Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sardegna (l-Italja) fil-25 ta’ April 2019 – Telecom Italia SpA vs Regione Sardegna

(Kawża C-338/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per la Sardegna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Telecom Italia SpA

Konvenuta: Regione Sardegna

Domandi preliminari

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999/KE tat-22 ta’ Marzu 1999 1 , applikabbi ratione temporis, li jistabbilixxi li “[m]ingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna tiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6,7,9 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis”, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta deċiżjoni preliminari ta’ rkupru anki fil-każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna (bla ħsara għall-possibbiltà li l-istess Kummissjoni tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 659/1999/KE);

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun waħda negattiva, l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999/KE tat-22 ta’ Marzu 1999 għandu jiġi ddikjarat invalidu minħabba li jikser l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li kien l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE);

L-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 (li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999) 2 , kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 3 , għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata ta’ interessi prevista f’dawn il-paragrafi għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat inkompatibbli u illegali tapplika anki fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat approvata permezz ta’ deċiżjoni kundizzjonata u użata ħażin peress li tkun seħħet il-kundizzjoni prevista.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat [tal-KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3).

3 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU 2008, L. 82, p. 1).