaġunati mill-funzjonijiet tiegħu jew minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din hija r-raġuni li għaliha, f’każ ta’ dubju dwar tali kaġun, l-awtorità kompetenti hija ġġustifikata li tirrifjuta milli taċċetta li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol, billi l-ebda regola jew prinċipju ma jipprovdu li d-dubju jivvantaġġa lill-uffiċjal.

(ara l-punt 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Frar 2004, Latino vs Il‑Kummissjoni, C‑180/03 P, Ġabra p. I‑1587, punti 36 sa 39

5.      Fis-sitwazzjonijiet kumplessi li fihom il-marda ta’ uffiċjal hija kkaġunata minn numru ta’ kawżi, relatati ma’ xogħol u mhux relatati ma’ xogħol, fiżiċi jew psikoloġiċi, li kull waħda minnhom ikkontribwixxiet sabiex titfaċċa l-marda, huwa l-kumitat mediku li għandu jistabbilixxi jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għas-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandux relazzjoni diretta mal-marda tal-uffiċjal, pereżempju, bħala element li wassal għal din il-marda. F’każ bħal dan, ma huwiex meħtieġ, sabiex il-marda tkun rikonoxxuta li hija kkaġunata mix-xogħol, li l-kawża unika, essenzjali, preponderanti jew predominanti tagħha tkun tinsab fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet.

(ara l-punt 83)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, S vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑4/96, Ġabra p. II‑1125, punti 79 u 80

6.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-andament tal-proċeduri amministrattivi jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu jiġi żgurat mill-qorti tal-Unjoni u li huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, bħala regola ġenerali ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta l-mogħdija eċċessiva taż-żmien tkun tista’ jkollha effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata sussegwentement għal proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva. B’hekk, terminu eventwali eċċessiv għat-trattament tat-talba għar-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol ma jkollhiex, bħala prinċipju, effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni adottata mill-kumitat mediku u lanqas fuq dik tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni. Fil-fatt, terminu bħal dan, ħlief f’każ ta’ sitwazzjoni eċċezzjonali, ma jbiddilx l-evalwazzjoni, mill-kumitat mediku, ta’ jekk il-marda hijiex ikkaġunata jew le mix-xogħol. Il-fatt, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li d-deċiżjoni meħuda fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-kumitat mediku tiġi annullata jkollu bħala konsegwenza prattika prinċipali l-effett pervers li jtawwal iktar il-proċedura minħabba l-fatt li din kienet diġà twila wisq.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha l-possibbiltà li tikkundanna ex officio l-amministrazzjoni għall-ħlas ta’ kumpens fil-każ li jinqabeż it-terminu raġonevoli, billi tali kumpens jirrappreżenta l-aħjar forma ta’ riżarċiment għal uffiċjal, bil-kundizzjoni li l-partijiet kienu f’qagħda li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din is-soluzzjoni.

(ara l-punti 99 sa 101 u 104)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il‑Kummissjoni, C‑39/00 P, Ġabra p. I‑11201, punt 44; 17 ta’ Diċembru 2009, M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punti 36 u 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punti 162 sa 167; Il-Qorti Ġenerali: 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 88; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni, F‑33/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑403 u II‑A‑1‑2159, punt 211, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑510/99 P

7.      Il-karattru raġonevoli tat-terminu tal-proċedura amministrattiva huwa evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-istituzzjoni segwiet, tal-aġir tal-partijiet matul il-proċedura, tal-kumplessità kif ukoll tan-natura tal-kawża għall-partijiet varji kkonċernati.

(ara l-punt 105)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 29; 16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punti 182 sa 188; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, T‑213/95 u T-18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 55