Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 minn Pirelli & C. SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-455/14, Pirelli & C. vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-611/18 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Pirelli & C. SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, G. Rizza, avvocati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Prysmian Cavi e Sistemi Srl

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

skont u għall-finijiet tal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali inkluża fid-dispożittiv tas-sentenza mogħtija minnha fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-455/14 Pirelli & C. S.p.A vs Il-Kummissjoni, innotifikata lill-appellanti fl-istess jum permezz tal-e-Curia;

u

skont u għall-finijiet tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tilqa’, mingħajr ma tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, it-talbiet imressqa minn Pirelli fl-ewwel istanza, mutatis mutandis, u għaldaqstant:

prinċipalment

tannulla d-deċiżjoni 1 sa fejn din tikkonċerna lil Pirelli, u preċiżament: l-Artikoli 1(5)(d), 2(g) u 4 tagħha, iżda biss fir-rigward tal-inklużjoni ta’ Pirelli fil-lista tad-destinatarji tal-miżura;

sussidjarjament

tipprevedi beneficium ordinis seu excussionis favur Pirelli, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha estiża għall-mertu skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 2 u l-Artikolu 261 TFUE;

jekk Prysmian kellha tippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-475/14 u dan kellu jiġi milqugħ:

tannulla d-deċiżjoni jew temenda l-Artikolu 2(g) tagħha, billi tnaqqas l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Prysmian u Pirelli;

fi kwalunkwe każ tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

jekk ma tannullax id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza mogħtija minnha fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-455/14 Pirelli &C. SpA vs Il-Kummissjoni, tipprevedi xorta waħda beneficium ordinis seu excussionis favur Pirelli, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha estiża għall-mertu skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 261 TFUE.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, dwar ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward: tal-allegata ineżistenza tan-nuqqas ta’ motivazzjoni invokat mill-appellanti Pirelli, fir-rigward taċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-argumenti ddettaljati tagħha relatati mal-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinati; u tal-inugwaljanza fit-trattament imwettqa mill-Kummissjoni billi applikat biss lil Goldman Sachs il-metodu msejjaħ tal-“bażi doppja”

Il-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat is-suġġett u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni kellha, billi ma rrikonoxxietx u ma ddikjaratx li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-qorti tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kien imissha annulat id-deċiżjoni fil-parti li kienet tikkonċerna lill-appellanti sa fejn il-miżura li tikkonċernaha ma tinkludix espożizzjoni ddettaljata ta’ motivi preċiżi, speċifiċi u konkreti li jistgħu jiġġustifikaw l-imputabbiltà tal-ksur lil Pirelli fuq il-bażi ta’ preżunzjoni, minkejja li Pirelli kienet ipproduċiet il-prova tal-fatt li r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi tagħha ma’ Prysmian ma kellhomx bħala effett li jeskludu jew jillimitaw il-grad ta’ awtonomija tas-sussidjaraja tagħha. Barra minn hekk, is-sentenza appellata totalment injorat l-argumenti ta’ Pirelli relatati mad-differenza fit-trattament li hija kienet sofriet, peress li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni llimitat ruħha tapplika biss il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinati (il-“PLP”) minflok ma tapplika l-metodu ta’ imputazzjoni li jimplika bażi doppja – li madankollu hija applikat fir-rigward tal-kumpannija omm l-oħra ta’ Prysmian, Goldman Sachs.

It-tieni aggravju, dwar ksur tal-Artikoli 48 u 49 tal-Karta ta’ Nice u dwar l-insuffiċjenza u n-natura mhux loġika tal-motivazzjoni tas-sentenza, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna ġuridika Pirelli u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mwettaq mill-Kummissjoni

Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali – li tipprevedi li r-responsabbiltà ta’ Pirelli stabbilita abbażi ta’ preżunzjoni ma hijiex responsabbiltà kriminali mingħajr ħtija u minħabba fatt imwettaq minn ħaddieħor, iżda responsabbiltà ta’ natura personali tal-“impriża” li hija kienet tikkostitwixxi flimkien mas-sussidjarja tagħha Prysmian, li hija l-awtur ta’ dan il-ksur – hija bbażata fuq sovrapożizzjoni indebita ta’ żewġ livelli ta’ analiżi li madankollu ma jistgħux jiġu sovrapożizzjonati: l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-impriżi u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni ġuridiċi akkużati. Barra minnhekk, is-sentenza ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif xieraq l-argument ta’ Pirelli dwar in-natura ta’ preżunzjoni doppja li l-PLP għandha. Fil-fatt, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni assumiet li Pirelli kienet teżerċita influwenza determinati mhux biss fuq il-politika kummerċjali ta’ Prysmian, iżda wkoll – mingħajr ma l-appellanti setgħet tipproduċi prova kuntrarja – fuq l-aġiri speċifiċi antikompetittivi tas-sussidjarja tagħha. Pirelli tinvoka n-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata anki fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma bbilanċjatx l-interessi inkwistjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-PLP, fid-dawl tal-elementi partikolari tal-każ speċifiku u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, hekk kif għall-kuntrarju huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-QEDB. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aggravju ta’ Pirelli bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-PLP magħmula fid-deċiżjoni fir-rigward tagħha ma kinitx proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, għat-twettiq tal-għanijiet intiżi li jiġi żgurat aħjar il-ħlas effettiv tas-sanzjoni u li tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ multi ogħla għall-finijiet ta’ dissważjoni, il-Qorti Ġenerali wieġbet billi rreferiet għal preċedenti ġurisprudenzjali mhux rilevanti.

It-tielet aggravju, dwar ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà in solidum, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u dwar in-natura mhux loġika tal-motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata fil-mertu tal-applikazzjoni lil Pirelli tal-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum ma’ Prysmian għall-finijiet tal-ħlas tal-multa, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-beneficium ordinis seu excussionis favur Pirelli

Anki jekk Pirelli kienet ġiet ikkundannata – bħal Prysmian – għall-ħlas tal-ammont kollu tal-multa imposta fuqhom permezz tad-deċiżjoni, is-sitwazzjoni tal-appellanti kienet differenti ħafna min dik tal-ex sussidjarja tagħha, li d-deċiżjoni b’mod ċar indikat li kienet l-awtur dirett tal-ksur. Hekk kif is-sentenza korrettament – iżda b’mod kontradittorju – tirrikonoxxi, Pirelli ġiet attribwita responsabbiltà purament idderivata u anċillari, li għaldaqstant tiddependi minn dik ta’ Prysmian. Il-Kummissjoni kien imissha naqqset l-effetti mhux raġonevoli u sproporzjonati fuq il-livell tas-sanzjoni tal-viżjoni distorta tagħha stess tal-prerogattivi ta’ Pirelli inkwantu kumpannija omm totali billi tastjeni milli tapplika fir-rigward tagħha r-rabta ta’ solidarjetà tas-sanzjoni, jew billi tapplikaha biss fir-rigward ta’ parti mill-multa imposta fuq Prysmian, jew għalinqas billi tirrikonoxxi lil Pirelli l-beneficium ordinis seu excussionis. Minbarra li ma pprovdiet ebda motivazzjoni dwar il-motiv imressaq minn Pirelli fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan il-benifiċċju, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ responsabbiltà in solidum, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Ir-raba’ aggravju, dwar ksur tal-Artikoli 261 TFUE u 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għall-beneficium ordinis seu excussionis imressqa minn Pirelli fil-kuntest tat-talbiet tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali

Skont id-dispożizzjonijiet iċċitati, taqa’ taħt is-setgħat tal-Qorti Ġenerali mhux biss is-setgħa li tbiddel l-ammont tas-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni, iżda anki dik li tbiddel il-modalitajiet ta’ ħlas u ta’ rkupru tas-sanzjoni. Il-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza appellata – li abbażi tagħha s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet ma tinkludix il-possibbiltà li tistabbilixxi l-kwoti rispettivi ta’ multa tad-debituri in solidum fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom – ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni differenti li Pirelli qajjmet, li għaldaqstant il-Qorti Ġenerali essenzjalment injorat, dwar is-setgħa tal-Kummissjoni, u tal-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tagħha, li tapplika beneficium ordinis seu excussionis fir-rigward tal-kumpannija omm totali ssanzjonata in solidum. Dan il-benefiċċju, fil-fatt, ma jirrigwardax ir-relazzjonijiet interni bejn id-debituri in solidum, iżda jirrigwarda l-obbligu li kull wieħed minnhom, separatament, għandu fir-rigward tal-Kummissjoni (imsejħa relazzjonijiet esterni).

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2014) 2139 finali, tat-2 ta’ April 2014 (Każ AT.39610 – Kejbils tal-elettriku).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).