KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2017 (1)
Kawża C-42/17
Proċedura kriminali
kontra
M.A.S.,
M.B.
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Proċedura kriminali li tikkonċerna d-delitti fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Preġudizzju potenzjali għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi termini ta’ preskrizzjoni assoluti li jistgħu jwasslu għall-impunibbiltà tad-delitti – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555) – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Nuqqas ta’ ammissibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni – Obbligu tal-qorti nazzjonali li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni fil-każ li din tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi ‘f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi serja’ li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni itwal għall-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli għal dawk li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Applikazzjoni immedjata għall-proċeduri pendenti ta’ dan l-obbligu skont il-prinċipju tempus regit actum – Kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Portata u status ta’ dan il-prinċipju fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat – Inklużjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-kamp tal-imsemmi prinċipju – Natura sostantiva tal-imsemmija regoli – Artikolu 4(2) TUE – Rispett tal-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 49 u 53”
I. Introduzzjoni
1. Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar sa fejn il-qrati nazzjonali huma obbligati li josservaw l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (2), li jikkonsisti f’li ma jiġux applikati, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali pendenti, ir-regoli li jinsabu fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-codice penale (il-Kodiċi kriminali).
2. F’dik is-sentenza, u fl-istess linja tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (3), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jista’ jikkostitwixxi frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dispożizzjonijiet previsti mill-Kodiċi kriminali, billi jintroduċu b’mod partikolari, f’każ ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, ir-regola li t-terminu ta’ preskrizzjoni fl-ebda każ ma jiġi estiż b’iktar minn kwart tat-tul inizjali tiegħu, għandhom bħala konsegwenza li jwasslu, fid-dawl tal-kumplessità u tat-tul tal-proċeduri kriminali kontra l-frodi gravi tal-VAT, għall-impunità fattwali ta’ dawn tal-aħħar, peress li dawn ir-reati jkunu ġeneralment preskritti qabel ma s-sanzjoni kriminali prevista mil-liġi tkun tista’ tiġi imposta b’deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali sitwazzjoni tippreġudika għaldaqstant l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bl-Artikolu 325(1) u (2) TFUE.
4. Sabiex tiżgura l-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet għaldaqstant lill-qrati nazzjonali sabiex, jekk ikun meħtieġ, ma japplikawx dawn id-dispożizzjonijiet.
5. Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li tali obbligu huwa tali li jikser prinċipju suprem tal-ordinament kostituzzjonali tagħha, jiġifieri l-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), stabbilit fl-Artikolu 25(2) tal-Costituzione (kostituzzjoni, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni Taljana”) u, għaldaqstant, li jaffettwa l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana.
6. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tenfasizza li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif interpretat fl-ordinament ġuridiku Taljan, jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) inkwantu jestendi għad-determinazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-reat u jipprekludi, konsegwentement, lill-qorti nazzjonali milli tapplika, għal proċedura pendenti, terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fil-mument li fih ikun twettaq ir-reat (prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar ħarxa).
7. Issa, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tenfasizza li l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et jobbliga lill-qorti kriminali Taljana sabiex tapplika għar-reati mwettqa qabel il-pubblikazzjoni ta’ dik is-sentenza, fit-8 ta’ Settembru 2015, u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti, termini ta’ preskrizzjoni itwal minn dawk li kienu previsti inizjalment fil-ġurnata tat-twettiq ta’ dawk ir-reati. Hija tirrileva, barra minn hekk, li dak l-obbligu ma huwa bbażat fuq ebda bażi legali preċiża u li huwa bbażat barra minn hekk fuq kriterji li hija ssostni li huma vagi. Konsegwentement, dan l-obbligu jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut favur il-qorti nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni li jista’ jwassal għal riskju ta’ arbitrarjetà u li, barra minn hekk, jeċċedi l-limiti tal-funzjoni ġudizzjarja tagħha.
8. Inkwantu l-kostituzzjoni Taljana tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak irrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-Artikolu 4(2) TUE u l-Artikolu 53 tal-Karta jippermettu għaldaqstant lill-qrati nazzjonali jopponu għall-implementazzjoni tal-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et.
9. Permezz tat-tliet domandi preliminari, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tistaqsi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 325 TFUE, kif interpretat minn din tal-aħħar fis-sentenza Taricco et, jobbligax lill-qrati nazzjonali li ma japplikawx ir-regoli ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, fl-ewwel lok, anki jekk dawn ir-regoli, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat, joħorġu mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u, bħala tali, mid-dritt kriminali sostantiv, fit-tieni lok, anki jekk tali obbligu huwa nieqes minn bażi legali suffiċjentement preċiża u fl-aħħar, fit-tielet lok, anki jekk dan l-obbligu jmur kontra l-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali Taljan jew id-drittijiet inaljenabbli tal-persuna kif irrikonoxxuti mill-kostituzzjoni Taljana.
10. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) ma tindirizzax biss dawn it-tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tistaqsiha wkoll fuq ir-risposta li għandha tingħata sabiex jiġi evitat li tinbeda l-proċedura magħrufa bħala “kontra l-limiti” (5). F’dan ir-rigward, din id-deċiżjoni tar-rinviju tfakkarna fid-domanda preliminari magħmula mill-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali, il-Ġermanja) fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (6). Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tesponi, fil-fatt, b’mod ċar ħafna li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm mal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 325 TFUE, bl-istess termini identiċi għal dawk ifformulati fis-sentenza Taricco et, hija tkun tista’ għaldaqstant tiddikjara l-liġi nazzjonali li tirratifika u timplementa t-Trattat ta’ Lisbona – inkwantu hija tirratifika u timplementa l-Artikolu 325 TFUE – bħala li tikser il-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali tagħha, u tillibera għaldaqstant lill-qrati nazzjonali mill-obbligi tagħhom li jikkonformaw ruħhom mas-sentenza Taricco et.
11. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għaliex ma għandux jiddaħħal inkwistjoni l-prinċipju stess stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija obbligata, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax ir-regoli li jinsabu fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali sabiex tiżgura sanzjoni effettiva u dissważiva tal-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
12. Fl-ewwel lok, ser nispjega li l-interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-kunċett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni u tal-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni flimkien, inkwantu ċċaħħad lill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u tad-deċiżjoni minn terminu raġonevoli sabiex itemmu l-proċeduri mibdija kontra l-frodi tal-VAT, ma hijiex manifestament aġġustata għar-rekwiżit li jiġu ssanzjonati l-preġudizzji għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u lanqas ma għandha l-effett dissważiv neċessarju sabiex tipprevjeni t-twettiq ta’ ksur ġdid, b’tali mod li tikser għaldaqstant il-parti sostantiva, imma wkoll il-parti – li nistgħu nikklassifikaw bħala – “proċedurali” tal-Artikolu 325 TFUE.
13. F’dan ir-rigward, ser nispjega li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-portata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (7), xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-obbligi li hija għandha skont id-dritt tal-Unjoni, milli ma tapplikax id-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali għall-proċeduri pendenti.
14. Jien ser nippreċiża għal dan il-għan il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom il-qorti nazzjonali hija marbuta b’dan l-obbligu. Fil-fatt, l-istess bħall-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali), li jien naqbel magħha fuq dan il-punt, jidhirli li, sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà neċessarja, kemm fil-proċeduri kriminali kif ukoll fid-dritt kriminali sostantiv, it-termini tas-sentenza Taricco etgħandhom ikunu ppreċiżati. F’dan ir-rigward, jien ser nipproponi li nissostitwixxi l-kriterju li hija ssemmi bi kriterju bbażat biss fuq in-natura tar-reat.
15. Jien ser nesponi fl-aħħar nett ir-raġunijiet għaliex ser nikkunsidra li l-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jeżiġi li r-repressjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha tkun akkumpanjata llum b’armonizzazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fl-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-regoli li jirregolaw l-interruzzjoni tal-istess preskrizzjoni.
16. Fit-tieni lok, u inkonformità mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (8), ser nispjega li l-Artikolu 53 tal-Karta ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru topponi għall-eżekuzzjoni tal-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et minħabba li dan l-obbligu ma josservax l-istandard ta’ protezzjoni ogħla tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.
17. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ser nesponi r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni immedjata ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal, li tirriżulta mill-implementazzjoni tal-imsemmi obbligu, ma hijiex, fil-fehma tiegħu, tali li taffettwa l-identità nazzjonali tar-Repubblika Taljana u għaldaqstant li tikser it-termini tal-Artikolu 4(2) TUE.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. It-Trattat UE
18. L-Artikolu 4(2) TUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom. Skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jirrispettaw u jgħinu lil xulxin reċiprokament fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom għalhekk jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu.
19. Skont l-Artikolu 325 TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom id-dmir li jikkumbattu “l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni” u li joffru “protezzjoni effettiva” għal dawn l-interessi.
2. Il-Karta
20. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li:
“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.[…]”
21. L-Artikolu 49 tagħha, bit-titolu “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli”.
22. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta:
“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.
23. L-Artikolu 53 tal-Karta jipprovdi:
“Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-[KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.”
B. Id-dritt Taljan
1. Il-Kostituzzjoni Taljana
24. L-Artikolu 25(2) tal-Kostituzzjoni Taljana jipprovdi li “ħadd ma jista’ jiġi kkastigat, sakemm dan ma jkunx abbażi ta’ liġi li daħlet fis-seħħ qabel ma twettaq il-fatt”.
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi kriminali li jirrigwardaw il-preskrizzjoni tar-reati
25. Il-preskrizzjoni tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet għall-estinzjoni tar-reati kriminali (Kapitolu I tat-Titolu VI tal-Ktieb I tal-Kodiċi kriminali). Il-leġiżlazzjoni dwar il-preskrizzjoni ġiet emendata b’mod estensiv bil-legge n. 251, 5 dicembre 2005, (Liġi Nru 251, tal-5 ta’ Diċembru 2005) (9).
26. Skont l-Artikolu 157(1) tal-Kodiċi kriminali, ir-reat kriminali jiġi preskritt wara d-dekorrenza ta’ perijodu ta’ żmien ekwivalenti għat-tul tal-piena massima prevista mil-liġi u sakemm dak il-perijodu ta’ żmien ma jkunx inqas minn sitt snin għar-reati u minn erba’ snin għall-kontravvenzjonijiet.
27. L-Artikolu 158 ta’ dan il-kodiċi jirregola l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni kif ġej:
“Fir-rigward ta’ reat ikkunsmat, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih twettaq ir-reat; fir-rigward ta’ attentat ta’ reat, mill-jum li fih intemmet l-attività tal-awtur; fir-rigward ta’ reat permanenti, mill-jum li fih ir-reat ma jibqax permanenti.
[…]”
28. Skont l-Artikolu 159 tal-imsemmi kodiċi, dwar ir-regoli li jirrigwardaw is-sospensjoni tal-preskrizzjoni:
“Il-preskrizzjoni hija sospiża fil-każijiet kollha fejn is-sospensjoni tal-proċedura, tal-proċess kriminali jew tat-terminu previst għad-detenzjoni proviżorja hija prevista minn dispożizzjoni leġiżlattiva speċjali, kif ukoll fil-każijiet li ġejjin:
1) awtorizzazzjoni li jitressqu proċeduri;
2) rinviju tal-kawża quddiem qorti oħra;
3) sospensjoni tal-proċeduri jew tal-proċess kriminali minħabba impediment tal-partijiet u tal-avukati, jew fuq talba tal-akkużat jew tal-avukat tiegħu. […]
[…]
Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri fil-jum li fih il-kawża li tat lok għas-sospensjoni ma tibqax teżisti.
[…]”
29. L-Artikolu 160 tal-istess kodiċi, li jirregola l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, jipprovdi:
“It-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet ta’ kundanna.
Digriet li jordna l-applikazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji personali […] [u] digriet li jistabbilixxi smigħ preliminari […] jagħtu lok ukoll għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.
Fil-każ ta’ interruzzjoni, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġdid mill-jum tal-interruzzjoni. Jekk ikun hemm iktar minn interruzzjoni waħda, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-aħħar interruzzjoni; madankollu, it-termini stabbiliti fl-Artikolu 157 f’ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu estiżi lil hinn mit-termini stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 [tal-Kodiċi kriminali], ħlief għar-reati previsti fl-Artikolu 51(3a) u (3c) tal-[codice di procedura penale (Kodiċi ta’ proċedura kriminali)].”
30. Skont l-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali, li jikkonċerna l-effetti tas-sospensjoni u tal-interruzzjoni:
“Is-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni jipproduċu effetti għal dawk kollha li jkunu wettqu r-reat.
Bl-eċċezzjoni tal-prosekuzzjoni ta’ reati msemmija fl-Artikolu 51(3a) u (3c) tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali, interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fl-ebda każ ma tista’ tagħti lok għall-estensjoni tat-terminu b’iktar minn kwart tat-tul massimu previst ta’ dan it-terminu […]”
III. Il-fatti
A. Is-sentenza Taricco et
31. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Cuneo (qorti ta’ Cuneo, l-Italja) kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101, 107 u 119 TFUE kif ukoll l-Artikolu 158 tad-Direttiva 2006/112/KE (10) fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni tar-reati kriminali, kif din kienet stabbilita bl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali.
32. Din it-talba kienet tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra diversi individwi li kienu akkużati li fformaw u organizzaw assoċjazzjoni sabiex iwettqu diversi reati fil-qasam tal-VAT.
33. F’dik is-sentenza, li ngħatat fit-8 ta’ Settembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma kienet dik inkwistjoni, li kienet tipprovdi, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, li l-att li jinterrompi l-preskrizzjoni fil-kuntest ta’ prosekuzzjoni kriminali li tirrigwarda l-frodi gravi fir-rigward tal-VAT għandu l-effett li jtawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni b’mhux iktar minn kwart it-tul inizjali tiegħu, jista’ jippreġudika l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE f’każ fejn dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni effettiva u dissważiva f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew f’każ li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni itwal għall-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli għal dawk li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
34. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, minħabba li introduċew, f’każ ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, ir-regola li biha t-terminu ta’ preskrizzjoni fl-ebda każ ma jista’ jiġi estiż b’iktar minn kwart tat-tul inizjali tiegħu, għandhom bħala konsegwenza, fid-dawl tal-kumplessità u tat-tul tal-proċeduri kriminali li jwasslu għall-adozzjoni ta’ sentenza definittiva, li jinnewtralizzaw l-effett temporali ta’ raġuni li tinterrompi l-preskrizzjoni. Bis-saħħa ta’ dan il-fatt, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatti li jikkostitwixxu frodi gravi ma humiex issanzjonati kriminalment.
35. Sabiex tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, konsegwentement, li l-qorti nazzjonali hija, jekk ikun hemm bżonn, marbuta li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkollhom l-effett li jipprekludu lill-Istat Membru kkonċernat milli josserva l-obbligi li dik id-dispożizzjoni timponi fuqu.
B. Id-domandi dwar kostituzzjonalità mressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) u mill-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milano, l-Italja) quddiem il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali)
36. Il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) u l-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milano), li quddiemhom kienu pendenti proċeduri li jirrigwardaw frodi gravi tal-VAT, ikkunsidraw li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali għal sitwazzjonijiet preċedenti għad-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Taricco et iwassal għal applikazzjoni iktar ħarxa tar-regoli ta’ inkriminazzjoni ta’ natura retroattiva, li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 25(2) tal-Kostituzzjoni Taljana.
37. Konsegwentement, huma ressqu quddiem il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) domanda dwar kostituzzjonalità li tirrigwarda l-Artikolu 2 tal-legge n. 130, 2 agosto 2008, (Liġi Nru 130, tat-2 ta’ Awwissu 2008) (11), inkwantu jawtorizza r-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona u l-implementazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, li minnu l-Qorti tal-Ġustizzja siltet l-obbligu inkwistjoni (12).
IV. Id-deċiżjoni tar-rinviju
A. Fuq il-portata u l-istatus tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fl-ordinament ġuridiku Taljan
38. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tenfasizza, fl-ewwel lok, li, fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli ma tapplikax id-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali, għall-proċeduri pendenti.
39. Fil-fatt, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tindika li, b’differenza minn sistemi legali oħrajn fejn ir-regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali huma kklassifikati bħala regola proċedurali (13), dawn tal-aħħar jikkostitwixxu fl-ordinament ġuridiku Taljan regoli sostantivi, li jifformaw parti integrali mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ma jistgħux għaldaqstant ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni retroattiva għad-detriment tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali.
40. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tirrileva li l-Artikolu 25(2) tal-Kostituzzjoni Taljana jagħti, għaldaqstant, lill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kamp iktar wiesa’ minn dak irrikonoxxut mis-sorsi tad-dritt tal-Unjoni peress li ma huwiex limitat biss għad-definizzjoni tar-reat u tal-pieni applikabbli għalih, iżda jestendi għall-aspetti materjali kollha li jirrigwardaw is-sanzjoni u, b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-reat. Skont dan il-prinċipju, ir-reat, il-piena applikabbli u t-terminu ta’ preskrizzjoni għandhom għaldaqstant ikunu ddefiniti f’termini ċari, preċiżi u vinkolanti f’liġi li tkun fis-seħħ fil-mument li jitwettaq l-att. Skont il-qorti tar-rinviju l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandha għaldaqstant tippermetti lil kulħadd li jkun jaf il-konsegwenzi tal-aġir tiegħu fuq livell kriminali u għandha tipprekludi kull arbitrarjetà fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-liġi.
41. Issa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-individwi kkonċernati ma setgħux raġonevolment jipprevedu, fid-dawl tal-kuntest regolatorju fis-seħħ fil-mument tal-fatti, li d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Artikolu 325 TFUE, kien ser jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali, b’tali mod li jittawwlu t-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli. Konsegwentement, l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et imur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-KEDB.
42. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tenfasizza, barra minn hekk, li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege huwa fuq il-quċċata tad-drittijiet inaljenabbli tal-persuna u għandu jiġi kkunsidrat, fl-aspetti kollha tiegħu, bħala prinċipju suprem tal-ordinament kostituzzjonali Taljan, fejn dan tal-aħħar jipprevali konsegwentement fuq ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’każ ta’ kunflitt.
43. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tippreċiża li din ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni imma taħt it-tradizzjoni kostituzzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.
44. Inkwantu l-ordinament ġuridiku Taljan jagħti standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak li joħroġ mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-Artikolu 7 tal-KEDB, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) iżżid li l-Artikolu 53 tal-Karta jawtorizza għaldaqstant lill-qorti nazzjonali sabiex tinħeles mill-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et.
45. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tiddistingwi għaldaqstant din il-kawża mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (14), fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja kellha impatt dirett fuq is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fuq il-portata tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299/JAI (15) u wasslet sabiex kisret l-uniformità u l-unità tad-dritt tal-Unjoni f’qasam ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.
46. Fit-tieni lok, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et huwa bbażat fuq kriterji impreċiżi, li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu l-qorti nazzjonali ma hijiex kapaċi li tiddefinixxi, b’mod mhux ekwivoku, l-ipoteżijiet li fihom il-frodi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “gravi” u l-każijiet li fihom l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni inkwistjoni għandha bħala effett li twassal għal impunità f’“numru kunsiderevoli ta’ każijiet”. Tali kriterji joħolqu għaldaqstant riskju kbir ta’ arbitrarjetà.
47. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et huma inkompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw is-separazzjoni tal-poteri.
48. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li t-termini ta’ preskrizzjoni u l-modalitajiet għall-kalkolu ta’ dawn tal-aħħar għandhom ikunu ddefiniti mil-leġiżlatur nazzjonali permezz ta’ dispożizzjonijiet preċiżi u li għaldaqstant ma humiex l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jiddeċiedu, każ b’każ, il-kontenut tagħhom. Issa, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-prinċipji msemmija fis-sentenza Taricco et ma jippermettux li tiġi limitata l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, u għaldaqstant dawn tal-aħħar huma liberi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni meta huma jikkunsidraw li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu ostakolu għar-repressjoni tar-reat.
B. Fuq l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana
49. Fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni fl-aħħar nett li l-Artikolu 4(2) TUE jippermetti lill-qorti nazzjonali tevita l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et meta dak l-obbligu jikser prinċipju suprem tal-ordinament kostituzzjonali tagħha u, konsegwentement, huwa suxxettibbli li jaffettwa l-identità nazzjonali u, b’mod partikolari kostituzzjonali, tar-Repubblika Taljana.
50. Hija tenfasizza li d-dritt tal-Unjoni, l-istess bħall-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dan id-dritt, ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu fuq l-Istat Membru l-obbligu li jirrinunzja għall-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali tiegħu, li jiddefinixxu l-identità nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, l-implementazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ dejjem suġġetta għall-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar mal-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet nazzjonali u, fl-Italja, mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali).
V. Id-domandi preliminari
51. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar id-domanda dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 130, tat-2 ta’ Awwissu 2008, li tirratifika u timplementa t-Trattat ta’ Lisbona, u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qrati kriminali jħallu mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li tipprekludi, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet, ir-repressjoni ta’ frodi serji li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni milli għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat, anki fejn tali nuqqas ta’ applikazzjoni ma jkollux bażi legali suffiċjentement preċiża?
2) L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qrati kriminali jħallu mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li tipprekludi, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet, ir-repressjoni ta’ frodi serji li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni milli għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat, anki fejn fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, il-preskrizzjoni taqa’ taħt id-dritt kriminali sostantiv u hija suġġetta għall-prinċipju ta’ legalità?
3) Is-sentenza [Taricco et] għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qrati kriminali jħallu mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-preskrizzjoni li tipprekludi, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet, ir-repressjoni ta’ frodi serji li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni milli għall-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat, anki fejn tali nuqqas ta’ applikazzjoni jmur kontra l-prinċipji superjuri tal-kostituzzjoni tal-Istat Membru jew id-drittijiet inaljenabbli tal-persuna rrikonoxxuti mill-kostituzzjoni tal-Istat Membru?”
VI. Osservazzjonijiet preliminari
52. Qabel ma nibda l-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali), jidhirli li huwa opportun li jsiru xi rimarki preliminari li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kuntest li fih ingħatat is-sentenza Taricco et u, it-tieni nett, l-approċċ li ġie adottat mill-partijiet u mill-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta.
53. Fl-ewwel lok, nixtieq ngħid li l-effett tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fil-Kodiċi kriminali fuq l-effettività tal-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji, kemm jekk ikunu nbdew minħabba reat jew delitt imwettaq kontra l-persuna u kemm jekk jaqgħu f’kuntest ta’ delinkwenza ekonomika u finanzjarja, ma huwiex xi ħaġa ġdida. Dan diġà kien is-suġġett ta’ diversi rapporti u rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika Taljana li fihom kienu kkritikati, b’mod partikolari, ir-regoli u l-metodi għall-kalkolu applikabbli għall-preskrizzjoni u, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni restrittiva tar-raġunijiet ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni u l-eżistenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni assolut li la jista’ jiġi interrott u lanqas sospiż.
54. Għaldaqstant, id-diffikultajiet enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et fir-rigward tal-effett tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali fuq l-effettività tar-repressjoni tal-frodi tal-VAT ma humiex ġodda.
55. Fuq livell nazzjonali, l-ewwel nett, l-awtoritajiet ġudizzjarji spiss ġibdu l-attenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali fuq il-fatt li t-termini ta’ preskrizzjoni fis-seħħ ma kinux jippermettu li tinkiseb deċiżjoni ġudizzjarja definittiva fil-parti l-kbira tal-kawżi ta’ korruzzjoni gravi u kumplessi (16), ħaġa li wasslet għall-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma (kummissjoni ad hoc) responsabbli sabiex jistudja l-possibbiltajiet eżistenti fir-rigward tar-riforma tar-regoli tal-preskrizzjoni, li x-xogħol tiegħu ġie ppreżentat fit-23 ta’ April 2013 (17).
56. Fuq livell tal-Unjoni, it-tieni nett, il-Kummissjoni ddedikat fl-2014 studju partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi li għandha s-sistema Taljana tal-preskrizzjoni fuq il-ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni (18). Hija rrilevat għaldaqstant li l-“kwistjoni tal-istatut tal-limitazzjonijiet ilha ta’ tħassib serju [f’dan l-Istat Membru]” u enfasizzat li l-“perjodu ta’ preskrizzjoni applikabbli skont il-liġi Taljana, flimkien ma’ proċeduri fit-tul fil-qrati, ir-regoli u l-metodi ta’ kalkolu applikabbli għall-istatut tal-limitazzjonijiet, in-nuqqas ta’ flessibbiltà rigward ir-raġunijiet għas-sospensjoni u l-interruzzjoni u l-eżistenza ta’ preskrizzjoni assoluta li ma tistax tkun interrotta jew sospiża wasslu u se jkomplu jwasslu biex jitwarrbu għadd konsiderevoli ta’ każijiet” (19).
57. Filwaqt li aderixxiet mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill lir-Repubblika Taljana fid-9 ta’ Lulju 2013 (20), il-Kummissjoni stiednet imbagħad lil dak l-Istat Membri sabiex jirrevedi r-regoli eżistenti li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni b’mod li jsaħħu l-qafas ġuridiku għar-repressjoni tal-korruzzjoni.
58. Fuq il-livell tal-Kunsill tal-Ewropea issa, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenzi Alikaj et vs L-Italja (21) kif ukoll Cestaro vs L-Italja (22), iddeċidiet ukoll li l-mekkaniżmu tal-preskrizzjoni, kif previst fl-Artikoli 157 sa 161 tal-Kodiċi kriminali, jista’ jipproduċi effetti li jmorru kontra dawk li teżiġi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB, mill-aspett kriminali tagħhom, peress li dan il-mekkaniżmu jwassal sabiex ir-reati gravi jibqgħu mhux issanzjonati. Hija qieset għaldaqstant li dan il-kuntest leġiżlattiv huwa inadegwat (23) sabiex jipprevjeni u jissanzjona l-attentati għall-ħajja kif ukoll l-atti ta’ tortura u t-trattamenti ħżiena.
59. Għaldaqstant, fis-sentenza Cestaro vs L-Italja (24), mogħtija ftit xhur biss qabel is-sentenza Taricco et, ir-Repubblika Taljana ġiet ikkundannata minħabba ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB mhux biss mill-aspett sostantiv tiegħu, imma wkoll mill-aspett proċedurali, fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedemirrilevat l-eżistenza ta’ “problema strutturali”, jiġifieri, in-“nuqqas ta’ adegwatezza” tar-regoli tal-preskrizzjoni previsti fil-Kodiċi kriminali sabiex jiġu ssanzjonati l-atti ta’ tortura u sabiex jiġi żgurat effett suffiċjentement dissważiv (25). Wara li rrilevat li dawn ir-regoli ta’ preskrizzjoni jistgħu jipprekludu, fil-prattika, li jiġu ġġudikati u ssanzjonati dawk responsabbli, u dan minkejja l-isforzi kollha użati mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u mill-awtoritajiet ġudizzjarji, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-leġiżlazzjoni kriminali Taljana applikata għal dan it-tip ta’ reati kienet “inadegwata” fir-rigward tar-rekwiżit ta’ sanzjoni u ma kellhiex l-effett dissważiv neċessarju sabiex tipprevjeni t-twettiq ta’ reati simili oħra. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stiednet għaldaqstant lir-Repubblika Taljana sabiex tintroduċi għodda legali xierqa sabiex tissanzjona b’mod adegwat lil dawk responsabbli għal dan il-ksur u sabiex tipprekludi li dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri li jmorru kontra l-ġurisprudenza tagħha, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni għandha tkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-KEDB (26).
60. Fuq livell iktar politiku issa, il-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni (GRECO) irrileva, barra minn hekk, fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu tal-ewwel (Ġunju 2008), tat-tieni (Ottubru 2008) u tat-tielet (Ottubru 2011) ċikli ta’ evalwazzjonijiet konġunti fuq ir-Repubblika Taljana (27), li, għalkemm it-tul teoriku tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex differenti ħafna minn dak ta’ Stati kontraenti oħra, il-metodu għall-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni u r-rwol li għandhom fatturi oħra (bħalma hija n-natura kumplessa tal-investigazzjonijiet marbutin mal-korruzzjoni, iż-żmien li jista’ jiddekorri bejn il-mument li fih tkun twettaq ir-reat u dak li fih dan ġie ssenjalat lill-awtoritajiet repressivi, ir-rimedji disponibbli, id-dewmien u l-volum kbir ta’ xogħol tal-qrati repressivi), jostakolaw kunsiderevolment l-effikaċità tas-sistema ta’ sanzjoni fis-seħħ fl-Italja.
61. Fl-aħħar nett, fuq livell internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku (OCDE) irrakkomandat ukoll lir-Repubblika Taljana, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha fuq l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali (28), li ttawwal il-perijodu tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut previst mill-Kodiċi kriminali, b’mod li tiżgura l-effikaċità tal-prosekuzzjonijiet li jirrigwardaw fatti ta’ korruzzjoni transnazzjonali u li tikkonforma ruħha għaldaqstant mar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6 tal-konvenzjoni msemmija (29). Dan hu dak li jidher li bdiet ir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proposta ta’ liġi approvata mis-Senato (is-Senat, l-Italja) fil-15 ta’ Marzu 2017 (30).
62. Dawn l-elementi jidhirli li huma importanti sabiex jinftiehem il-kuntest nazzjonali, imma wkoll Ewropew, li fih taqa’ s-sentenza Taricco et.
63. Fit-tieni lok, fid-dawl tad-diskussjoni li saret waqt is-seduta, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrettifikat l-approċċ univoku adottat mill-partijiet u mill-Kummissjoni, billi titfakkar l-ispeċifiċità li tikkostitwixxi n-natura stess tad-dritt kriminali.
64. Fil-fatt, id-dritt kriminali huwa dritt ta’ sanzjoni li huwa marbut mal-kunċett stess ta’ ordni pubbliku u, f’dan il-każ, ta’ ordni pubbliku tal-Unjoni. Dan id-dritt għaldaqstant għandu jġib bilanċ bejn l-osservanza tal-ordni pubbliku, l-ugwaljanza taċ-ċittadini f’għajnejn il-liġi meta dawn jiksruha u l-garanzija tad-drittijiet proċedurali tal-persuni mfittxija. Issa, fi kwalunkwe każ, l-invokar ta’ dawn il-garanziji minn waħda mill-partijiet li tfittex jew li tiġi mfittxija la jista’ jwassal għal dritt suġġettiv li tingħata sanzjoni b’mod arbitrarju u lanqas ma jista’ jwassal sabiex tiġi evitata l-konsegwenza normali u maħsuba tal-atti li jikkostitwixxu reat imwettqa.
VII. Analiżi
65. Fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà tal-prinċipji u tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Fl-ordinament ġuridiku Taljan, dan il-prinċipju jeżiġi li t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun stabbilit bi preċiżjoni f’dispożizzjoni li tkun fis-seħħ fil-mument li fih ikunu twettqu l-fatti u fl-ebda każ ma jista’ jkun applikat b’mod retroattiv meta dan ikun ta’ żvantaġġ għall-persuna mfittxija.
66. Il-Kostituzzjoni Taljana tiggarantixxi b’hekk lil kull individwu d-dritt li jkun jaf, qabel ma jwettaq att sanzjonabbli, jekk dan jikkostitwixxix reat, il-piena u t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għalih, fejn l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jista’ mbagħad jiġi emendat għad-detriment tal-persuna kkonċernata.
67. Issa, minħabba li jeżiġi li l-qorti nazzjonali ma tapplikax id-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali fil-kuntest ta’ proċeduri pendenti, sabiex b’hekk ittawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et imur kontra dan il-prinċipju.
68. Insostenn tal-approċċ tagħha, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tenfasizza li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ġew adottati bil-għan li jiġu ggarantiti, min-naħa, l-osservanza ta’ tul raġonevoli tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tal-persuna mfittxija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li s-sentenza Taricco et ma tippermettix, waħidha, li tingħata risposta għall-kritika magħmula mill-qorti tar-rinviju.
69. Madankollu, ikun inġust li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi kkritikata eżaġeratament talli ma għamlitx dan inkwantu la t-Tribunale di Cuneo (qorti ta’ Coni), li hija l-awtur tal-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari, u lanqas il-Gvern Taljan, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu li ġew ippreżentati fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Taricco et, ma semmew il-karatteristiċi partikolari marbutin man-natura u mar-regoli li jirregolaw is-sistema tal-preskrizzjoni fl-ordinament ġuridiku Taljan, li madankollu huma s-suġġett prinċipali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, karatteristiċi li llum qegħdin jissemmew mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali).
70. Għaldaqstant huwa wara dan ir-rikors supplimentari mill-qrati Taljani li jien ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta l-ewwel risposta tagħha.
71. Fil-fatt, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi kkontestat il-prinċipju stess stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, fis-sens li l-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax ir-regoli li jinsabu fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali sabiex tiġi żgurata sanzjoni effettiva u dissważiva tal-frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, imma pjuttost li jiġu speċifikati l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom dan l-obbligu għandu jkun implementat.
A. Fuq il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et
72. Il-pożizzjoni li tesprimi l-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) hija bbażata fuq kunċetti li l-elementi tagħhom, kif hija tiddefinixxihom, jiksru b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u huma, minħabba f’hekk, inkompatibbli ma’ dan tal-aħħar.
73. Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi tad-domandi magħmula, jeħtieġ għaldaqstant li jiġu identifikati b’mod preċiż ħafna l-punti li jwasslu għal dan ir-riżultat.
74. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, li għadu jissejjaħ l-prinċipju ta’ legalità kriminali jew ta’ legalità penali, dan jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji essenzjali tad-dritt kriminali modern. Dan il-prinċipju ġie stabbilit b’mod partikolari mill-penalist Taljan Cesare Beccaria li jirreferi, fit-trattat famuż Des Délits et des Peines (31), għax-xogħol ta’ Montesquieu (32).
75. Huwa aċċettat tradizzjonalment li, skont dan il-prinċipju, reat ma jistax jiġi mfittex u ebda piena ma tista’ tiġi imposta jekk dawn tal-aħħar ma jkunux previsti u ddefiniti mil-liġi qabel ma twettqu l-fatti.
76. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dan il-prinċipju jqajjem diffikultà biss minħabba li, mad-definizzjoni ta’ Beccaria, il-leġiżlazzjoni Taljana żżid li s-sistema tal-preskrizzjoni taqa’ taħt dan il-prinċipju u li min iwettaq reat għandu għaldaqstant dritt kweżit li l-prosekuzzjonijiet kollha jseħħu taħt is-sistema tar-regoli tal-preskrizzjoni kif kienu jeżistu fil-ġurnata li fih wettaq ir-reat.
77. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-preskrizzjoni, ma huwiex il-prinċipju nnifsu tagħha, imma s-sistema tagħha li hija hawnhekk inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba wkoll il-karatteristiċi partikolari introdotti mil-leġiżlazzjoni Taljana, ikkunsidrata fil-kuntest taż-żewġ modalitajiet li jikkostitwixxi s-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni.
78. Fil-fatt, fir-rigward tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jillimitaw l-ipoteżijiet li fihom il-preskrizzjoni tkun tista’ tiġi interrotta billi jirriżervawha għal ftit atti proċedurali u, jekk ikun il-każ, tardivi, li jipproduċu, fuq kollox, effetti limitati. Għaldaqstant, meta jseħħ att interruttiv, dan ma għandux bħala konsegwenza li jibda jiddekorri terminu ġdid, identiku għat-terminu inizjali, imma biss li jtawwal lil dan tal-aħħar bi kwart biss tal-perijodu inizjali tiegħu, fejn dan it-titwil tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax, barra minn hekk, ikun is-suġġett la ta’ sospensjoni ġdida u lanqas ta’ interruzzjoni ġdida, u għaldaqstant jista’ jseħħ darba biss matul il-proċedura.
79. Il-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali jwassal għaldaqstant sabiex jiġi stabbilit limitu assolut fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli. Għaldaqstant, dan isir intanġibbli u jieħu, f’dan ir-rigward, l-aspett ta’ terminu ffissat minn qabel, li huwa tradizzjonalment iddefinit bħala li huwa t-terminu għall-azzjoni li tistabbilixxi l-liġi u li d-dekorrenza tiegħu, b’kuntrast mal-preskrizzjoni, la tista’ tiġi sospiża u lanqas interrotta (33). Dan il-kunċett huwa għalhekk inkompatibbli mal-kunċett stess ta’ preskrizzjoni u, barra minn hekk, skont l-awturi, dawn huma kunċetti kunfliġġenti jikkonfrontawhom ukoll wieħed mal-ieħor.
80. Fid-dawl tal-approċċ li ħadet il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) li tinvoka, insostenn tagħha, minn naħa, ix-xewqa li tiggarantixxi tul raġonevoli tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, il-garanzija tad-drittijiet tal-persuna mfittxija, is-sentenza Taricco et, kif diġà rajna, ma fihiex l-elementi kollha li jippermettu li dan l-approċċ jiġi miġġieled.
81. Fir-realtà wieħed għandu jistaqsi dwar is-sors tal-inkompatibbilà li teżisti bejn is-sistema tal-preskrizzjoni prevista fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali u r-rekwiżit tal-osservanza tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni.
82. Dritt ikun effettiv biss jekk il-ksur tiegħu ikun issanzjonat.
83. Jekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tiegħu, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li kull ksur ikun issanzjonat, kull sistema responsabbli mill-implementazzjoni tiegħu, iżda li, fil-fatt, twassal għal nuqqas ta’ sanzjoni jew għal riskju evidenti u kbir ta’ impunità tmur, mid-definizzjoni tagħha stess, kontra l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ effetività li fuqu huwa bbażat b’mod partikolari l-Artikolu 325 TFUE.
84. Dan huwa l-każ hawnhekk?
85. Ir-risposta tiegħi hija fl-affermattiv u hija bbażata fuq konstatazzjonijiet li huma marbutin b’mod partikolari man-natura stess tar-reati mwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod partikolari, man-natura transnazzjonali tagħhom.
86. L-investigazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din id-delinkwenza ekonomika u finanzjarja għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-portata tal-frodi fir-rigward tad-dewmien tagħha, tad-dimensjonijiet tagħha u tal-profitt li hija ġġenerat. Issa, immaġina ż-żmien li titlob investigazzjoni li tirrigwarda frodi karusell tal-VAT (34), li timplika kumpanniji velu mifruxa fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, koawturi u kompliċi ta’ nazzjonalitajiet differenti, li teħtieġ investigazzjonijiet tekniċi, awditjar u tqabbil multipli, kif ukoll kapaċità fil-kontijiet u finanzjarja kbira u l-użu ta’ miżuri internazzjonali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u mill-pulizija. Matul il-proċedura ġudizzjarja, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jidħlu fi proċedura kriminali kumplessa sabiex jistabbilixxu, b’osservanza tal-garanziji tad-dritt għal smigħ xieraq, ir-responsabbiltajiet individwali li jaqgħu fuq kull waħda mill-persuni mfittxija u għandhom jiffaċċjaw ukoll l-istrateġija ta’ difiża adottata mill-avukati u l-esperti speċjalizzati l-oħra, li tikkonsisti li ttawwal il-proċedura sal-preskrizzjoni tal-istess.
87. F’kawżi ta’ din in-natura, it-terminu impost għall-investigazzjoni u għall-proċedura sabiex tingħata deċiżjoni jidher għaldaqstant partikolarment insuffiċjenti u d-diversi rapporti mogħtija fuq livell nazzjonali u fuq livell internazzjonali juru effettivament in-natura sistematika tal-impotenza kkonstatata. Ir-riskju ta’ impunità ma huwiex hawnhekk imputabbli għall-prokrastinazzjoni, għall-kompjaċenza jew għan-negliġenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji, imma għan-nuqqas ta’ adegwatezza tal-qafas leġiżlattiv sabiex jissanzjona l-frodi tal-VAT, peress li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa terminu għas-sentenza irraġonevoli, minħabba li huwa qasir u intanġibbli wisq u minħabba li ma jippermettix lill-qorti nazzjonali, minkejja l-isforzi kollha li hija tagħmel, sabiex tagħti lill-atti mwettqa s-sanzjoni normali li jixirqulhom.
88. Nifhem li waħda mill-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali waqt l-emendi magħmula lis-sistema tal-preskrizzjoni mil-liġi ex-Cirielli kienet il-ġlieda kontra d-dewmien fil-proċeduri li ta’ spiss kien ikkritikat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u għaldaqstant li jiggarantixxi, fl-interess tal-persuni mfittxija, it-tul raġonevoli tal-proċedura.
89. Issa, b’mod paradossali, dik l-emenda mqanqla mix-xewqa li tiġi żgurata l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji tikkostitwixxi ksur tal-kunċett stess ta’ tul raġonevoli u finalment ostakolu għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (35).
90. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddefinixxi t-tul raġonevoli bħala li jimponi li l-perijodu sal-għoti tas-sentenza ikun proporzjonat mal-kumplessità oġġettiva tal-kawża, mal-interessi involuti fil-kawża kif ukoll mal-attitudni tal-partijiet u tal-awtoritajiet kompetenti (36).
91. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, min-natura tiegħu, terminu ffissat minn qabel imur kontra dan l-istess prinċipju.
92. Id-dritt għal tul raġonevoli ma huwiex dritt għal impunità u ma għandux jipprekludi l-kundanna effettiva tal-awtur tal-ksur.
93. Issa, it-terminu ffissat minn qabel jista’ jipproduċi dan l-effett pervers.
94. F’dan ir-rigward, nemmen li għandi niġbed l-attenzjoni għat-test tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (37), li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha r-reat ta’ frodi gravi tal-VAT. Għalkemm il-Konvenzjoni PIF ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni, l-Artikolu 12 ta’ din il-proposta ta’ direttiva PIF introduċa sett ta’ regoli vinkolanti u dettaljati ġodda li jikkonċernaw is-sistema tal-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali li jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri huma għaldaqstant obbligati li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni.
95. Issa, għalkemm huwa minnu li l-imsemmija proposta ta’ direttiva PIF tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni mtawwla b’mod li jippermettu lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni jaħdmu matul perijodu twil biżżejjed sabiex jiġġieldu dawn ir-reati b’mod effikaċi, hija tistabbilixxi wkoll terminu massimu u assolut għas-sentenza.
96. Għaldaqstant jien ngħid biss li ma nifhimx kif f’dik il-proposta kienet proposta sistema ta’ preskrizzjoni bbażata fuq is-sistema proċedurali inkwistjoni f’din il-kawża, li l-effetti tagħha huma identiċi għal dawk iġġenerati mill-effett ikkombinat tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali u li jidhirli għaldaqstant li ser tattira l-istess kritika peress li fir-realtà tinvolvi l-istess perikoli.
97. Fil-fatt, dan it-tip ta’ dispożizzjonijiet iwassal fir-realtà sabiex jitfa’ fuq l-istituzzjonijiet ġudizzjarji r-responsabbiltà tan-nuqqas ta’ qtugħ tal-kawżi. Dan jinjora l-fatt li l-effikaċità tal-proċeduri hija dipendenti fuq il-mezzi mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-ġustizzja u li l-fatt li dawn ma jiġux ipprovduti jkun dejjem triq possibbli sabiex jiġu evitati l-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni. Ir-riskju huwa għaldaqstant li l-kawżi kkunsidrati bħala li huma l-iktar gravi u l-iktar kumplessi jiġu ggwidati lejn “short circuits” li ma jiżgurawx is-sanzjoni effettiva u dissważiva tar-reat u ma jippermettux b’mod partikolari li jinqabdu, f’perijodu suffiċjenti, l-awturi tagħhom. Huwa b’dan il-mod li bl-aħjar intenzjonijiet tad-dinja, nirriskjaw li niffaċilitaw il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tal-attivitajiet illegali partikolarment vulnerabbli għall-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, li fl-aħħar mill-aħħar huma dejjem l-interessi tagħhom li jkunu leżi.
98. Għalkemm fil-fehma tiegħi jkun perfettament leġittimu li nipprevedu terminu li jibda mill-ġurnata tat-twettiq tar-reat u li meta dan jinqabeż ma tkun tista’ ssir ebda prosekuzzjoni jekk ma tkun saret ebda investigazzjoni f’dan is-sens sal-iskadenza tiegħu, jidhirli, min-naħa l-oħra, li huwa assolutament indispensabbli li ġaladarba tinbeda, il-proċedura kriminali għandha tkun tista’ tiżvolġi sa tmiemha, fejn kull att ta’ prosekuzzjoni jikkostitwixxi att interruttiv tal-preskrizzjoni, li jiskatta d-dekorrenza ta’ terminu ġdid, fl-intier tiegħu, u fejn l-uniċi limitu u referenza possibbli jkunu l-osservanza tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli kif iddefinit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
99. Dan ir-riferiment għall-prinċipju ta’ tul raġonevoli huwa, fil-fehma tiegħi, rekwiżit għall-Istati Membri kollha.
100. Fil-fatt, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-imsemmija Stati Membri jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u huma, konsegwentement, marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Karta. Issa, peress li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB fihom dispożizzjonijiet ifformulati f’termini identiċi li jikkonċernaw il-prinċipju ta’ tul raġonevoli tal-proċeduri, l-Istati Membri huma marbutin bid-definizzjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li reġgħet tfakkret reċentement.
101. Konsegwentement, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra l-kunċett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni bħala li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandha tiddefinixxih fis-sens li kull att ta’ prosekuzzjoni kif ukoll kull att li jikkostitwixxi estensjoni neċessarja tal-imsemmija prosekuzzjoni jinterrompi t-terminu ta’ prosekuzzjoni, fejn dan l-att jiskatta għaldaqstant id-dekorrenza ta’ terminu ġdid, identiku għat-terminu inizjali, u fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni li jkun diġà ddekorra jiġi għaldaqstant imħassar.
102. Hija biss definizzjoni bħal din li tippermetti li tiġi żgurata l-prosekuzzjoni tar-reati ta’ dan it-tip.
103. Għalkemm in-negozjati li jirrigwardaw l-adozzjoni tal-proposta ta’ direttiva PIF u dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew itendu lejn definizzjoni komuni tal-frodi u tal-livell ta’ sanzjonijiet applikabbli, tali armonizzazzjoni ma tistax tipproduċi riżultati sodisfaċenti jekk ma tkunx akkumpanjata minn u sostnuta b’miżuri effikaċi fil-qasam tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet u, b’mod partikolari, b’sistema ta’ preskrizzjoni uniformi fl-Unjoni kollha.
104. Jekk dan ma jkunx il-każ, allura l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (38) ikun fir-realtà twieled mejjet u, miegħu, il-funzjonament tajjeb tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
105. Fil-fatt, kif jista’ jiġi aċċettat, ġewwa l-ispazju uniku li jippretendi li huwa l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li l-istess reat kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkun preskritt fi Stat Membru mentri jista’ jagħti lok għal kundanna definittiva fl-Istat viċin?
106. Peress li din is-sitwazzjoni seħħet diġà, huwa għaldaqstant essenzjali li ssir armonizzazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni sabiex tiġi ggarantita protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tkun ekwivalenti u uniformi fl-Istati Membri kollha u b’hekk li jiġi evitat li d-delinkwenti ma jibbenefikawx minn kważi impunità billi japprofittaw mil-leġiżlazzjonijiet kriminali l-iktar favorevoli għall-interessi tagħhom, ħaġa li toħloq riskju ta’ “forum shopping” (39).
107. Mill-bqija, il-Kummissjoni ilha għal dawn l-aħħar snin tiżvela kontinwament in-nuqqasijiet fis-sistema attwali, ikkaratterizzata minn qafas legali estremament ifframmentat minħabba d-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi legali, minħabba r-ratifika jew in-nuqqas ta’ ratifika tal-Konvenzjoni PIF (40) u minħabba l-prijoritajiet politiċi adottati fil-qasam kriminali mill-Istati Membri (41). Fid-dawl tal-mobbiltà tad-delinkwenti u tal-profitti li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u tal-kumplessità tal-investigazzjonijiet transkonfinali li din timplika, il-Kummissjoni tqis, attwalment, li t-termini nazzjonali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam ma humiex adegwati (42).
108. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, u b’mod konformi mal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, jidhirli li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li qorti nazzjonali, li taġixxi bħala qorti tad-dritt komuni tal-Unjoni, għandha tastjeni milli tapplika t-terminu ta’ preskrizzjoni assolut li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali f’każ fejn tali leġiżlazzjoni tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’każ ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni itwal għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli għal dawk li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
109. Jidhirli wkoll li l-kunċett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi ddefinit fis-sens li kull att ta’ prosekuzzjoni kif ukoll kull att li jikkostitwixxi estensjoni neċessarja tal-imsemmija prosekuzzjoni jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, fejn dak l-att jiskatta għaldaqstant d-dekorrenza ta’ terminu ġdid, identiku għat-terminu inizjali, u fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni li jkun diġà ddekorra jiġi għaldaqstant imħassar.
B. Fuq il-kundizzjonijiet li fihom il-qrati nazzjonali huma obbligati ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali
1. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati
110. Skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali sa fejn dawn jipprekludu “l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi serja li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” (43).
111. Il-kriterji li abbażi tagħhom il-qrati nazzjonali huma mistennija ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali tagħhom stess huma, kif tirrileva l-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali), vagi u ġeneriċi. Fl-assenza ta’ linji gwida jew ta’ kull preċiżazzjoni oħra fis-sentenza Taricco et, il-qorti nazzjonali waħidha hija fil-fatt inkapaċi li tiddefinixxi, b’mod inekwivoku, l-ipoteżijiet li fihom il-preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu jiġi kklassifikat bħala “gravi” u l-każijiet li fihom l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni inkwistjoni jkollhom l-effett li jipprekludu l-“impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet” (44).
112. Fil-kuntest ta’ proċedura kriminali pendenti, huwa effettivament diffiċli sabiex b’mod konkret il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa tissodisfa għan, bħalma huwa l-ġlieda kontra r-reati tal-VAT, billi tintalab ma tapplikax regola sostantiva tad-dritt kriminali tagħha, dwar il-preskrizzjoni tar-reati u tal-pieni, abbażi ta’ kriterju li jista’ jidher, veru, bħala li jintroduċi element ta’ suġġettività fil-kuntest tal-evalwazzjoni mitluba.
113. Il-kriterju stabbilit fis-sentenza Taricco et huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ riskju sistematiku ta’ impunità.
114. L-evalwazzjoni tan-natura sistematika tista’ effettivament tkun operazzjoni delikata għall-qorti nazzjonali adita bil-kawża, inkwantu, mill-aspett estern, dan l-eżerċizzju jista’ jidher li jinvolvi doża ta’ suġġettività min-naħa ta’ dan tal-aħħar.
115. Ċertament, l-evalwazzjoni tan-natura sistematika tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi jew minn evalwazzjoni globali magħmula mill-qorti suprema Taljana, li tkun torbot lill-qrati nazzjonali kollha. Madankollu, mid-dibattiti waqt is-seduta ma jirriżultax li tali soluzzjoni tidher li hija possibbli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana, li l-attitudni tagħha, għandu jiġi enfasizzat, hija manifestament espressjoni tar-rieda li ssib soluzzjoni xierqa u konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma setgħatx tipprovdi garanziji suffiċjenti fuq dan il-punt.
116. Konsegwentement, nipproponi li dan l-obbligu jkun ibbażat biss fuq in-natura tar-reat u huwa l-obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddefinixxi din in-natura.
117. Nikkonstata li, fil-kuntest tan-negozjati sabiex tiġi adottata l-proposta ta’ direttiva PIF, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-kunċett ta’ reati gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jinkludu wkoll il-frodi tal-VAT, bħala li jkopri r-reati kollha li għandhom rabta mat-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar u li jinvolvu preġudizzju ta’ ammont totali li jaqbeż il-limitu ta’ għaxar miljun euro, fejn dan il-limitu huwa s-suġġett ta’ klawżola ta’ reviżjoni (45).
2. Fuq l-effetti rationae temporis tal-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et
118. Skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, il-qorti nazzjonali hija obbligata, jekk ikun il-każ, li ma tapplikax id-dispożizzjoni kkunsidrati flimkien tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali, fil-kuntest tal-proċeduri pendenti, u dan bil-għan li tiżgura, skont l-Artikolu 325 TFUE, is-sanzjoni effettiva tal-frodi kkonstatata.
119. Kif esponejt, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-qorti nazzjonali ma tistax tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu minħabba l-istatus u l-portata li għandu l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fl-ordinament ġuridiku Taljan.
120. F’dan ir-rigward, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni li l-Artikolu 53 tal-Karta jippermetti lir-Repubblika Taljana tapplika l-istandard tagħha stess għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, meta dan ikun ogħla minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta, u jippermetti għaldaqstant lill-qorti nazzjonali li topponi għat-twettiq tal-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.
121. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tirreferi wkoll għall-Artikolu 4(2) TUE sabiex issostni li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jisforza tali implementazzjoni mingħajr ma jippreġudika l-identità nazzjonali u, b’mod partikolari, dik kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana.
122. Jien ma naqbilx mal-interpretazzjoni proposta mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali).
a) Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fid-dritt tal-Unjoni
123. Fl-ewwel lok, nafu li s-sanzjoni tal-atti li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura l-effettività ta’ dan id-dritt u, b’mod partikolari, tad-dritt primarju.
124. Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jinsab stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta. Skont l-Artikolu 51(1) tal-istess Karta, dan l-artikolu japplika għall-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ hawnhekk.
125. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (46), l-Artikolu 49(1) (ħlief għall-aħħar sentenza) u (2) tal-Karta, jikkorrispondu għall-Artikolu 7 tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-konvenzjoni msemmija, filwaqt li ġie ppreċiżat li din id-dispożizzjoni ma żżommx lid-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni iktar estensiva.
126. Fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza Taricco et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta jkopri biss id-definizzjoni tar-reati kif ukoll il-livell tas-sanzjonijiet applikabbli għalihom. Inkwantu dan il-prinċipju ma jestendix għad-determinazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni, hija ddeċidiet konsegwentement li dan il-prinċipju ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tapplika, għal proċedura pendenti, terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst fil-mument li fih twettaq ir-reat.
127. Din l-evalwazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-portata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.
128. Il-prinċipji ġenerali dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni ġew sintetizzati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Coëme et vs Il-Belġju (47) u reċentement affermati mill-ġdid fid-deċiżjonijiet tagħha Previti vs L-Italja (48) u Borcea vs Ir-Rumanija (49).
129. L-Artikolu 7 tal-KEDB jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege: “filwaqt li huwa pprojbit b’mod partikolari li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati eżistenti jiġi estiż għal fatti li, qabel, ma kinux jikkostitwixxu reati, jeħtieġ barra minn hekk li l-liġi kriminali ma tiġix applikata b’mod estensiv għad-detriment tal-akkużat, pereżempju, b’analoġija. Minn dan isegwi li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u s-sanzjonijiet li japplikaw għalihom. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw lil din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu” (50).
130. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “ir-regoli dwar ir-retroattività li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-[KEDB] japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u s-sanzjonijiet li jirreprimuhom” (51). Għaldaqstant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issostni li huwa l-obbligu tagħha li tiżgura li “fil-mument li l-akkużat ikun wettaq l-att li wassal għall-prosekuzzjoni u, eventwalment, għall-kundanna, kienet teżisti dispożizzjoni legali li tirrendi l-att sanzjonabbli u li l-piena imposta ma eċċedietx il-limiti stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni” (52).
131. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Cöeme et vs Il-Belġju (53), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset bħala raġonevoli l-applikazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tal-prinċipju tempus regit actum għal dak li jikkonċerna l-liġijiet proċedurali, f’dan il-każ, l-applikazzjoni immedjata għall-proċeduri pendenti ta’ liġijiet li jemendaw ir-regoli ta’ preskrizzjoni.
132. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-applikazzjoni immedjata ta’ liġi li ttawwal it-termini ta’ preskrizzjoni ma tippreġudikax l-Artikolu 7 tal-KEDB “peress li wieħed ma jistax jinterpreta din id-dispożizzjoni bħala li tipprekludi, bl-effett tal-applikazzjoni immedjata ta’ liġi proċedurali, it-titwil tat-termini ta’ preskrizzjoni meta l-fatti imputati lill-persuna ma jkunu qatt ġew preskritti” (54). Għaldaqstant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikklassifikat ir-regoli ta’ preskrizzjoni bħala “liġijiet proċedurali”. Hija tosserva li r-regoli fuq il-preskrizzjoni ma jiddefinixxux ir-reati u s-sanzjonijiet li jirreprimuhom u jistgħu għaldaqstant ikunu interpretati bħala li jistabbilixxu kundizzjoni preliminari għall-eżami tal-kawża (55).
133. Fid-deċiżjoni tagħha Previti vs L-Italja (56), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikklassifikat għaldaqstant ir-regoli ġodda ta’ preskrizzjoni introdotti mil-liġi ex-Cirielli bħala regoli proċedurali. Infakkar li huma l-emendi qawwija li saru b’din il-liġi li kienu involuti fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Taricco et u li jinteressawna llum hawnhekk.
134. Fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni Previti vs L-Italja (57), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem intalbet, b’mod partikolari, tevalwa jekk il-kundizzjonijiet li fihom it-termini ta’ preskrizzjoni ġodda kienu ġew applikati kinux kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-KEDB. F’dak il-każ, ir-rikorrent, li l-appell tiegħu kien pendenti fil-kassazzjoni, ilmenta li ma setax jibbenefika mit-tqassir tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst għar-reat ta’ korruzzjoni, fejn dan minn ħmistax niżel għal tmien snin. Fil-fatt, skont is-sistema tranżitorja prevista mil-leġiżlatur, id-dispożizzjonijiet ġodda iktar favorevoli għall-akkużat fil-qasam ta’ preskrizzjoni kienu applikabbli għal kull proċedura pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, ħlief madankollu l-proċeduri pendenti quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni), ħaġa li kienet eskludiet de facto lir-rikorrent mill-benefiċċju tagħhom.
135. Il-kwistjoni kienet għaldaqstant dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw it-termini ta’ preskrizzjoni kinux suġġetti, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u s-sanzjonijiet li jirreprimuhom, għal regoli partikolari fil-qasam tar-retroattività, li jinkludu l-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali iktar favorevoli.
136. Sabiex tingħata risposta lil din id-domanda u sabiex tiġi evalwata, għaldaqstant, il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qajmet il-kwistjoni ta’ jekk il-liġi ex-Cirielli kienx fiha dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv.
137. Hija rrispondiet fin-negattiv, fejn ikklassifikat l-emendi leġiżlattivi introdotti bil-liġi ex-Cirielli bħala “regoli proċedurali”.
138. B’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret fil-fatt li r-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni, inkwantu ma jiddefinixxux ir-reati u s-sanzjonijiet li jirreprimuhom, jistgħu jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu sempliċi kundizzjoni preliminari għall-eżami tal-kawża u jistgħu għaldaqstant ikunu kklassifikati bħala “liġijiet proċedurali” (58).
139. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet għaldaqstant li, b’kuntrast mad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu r-reati u s-sanzjonijiet li jirreprimuhom (59), l-Artikolu 7 tal-KEDB ma jipprekludix għaldaqstant l-applikazzjoni immedjata għall-proċeduri pendenti (tempus regit actum) ta’ liġi li ttawwal it-termini ta’ preskrizzjoni, meta l-fatti imputati lill-akkużat ma jkunu qatt ġew preskritti (60) u fl-assenza ta’ arbitrarjetà (61).
140. Inkwantu r-regoli ta’ preskrizzjoni introdotti mil-liġi ex-Cirielli kellhom jiġu kklassifikati bħala “liġijiet proċedurali” u inkwantu s-sistema tranżitorja la kienet tidher irraġonevoli u lanqas arbitrarja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li ma hemmx xejn fil-KEDB li jipprekludi lil-leġiżlatur Taljan milli jirregola l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-proċessi li jkunu pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-liġi.
141. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, insostni li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-ġurisprudenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-portata tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 7 tal-KEDB, xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligi li għandha skont id-dritt tal-Unjoni, milli ma tapplikax id-dispożizzjonijiet previsti fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali fil-proċeduri pendenti.
142. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni wkoll li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Taricco et huma inkompatibbli mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7 tal-KEDB u, b’mod partikolari, mar-rekwiżit tal-prevedibbiltà, inkwantu l-individwi kkonċernati ma setgħux raġonevolment jipprevedu, fid-dawl tal-qafas regolatorju li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti, li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 325 TFUE, kien ser jimponi fuq il-qorti li ma tapplikax l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali (62).
143. Issa, jidhirli li l-individwi kkonċernati ma setgħux ma jkunux jafu li l-fatti li llum huma akkużati bihom setgħu jwasslu għar-responsabbiltà kriminali tagħhom u setgħu jwasslu, f’każ ta’ kundanna definittiva, għall-applikazzjoni tas-sanzjoni stabbilita fil-liġi. Dawn l-atti kienu jikkostitwixxu reati fil-mument li twettqu u s-sanzjonijiet ma humiex iktar ħorox minn dawk li kienu applikabbli fil-mument tal-fatti. Jien ma naħsibx li, minħabba t-twettiq ta’ dan l-obbligu mill-qorti nazzjonali, il-persuni kkonċernati jsofru preġudizzju ikbar minn dak li huma kienu esposti għalih fiż-żmien li fih twettaq ir-reat.
b) Fuq il-portata tal-Artikolu 53 tal-Karta
144. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tinvoka wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 tal-Karta sabiex toġġezzjona għat-twettiq tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et.
145. Hija tikkontempla, fil-fatt, l-interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 53 tal-Karta jippermetti lir-Repubblika Taljana li tapplika standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-Kostituzzjoni Taljana inkwantu dan l-istandard ikun ogħla minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta, u li tinvokah sabiex toġġezzjona għat-twettiq tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et.
146. Din l-interpretazzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali li teħles minn dan l-obbligu, inkwantu dan l-obbligu jeżiġi mingħand din il-qorti li ma tapplikax l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-proċeduri pendenti.
147. Id-domandi preliminari li saru mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) iwasslu għaldaqstant sabiex wieħed jistaqsi fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiffissaw il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
1) Kunsiderazzjonijiet preliminari (63)
148. Għalkemm huwa minnu li l-interpretazzjoni tad-drittijiet protetti bil-Karta għandha xxaqleb lejn livell għoli ta’ protezzjoni, bħalma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 52(3) tal-Karta kif ukoll mill-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52(4) tagħha, jeħtieġ, madankollu, jiġi ċċarat li dan għandu jinvolvi livell ta’ protezzjoni “li huwa adegwat għal-liġi ta’ l-Unjoni”, kif jiċċaraw ukoll l-istess spjegazzjonijiet.
149. Dan ifakkar prinċipju li ilu jiggwida l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri li s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni għandha tkun żgurata fil-kuntest tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Unjoni (64). F’dan ir-rigward, ma huwiex indifferenti li l-preambolu tal-Karta jsemmi l-għanijiet prinċipali tal-Unjoni, li fosthom hemm il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
150. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jsir raġunament esklużivament f’termini ta’ livell iktar jew inqas għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti imperattivi marbuta mal-azzjoni tal-Unjoni u n-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni.
151. Id-drittijiet fundamentali li għandhom ikunu protetti u l-livell ta’ protezzjoni li għandu jingħatalhom jirriflettu l-għażla ta’ soċjetà partikolari fir-rigward tal-bilanċ ġust li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tal-individwi u dawk tal-kollettività li għaliha jappartjenu. Din id-determinazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-evalwazzjonijiet li jkunu individwali għall-ordinament ġuridiku kkonċernat, b’mod partikolari skont il-kuntest soċjali, kulturali u storiku tiegħu, u għaldaqstant ma jistax jiġi awtomatikament traspost għal kuntesti oħrajn.
152. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta f’sens li jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli kostituzzjonali tagħhom li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni ogħla tad-dritt fundamentali inkwistjoni twassal, għalhekk, sabiex jiġi injorat li l-eżerċizzju konsistenti fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jintlaħaq jiddependi strettament fuq il-kuntest li fih jitwettaq.
153. Għalhekk, anki jekk l-għan huwa dak li jitfittex livell elevat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, in-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni timplika li l-livell ta’ protezzjoni li jitnissel mill-interpretazzjoni ta’ kostituzzjoni nazzjonali ma huwiex awtomatikament trasponibbli għal-livell tal-Unjoni u lanqas opponibbli fl-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
154. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jiġi ggarantit fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi speċifiċi li janimaw l-azzjoni tal-Unjoni. L-istess japplika, b’mod partikolari, għall-uniformità neċessarja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għar-rekwiżiti imperattivi marbutin mal-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dawn l-interessi speċifiċi jwasslu sabiex jadattaw il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali skont id-diversi interessi involuti.
2) Evalwazzjoni
155. Għall-istess raġunijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (65), l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta li tissuġġerixxi l-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi adottata.
156. Tali interpretazzjoni tippreġudika karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tippermetti lil Stat Membru li jopponi għall-implementazzjoni ta’ obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa perfettament konformi mal-Karta, peress li dan l-obbligu ma josservax l-istandard ta’ protezzjoni iktar għoli tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.
157. Għaldaqstant, fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (66), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jistax jaffettwa l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat(67).
158. L-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, fejn att tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dik l-applikazzjoni ma għandhiex tippreġudika la l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (68).
159. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Melloni (69), jien iddistingwejt is-sitwazzjonijiet li fihom teżisti definizzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-grad ta’ protezzjoni li għandu jkun iggarantit lil xi dritt fundamentali fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ azzjoni tal-Unjoni minn dawk fejn il-livell ta’ protezzjoni ma kienx is-suġġett ta’ definizzjoni komuni.
160. Fl-ewwel każ, jien sostnejt li l-invokar a posteriori minn Stat Membru taż-żamma tal-livell ta’ protezzjoni ogħla tiegħu għandu bħala konsegwenza li jikser il-bilanċ milħuq mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għaldaqstant li japplika ħażin id-dritt tal-Unjoni. Il-livell ta’ protezzjoni ġie fil-fatt stabbilit b’mod li jirrifletti l-għanijiet tal-azzjoni tal-Unjoni li hija kkonċernata. Għaldaqstant huwa jirrifletti l-bilanċ bejn in-neċessità li jiżgura l-effikaċità tal-azzjoni tal-Unjoni u dik li jipproteġi suffiċjentement id-drittijiet fundamentali.
161. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni ikbar sabiex japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali. Jien enfasizzajt madankollu li dan il-livell ta’ protezzjoni għandu għaldaqstant jiġi rrikonċiljat mal-implementazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni u ma għandux jippreġudika drittijiet fundamentali oħra protetti skont id-dritt tal-Unjoni.
162. Skont l-Artikolu 325 TFUE, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni titlob miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni. Dawn tal-aħħar għandhom jiggarantixxu, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, ir-repressjoni tar-reati li jippreġudikaw dawn l-interessi, bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali li għandhom ikunu effettivi u dissważivi. F’dan il-każ, bil-fatt li l-qrati nazzjonali jkunu mitluba ma japplikawx, fil-kuntest tal-proċeduri pendenti, ir-regoli ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ttendi li tiggarantixxi dan l-għan b’osservanza tal-Artikolu 49 tal-Karta u b’armonija mal-portata rrikonoxxuta tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege fl-Artikolu 7 tal-KEDB.
163. Huwa minnu li fil-preżent ma teżistix definizzjoni komuni fuq il-livell tal-Unjoni tal-portata li għandu jingħata l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u tal-grad ta’ protezzjoni li għandu, f’dan il-kuntest, jingħata lill-persuna mfittxija meta tkun involuta l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ preskrizzjoni (70). Konsegwentement, l-Istati Membri jibbenefikaw, bħala prinċipju, minn marġni ta’ diskrezzjoni ikbar sabiex japplikaw standard ta’ protezzjoni ogħla, bil-kundizzjoni, madankollu, li dan tal-aħħar ikun jiżgura s-supremazija u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.
164. Issa, għandhom jissemmew tliet punti.
165. Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li r-regoli ta’ preskrizzjoni għadhom ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ tul raġonevoli stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta jikkostitwixxu, bl-istess mod bħall-istrument li jistabbilixxih, l-ideal tar-regola armonizzata, direttament invokabbli.
166. Fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-istandard ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 25(2) tal-Kostituzzjoni Taljana, li tinvoka bħala oġġezzjoni l-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali), tippreġudika s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni inkwantu tippermetti li jiġi ostakolat obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja, li mhux biss huwa konformi mal-Karta, imma wkoll f’armonija mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
167. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, din l-applikazzjoni tippreġudika l-effettività tad-dritt tal-Unjoni inkwantu r-reati inkwistjoni, li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar, ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kundanna definittiva fid-dawl tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut u jibqgħu għalhekk mhux sanzjonati.
168. Jidhirli, konsegwentement, li l-Artikolu 53 tal-Karta ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li topponi għall-eżekuzzjoni tal-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et minħabba li dan l-obbligu ma josservax l-istandard ta’ protezzjoni ogħla tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.
c) Fuq ir-rispett tal-identità kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana
169. It-tielet domanda preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-portata tal-Artikolu 4(2) TUE.
170. Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) issostni, fil-fatt, li l-obbligu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, inkwantu jikser prinċipju suprem tal-ordinament kostituzzjonali tagħha, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, jista’ jaffettwa l-identità nazzjonali, u b’mod partikolari kostituzzjonali, tar-Repubblika Taljana.
171. Hija tenfasizza li d-dritt tal-Unjoni, l-istess bħall-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dan id-dritt, ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu fuq l-Istat Membru l-obbligu li jirrinunzja għall-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali tiegħu, li jiddefinixxu l-identità nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, l-implementazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun dejjem suġġetta għall-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru, li għandha tiġi evalwata mill-awtoritajiet nazzjonali u, f’dan il-każ, fl-Italja, mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali).
172. Il-pożizzjoni li jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta f’din il-kawża ma twassalx għaċ-ċaħda tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li minnha l-identità kostituzzjonali ċertament tifforma parti (71).
173. Naf li l-Unjoni, fil-fatt, hija marbuta, kif jipprovdi l-Artikolu 4(2) TUE, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom”.
174. Ninnota wkoll li l-preambolu tal-Karta jfakkar li, fl-azzjoni tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.
175. Konsegwentement, Stat Membru li jikkunsidra li dispożizzjoni tad-dritt primarju jew tad-dritt sekondarju tippreġudika l-identità nazzjonali tiegħu jista’ għaldaqstant jikkontestaha billi jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) TUE.
176. Madankollu, ma naħsibx li għandna din is-sitwazzjoni f’dan il-każ.
177. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem qieset li l-fatt li jiġi invokat ksur jew tad-drittijiet fundamentali, kif ifformulati fil-kostituzzjoni ta’ Stat Membru, jew tal-prinċipji ta’ struttura kostituzzjonali nazzjonali ma jistax jolqot il-validità ta’ att adott mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-effett tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat, u dan sabiex jitħarsu l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-validità ta’ dawn l-atti, għaldaqstant, tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (72).
178. It-tieni nett, ma iniex konvint li l-applikazzjoni immedjata ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal, li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et huwa tali li jaffettwa l-identità nazzjonali tar-Repubblika Taljana.
179. Fil-fatt, ma għandux ikun hemm konfużjoni bejn il-kunċett li jeżiġi l-protezzjoni ta’ dritt fundamentali u preġudizzju għall-identità nazzjonali jew, iktar speċifikament, għall-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru. Ovvjament, f’dan il-każ hemm dritt fundamentali protett mill-Kostituzzjoni Taljana li l-importanza tiegħu ma għandhiex tkun sottovalutata, imma dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE għandha tiġi kkunsidrata hawnhekk.
180. Barra minn hekk, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) ma tesponix ir-raġunijiet għaliex l-istatus ta’ prinċipju “suprem” tal-ordinament kostituzzjonali għandu jingħata lill-aspetti kollha tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (73) u lanqas ir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni immedjata ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal tista’ għaldaqstant tippreġudika l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika Taljana.
181. Nirrileva li, fil-Kostituzzjoni Taljana, il-prinċipji kklassifikati bħala “fundamentali” huma elenkati fl-Artikoli 1 sa 12 tagħha, fejn il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege huwa għaldaqstant eskluż minnhom a priori.
182. Naf li l-portata u l-istatus li jingħata lil xi prinċipju fl-ordinament kostituzzjonali Taljan jistgħu jkunu wkoll il-frott tal-ġurisprudenza kostituzzjonali.
183. Issa, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) diġà affermat li huwa biss il-“pern ċentrali” ta’ prinċipju fundamentali li jista’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura msejħa “kontra l-limiti”, bl-esklużjoni tad-diversi istituti li fihom dan id-dritt jista’ jimmanifesta ruħu konkretament u jintgħaġen skont l-istorja u l-eżiġenzi ta’ din tal-aħħar (74).
184. F’sentenza reċenti, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) ikkonfermat dan l-approċċ billi affermat li l-prinċipji “supremi” jew “fundamentali” tal-ordinament kostituzzjonali huma dawk li jidentifikaw lil dan tal-aħħar u li jirrappreżentaw il-“pern ċentrali” tal-Kostituzzjoni Taljana (75).
185. Barra min hekk, fil-punti 10 u 11 tal-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (76) u, b’mod partikolari, fl-ispjegazzjonijiet tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura msejħa “kontra l-limiti”, ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li l-prinċipji supremi jew fundamentali tal-ordinament kostituzzjonali tagħha, li l-ksur tagħhom b’att tad-dritt tal-Unjoni jiġġustifika l-ftuħ tal-imsemmija proċedura (77), jikkorrispondu għall-garanziji kostituzzjonali essenzjali, bħalma hija n-natura demokratika tar-Repubblika Taljana stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni Taljana, jew ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn il-bnedmin imsemmi fl-Artikolu 3 tagħha u ma jinkludux il-garanziji proċedurali, importanti kemm huma importanti.
186. Meħud kont ta’ dawn l-elementi, ma iniex konvint li l-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et, inkwantu dan iwassal sabiex il-qorti nazzjonali tapplika immedjatament għal proċedura pendenti terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst mil-liġi fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat, jista’ jippreġudika l-identità nazzjonali tar-Repubblika Taljana.
187. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli konsegwentement li l-Artikolu 4(2) TUE ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li topponi għat-twettiq tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Taricco et minħabba li l-applikazzjoni immedjata, għal proċedura pendenti, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst mil-liġi fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat hija tali li taffettwa l-identità nazzjonali ta’ dak l-Istat.
VIII. Konklużjoni
188. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja) kif ġej:
1) L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li qorti nazzjonali, li taġixxi bħala qorti tad-dritt komuni tal-Unjoni, għandha ma tapplikax it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-codice penale (Kodiċi kriminali) f’każ fejn tali leġiżlazzjoni tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi fil-każ ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni itwal għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli għal dawk li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2) Il-kunċett ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi ddefinit fis-sens li kull att ta’ prosekuzzjoni kif ukoll kull att li jikkostitwixxi estensjoni neċessarja tal-imsemmija prosekuzzjoni jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, fejn dak l-att jiskatta għaldaqstant d-dekorrenza ta’ terminu ġdid, identiku għat-terminu inizjali, u fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni li jkun diġà ddekorra jiġi għaldaqstant imħassar.
3) L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma japplikawx, fil-kuntest tal-proċeduri pendenti, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi kriminali skont l-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555).
4) L-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li topponi għat-twettiq tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555) minħabba li dan l-obbligu ma josservax l-istandard ta’ protezzjoni ogħla tad-drittijiet fundamentali ggarantit mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.
5) L-Artikolu 4(2) TUE ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li topponi għat-twettiq tal-obbligu impost mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555) minħabba li l-applikazzjoni immedjata, għal proċedura pendenti, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal minn dak previst mil-liġi fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat hija tali li taffettwa l-identità nazzjonali ta’ dak l-Istat.