Language of document : ECLI:EU:F:2009:165

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-17/09

Herbert Meister

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku ─ Uffiċjali ─ Rikors għal annullament ─ Riferiment għall-punti ta’ promozzjoni akkumulati preċedentement ─ Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju ─ Rikors għad-danni ─ Dannu li ma jistax jiġi stmat ─ Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu H. Meister jikkontesta r-riferiment, li jinsab fid-deċiżjoni tal-UASI dwar l-għoti tal-punti ta’ promozzjoni tiegħu għall-2008, li jipprovdi li l-punti ta’ promozzjoni totali li huwa akkumula taħt il-proċeduri ta’ promozzjoni qabel l-2008 jammontaw għal 17.5.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-UASI.

Sommarju

1.      Proċedura – Rinunzja – Ħtieġa li l-intenzjoni ta’ rinunzja għall-atti tal-kawża tkun manifestament ċara u inkundizzjonata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 74)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors li ma huwiex ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-punti ta’ promozzjoni, iżda kontra r-riferiment għalihom fl-imsemmija deċiżjoni – Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża – Sunt tal-motivi invokati – Rikors għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(e), u 76)

1.      Hija biss l-intenzjoni ta’ rinunzja għall-atti tal-kawża tar-rikorrent li tkun manifestament ċara u inkundizzjonata li tista’ tiġi kkunsidrata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 1992, Gavilan vs Il-Parlament, T‑73/91, Ġabra p. II‑1555, punt 26; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 100

2.      L-effett ta’ talba intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad ilment huwa li l-qorti Komunitarja jkollha tiddeċiedi fuq l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih l-imsemmi lment kien ġie ppreżentat.

Dan ma jseħħx fil-każ ta’ lment li fih ir-rikorrent ma jikkontestax id-deċiżjoni li tattribbwixxi l-punti lilu, iżda r-riferiment għalihom f’din id-deċiżjoni. Fil-fatt, dan ir-riferiment, li sempliċiment ifakkar lir-rikorrent dwar il-punti ta’ promozzjoni totali li akkumula taħt il-proċeduri ta’ promozzjoni preċedenti u li l-għan tiegħu huwa sempliċement li jiġi stabbilit jekk huwa laħaqx il-livell meħtieġ għal promozzjoni, ma jipproduċi ebda effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi tiegħu billi jbiddel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, u għalhekk ma jistax jitqies li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 27, 29 u 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, Ġabra p. II‑665, punt 28; 23 ta’ Marzu 2004, Theodorakis vs Il-Kunsill, T‑310/02, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑427, punt 19; 9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑80/04, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑729, punt 15

3.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti, rikors intiż għall-kumpens ta’ danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li bih ir-rikorrent jikkritika lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet għaliex huwa jqis li hemm rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa allegatament ġarrab u n-natura u l-firxa ta’ dan id-dannu. Min-naħa l-oħra, talba intiża għall-kisba ta’ kumpens li jkun liema jkun u li mhux stmat, hija nieqsa mill-preċiżjoni meħtieġa u għalhekk għandha titqies li hija infondata.

(ara l-punt 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Lulju 1994, Osório vs Il-Kummissjoni, T‑505/93, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑581, punt 33; 15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punt 32; 7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il‑Kummissjoni, T‑175/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punt 42

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, N vs Il-Kummissjoni, F‑95/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 86