Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2019 minn Camelia Manéa mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-225/18, Manéa vs CdT

(Kawża C-892/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Camelia Manéa (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019 (T-225/18);

tiddeċiedi mill-ġdid fuq ir-rikors u tilqa’ t-talbiet tal-appellanti kif esposti fir-rikors tagħha ppreżentat fl-ewwel istanza;

tikkundanna liċ-Cdt għall-ispejjeż relatati maż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji.

L-ewwel aggravju, relatat mal-punti 36 sa 38 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żnaturament tal-bażi fattwali u legali tal-ewwel motiv tar-rikors.

It-tieni aggravju, relatat mal-punt 43 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq ksur tar-regoli fil-qasam ta’ provi, fuq evalwazzjoni materjalment mhux eżatta abbażi ta’ eżami inkomplet tal-fajl, fuq żnaturament tal-provi, kif ukoll fuq żnaturament ta’ dokument fil-proċess.

It-tielet aggravju, relatat mal-punt 44 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi, fuq żnaturament jew fuq evalwazzjoni materjalment mhux eżatta tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2016 minħabba eżami inkomplet tal-fajl, kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti fid-dawl tal-legalità.

Ir-raba’ aggravju, relatat mal-punt 55 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żnaturament tal-motivi tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017.

Il-ħames aggravju, relatat mal-punt 56 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żnaturament tal-motiv tar-rikors li jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-kontradizzjoni bejn il-punti 81 u 83 tas-sentenza appellata.

Is-seba’ aggravju, relatat mal-punt 84 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq żnaturament tal-argumenti, fuq evalwazzjoni materjalment mhux eżatta minħabba eżami inkomplet tal-fajl, kif ukoll fuq ir-risposta insuffiċjenti tal-Qorti Ġenerali għall-argumenti tar-rikorrenti.

____________