Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fis-6 ta’ Awwissu 2018 – Pegaso Srl Servizi Fiduciari et vs Poste Tutela SpA

(Kawża C-521/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pegaso Srl Servizi Fiduciari, Sistemi di Sicurezza Srl, YW

Konvenuta: Poste Tutela SpA

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-karatteristiċi indikati iktar ’il fuq, il-kumpannija Poste Italiane s.p.a., għandha tiġi kklassifikata bħala “korp irregolat mil-liġi pubblika” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal-2016 u tad-direttivi rilevanti tal-Unjoni (id-Direttivi 2014/23/UE 1 , 2014/24/UE 2 u 2014/25/UE 3 )?

Din il-klassifikazzjoni għandha testendi għall-kumpannija, miżmuma 100 %, Poste Tutela s.p.a., li barra minn hekk qiegħda fi proċess ta’ amalgamazzjoni mal-ewwel kumpannija li diġà ġiet deċiża, fid-dawl tal-premessa 46 tad-Direttiva 2014/23/UE dwar il-persuni ġuridiċi kkontrollati (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2017, Kawża C-567/15: obbligu ta’ sejħa għal offerti għall-kumpanniji kkontrollati mill-amministrazzjoni pubblika; sentenza Nru 6211 mogħtija fl-24 ta’ Novembru 2011 mir-Raba’ Awla tal-Consiglio di Stato)?

Dawn il-kumpanniji għandhom l-obbligu jorganizzaw proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi biss għall-għoti tal-kuntratti fir-rigward tal-attività li huma jeżerċitaw fis-setturi speċjali, abbażi tad-Direttiva 2014/25/UE, inkwantu entitajiet kontraenti, li fir-rigward tagħhom in-natura ta’ korp irregolat mil-liġi pubblika għandha titqies bħala li fiha nfisha taqa’ taħt ir-regoli tal-Parti II tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, filwaqt li dawn huma kompletament awtonomi u suġġetti esklużivament għar-regoli tad-dritt privat fir-rigward tal-attivitajiet kuntrattwali li ma jaqgħux taħt dawn is-setturi, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-premessa 21 u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE?

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntratti li jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-qasam speċifiku għas-setturi speċjali, meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonjiet relatati mal-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-istess kumpanniji jibqgħu suġġetti għad-Direttiva Ġenerali 2014/24/UE (u għaldaqstant għar-regoli dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku), anki meta dawn jeżerċitaw attitivajiet ta’ natura essenzjalment imprenditorjali f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li dawn evolvew minn wara l-kostituzzjoni oriġinali tagħhom?

F’uffiċċji li fihom jitwettqu attivitajiet inerenti għas-servizz universali flimkien ma’ attivitajiet mhux relatati ma’ dan tal-aħħar, jista’ jiġi eskluż li l-kuntratti inerenti għall-manutenzjoni ordinarja u extraordinarja, għat-tindif, għall-arredament kif ukoll għas-servizz ta’ purtinerija u ta’ sorveljanza ta’ dawn l-uffiċċji jaqgħu taħt il-kunċett ta’ strumentalità għall-finijiet tas-servizz li huwa speċifikament fl-interess pubbliku?

Fl-aħħar nett, jekk kellu jitqies li huwa possibbli li jiġi aċċettat l-argument ta’ Poste Italiane s.p.a., il-fatt li tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti fl-assenza ta’ obbligu legali u għaldaqstant mingħajr ma l-proċedura tkun suġġetta għall-garanziji kollha ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament irregolati mill-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, debitament ippubblikata mingħajr avviżi oħra f’dan ir-rigward fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jikser il-prinċipju stabbilit ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi tal-offerenti fis-sejħa għal offerti?

____________

1 Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 82, p. 17 u fil-ĠU 2015, L 114, p. 24).

2 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

3 Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).