Language of document : ECLI:EU:C:2010:828

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Diċembru 2010(*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri – Responsabbbiltà tal‑ġenituri – Dritt ta’ kustodja – Ħtif ta’ minuri – Artikolu 42 – Eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata li tordna r-ritorn ta’ minuri mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni (Spanjola) – Ġurisdizzjoni tal-qorti rikjesta (Ġermaniża) biex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza f’każ ta’ ksur serju tad-drittijiet tal‑minuri”

Fil-Kawża C‑491/10 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura mibdija minn

Joseba Andoni Aguirre Zarraga

vs

Simone Pelz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2010, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 104b(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eżaminat il-bżonn li dan ir-rinviju jinstema’ skont il-proċedura b’urġenza,

wara li rat id-deċiżjoni tal-Ewwel Awla tat-28 ta’ Ottubru 2010 li l-imsemmi rinviju jinstema’ skont il-proċedura b’urġenza,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. A. Aguirre Zarraga, irrappreżentat mill-Bundesamt für Justiz, minn A. Schulz, bħala aġent,

–        għal S. Pelz, minn K. Niethammer-Jürgens, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u D. Palcevska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. A. Aguirre Zarraga u S. Pelz fir-rigward tar-ritorn fi Spanja tat-tifla tagħhom Andrea, li bħalissa qed toqgħod il-Ġermanja ma’ ommha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 2201/2003

3        Skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l‑minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 [fuq l-aspetti ċivili tal‑ħtif internazzjonali tat-tfal (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980’)] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il‑minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma [imneħħija jew miżmuma illegalment] għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l‑minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta [illegali]. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

4        Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“Is-smiegħ ta’ l-minuri tilgħab parti mportanti fl-applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament, għalkemm dan l-instrument mhux maħsub sabiex jimmodifika l‑proċedimenti nazzjonali fejn applikabli.”

5        Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 tiddisponi:

“Ir-rikonoxximent u l-infurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

6        Skont il‑premessa 24 tal‑imsemmi regolament:

“Iċ-ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l-infurzar [l-eżekuzzjoni] tas-sentenza m’għandux ikun suġġett għall-appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza.”

7        Il-premessa 33 tal-istess regolament tistipula kif ġej:

“Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [, ipproklamanta fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-‘Karta tad-Drittijiet Fundamentali’)]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali […]”.

8        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [abbażi] ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.      Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

[…]

8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

9        Fir-rigward tar-rikonoxximent tas-sentenzi, l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.

[…]”

10      Skont l‑Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament:

“Sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

a)       Jekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika [ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri;

b)       Jekk ġie mogħti, ħlief f’każ ta’ emerġenza, mingħajr ma l-minuri ingħata l-opportunità biex jinstema, bi ksur ta’ l-prinċipji fondamentali ta’ l-proċedimenti ta’ l-Istat Membru fejn huwa mitlub ir-rikonoxximent;

[…]”

11      L-Artikolu 42 tal-istess regolament, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.       Ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l-infurzar [eżegwibbli] mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli [tkun eżegwibbli] fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità [tal-eżegwibbiltà] u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.

Anke jekk il-liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall-infurzabilità b’operat ta’ l-liġi [eżegwibbiltà ipso jure], minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 11(b)(8), il-qorti ta’ l-oriġini tista’ tiddikjara s-sentenza bħala nfurzabbli [eżegwibbli].

2.      L-Imħallef ta’ l-oriġini li qata’ s-sentenza msemmija fl-Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 biss jekk:

a)      il-minuri ingħata l-opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu,

b)      il-partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

c)      il-qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza r-raġunijiet għal u x-xhieda wara ta’ l-ordni maħruġa skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980].

Fil-każ li l-qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l‑protezzjoni tal-minuri wara r-ritorn tagħhom fl-Istat abitwali tar-residenza, iċ‑certifikat għandu jinkludi fih id-dettalji dwar l-imsemmija miżuri

L-Imħallef tal-oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ‑ċertifikat billi juża l-forma standard li tinstab fl-Anness IV (iċ-ċertifikat dwar ir-ritorn tal-minuri).

Iċ-ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl-ilsien tas-sentenza.”

12      L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-korrezzjoni taċ‑ċertifikat”, jiddisponi:

“1.      Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha ssir applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat.

2.      M’għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat skond l‑Artikoli 41(1) or [jew] 42(1).”

13      L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, jiddisponi li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza, b’mod partikolari, fuq il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001

14      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121), jipprovdi, fl-Artikolu 10(4), fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjonijiet moderni:

“Il-qorti rikjedenti tista titlob lill-qorti rikjesta biex tuża’ teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda, partikolarment permezz ta’ konferenzi bl-użu tal-video u konferenzi bl-użu tat-telefon.

Il-qorti rikjesta għandha tikkonforma ma’ ħtieġa bħal din minbarra jekk din ma tkunx [tkun] inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba f’diffikultajiet prattiċi maġġuri.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-diversi proċeduri li fihom huma involuti l-partijiet fil-kawża prinċipali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

16      J. A. Aguirre Zarraga, ċittadin Spanjol, u S. Pelz, ċittadina Ġermaniża, iżżewġu fil-25 ta’ Settembru 1998 f’Erandio (Spanja). Huma kellhom tifla, Andrea, fil-31 ta’ Jannar 2000. Kellhom ir-residenza abitwali tagħhom f’Sondika (Spanja).

17      Peress li r-relazzjonijiet bejn S. Pelz u J. A. Aguirre Zarraga ddeterjoraw lejn it‑tmiem tas-sena 2007, huma sseparaw u, sussegwentement it-tnejn ippreżentaw talba għal divorzju quddiem il-qrati Spanjoli.

 Il-proċedura quddiem il-qrati Spanjoli

18      Kemm S. Pelz kif ukoll J. A. Aguirre Zarraga talbu d-dritt ta’ kustodja esklużiva tat-tifla tagħhom. B’sentenza tat-12 ta’ Mejju 2008, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao (il-Qorti tal-Prim’Istanza u Istruttorja Nru 5 ta’ Bilbao) tat, b’mod provviżorju, id-dritt ta’ kustodja li J. A. Aguirre Zarraga, filwaqt li S. Pelz ingħatat dritt ta’ aċċess. Wara din is-sentenza, Andrea marret tgħix f’dar missierha.

19      L-imsemmija sentenza kienet ibbażata b’mod partikolari fuq ir‑rakkomandazzjonijiet tal-Equipo Psicosocial Judicial (servizz psikosoċjali ġudizzjarju) f’parir imfassal fuq talba tal-qorti adita. Skont dan il-parir, il-kustodja kellha tingħata lill-missier peress li kien fl-aħjar pożizzjoni biex jiżgura ż-żamma tal-ambjent familjari, skolastiku u soċjali tal-minuri. Peress li S. Pelz kienet ripetutament semmiet ix-xewqa tagħha li tgħix il-Ġermanja mas-sieħeb il-ġdid tagħha u ma’ bintha, l-imsemmija qorti kkunsidrat li l-għoti tal-kustodja lill-omm kien imur kontra l-konklużjonijiet tal-imsemmi parir u kien imur kontra l-bonum filii wkoll.

20      Fix-xahar ta’ Ġunju 2008, S. Pelz telqet minn Spanja u marret tgħix il-Ġermanja, fejn issa tirrisjedi mas-sieħeb il-ġdid tagħha. Fix-xahar ta’ Awwissu 2008, wara l‑vaganzi tas-sajf li kienet għaddiet ma’ ommha, Andrea baqgħet tgħix magħha l‑Ġermanja. Minn dakinhar, ma reġgħetx lura d-dar ta’ missierha, fi Spanja.

21      Peress li, mill-15 ta’ Awwissu 2008, Andrea kienet toqgħod għand ommha fil‑Ġermanja, u dan bi ksur tas-sentenza tagħha tat-12 ta’ Mejju 2008, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao, permezz ta’ sentenza ġdida dwar il-miżuri provviżorji tal-15 ta’ Ottubru 2008, mogħtija fuq talba ta’ J. A. Aguirre Zarraga, ipprojbiet li Andrea milli titlaq mit-territorju Spanjol flimkien ma’ ommha, kwalunkwe membru tal-familja tagħha jew kwalunkwe persuna oħra li għandha xi rabta ta’ parentela ma’ S. Pelz. Barra minn hekk, din is-sentenza ssospendiet, sa ma tingħata s-sentenza finali, d-dritt ta’ aċċess mogħti preċedentement lil din tal-aħħar.

22      Fix-xahar ta’ Lulju 2009, il-proċedura dwar id-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ Andrea tkompliet quddiem l-istess Imħallef. Dan qies li kellha ssir perizja ġdida u Andrea kellha tinstema’ personalment u ffissa dati għall-perizja u għas-smigħ li kellhom isiru f’Bilbao. Madankollu, la Andrea u lanqas ommha ma dehru f’dawn id-dati. Skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti Spanjola ma laqgħetx it-talba ta’ S. Pelz biex tikseb l-awtorizzazzjoni, għaliha u għat-tifla tagħha, biex jitilqu liberament mit-territorju Spanjol wara l-perizja u wara li tinstema’ Andrea. L-imsemmija qorti lanqas ma laqgħet it-talba espressa ta’ S. Pelz sabiex Andrea tinsema’ permezz ta’ konferenza vidjo.

23      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2009, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ta d-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ Andrea esklużivament lil missierha. S. Pelz appellat minn din is-sentenza quddiem l‑Audiencia Provincial de Bizkaya (qorti provinċjali ta’ Bizkaya), u talbet b’mod partikolari li tinstema’ Andrea.

24      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ April 2010, il-qorti msemmija l-aħħar ċaħdet din it-talba għar-raġuni li, skont ir-regoli tal-proċedura Spanjoli, il-produzzjoni tal‑provi fl-appell hija possibbli biss f’ċerti każijiet iddeterminati espressament mil-liġi. In-nuqqas volontarju ta’ parti milli tidher meta tkun issejħet debitament sabiex tattendi seduta fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix wieħed minn dawn il‑każijiet. Barra minn hekk, il-proċedura għadha pendenti quddiem l-imsemmija qorti.

 Il-proċeduri quddiem il-qrati Ġermaniżi

25      Kien hemm żewġ proċeduri għaddejjin fil-Ġermanja.

26      L-ewwel waħda kienet tikkonċerna t-talba ta’ J. A. Aguirre Zarraga intiża biex jikseb ir-ritorn ta’ bintu fi Spanja, ippreżentata abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Din it-talba ntlaqgħet mill-Amtsgericht Celle (il-qorti distrettwali ta’ Celle), permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Jannar 2009.

27      S. Pelz appellat minn din is-sentenza. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, l’Oberlandesgericht Celle (qorti reġjonali superjuri ta’ Celle) laqgħet l-appell, konsegwentement annullat l-imsemmija sentenza u ċaħdet it-talba ta’ J. A. Aguirre Zarraga abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

28      L-Oberlandesgericht Celle rrilevat b’mod partikolari li s-smigħ ta’ Andrea, li kienet wettqet, wera li kienet topponi b’mod persistenti r-ritorn mitlub minn missierha, u rrifjutat b’mod kategoriku li tmur lura Spanja. L-espert imqabbad minn din il-qorti kkonkluda wara dan is-smigħ li l-opinjoni ta’ Andrea kellha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm fid-dawl tal-età tagħha kif ukoll tal-maturità tagħha.

29      It-tieni proċedura quddiem il-qrati Ġermaniżi nbdiet abbażi ta’ ċertifikat maħruġ fil-5 ta’ Frar 2010 skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 mill‑Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao fuq il-bażi tas‑sentenza ta’ divorzju li kienet tat fis-16 ta’ Diċembru 2009, li permezz tagħha kienet iddeċidiet ukoll fuq id-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ Andrea.

30      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2010, il-Bundesamt für Justiz (l-Uffiċċju federali tal-ġustizzja) bagħat lill-qorti kompetenti tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, jiġifieri l-Amtsgericht Celle, l-imsemmija sentenza u ċertifikat. L‑imsemmi ministru ġibed l-attenzjoni ta’ din il-qorti għall-fatt li, skont l-Artikolu 44(3) tal-liġi fuq l-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti strumenti legali f’kwistjonijiet ta’ dritt internazzjonali tal-familja (Gesetz zur Aus- und Durchführung bestimmter Rechtsinstrumente auf dem Gebiet des internationalen Familienrechts), is-sentenza tal-qorti Spanjola li ordnat ir-ritorn tal-minuri kellha tiġi eżegwita ipso jure.

31      S. Pelz opponiet l-eżekuzzjoni sfurzata tal-imsemmija sentenza ċċertifikata, u talbet li din ma tiġix irrikonoxxuta.

32      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2010, l-Amtsgericht Celle kkunsidrat li s‑sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao la kellha tiġi rikonoxxuta u lanqas ma kellha tiġi eżegwita, għar-raġuni li din il-qorti ma kinitx semgħet lil Andrea qabel ma tat is-sentenza tagħha.

33      Fit-18 ta’ Ġunju 2010, J. A. Aguirre Zarraga appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Celle, u talab li tiġi annullata, li t-talbiet ta’ S. Pelz jiġu miċħuda u li s-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tas-16 ta’ Diċembru 2009 tiġi eżegwita ipso jure inkwantu tordna r-ritorn ta’ Andrea f’dar missierha.

34      Għalkemm l-Oberlandesgericht Celle tirrikonoxxi li l-qorti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ċertifikat stabbilit b’mod konformi mal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma għandhiex ġurisdizzjoni biex twettaq stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 21 tal-istess regolament, hija madankollu tal-fehma li dan ma għandux japplika f’każ ta’ ksur partikolarment serju ta’ dritt fundamentali.

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao ma semgħetx l-opinjoni attwali ta’ Andrea u b’hekk ma setgħetx tieħu din l-opinjoni inkunsiderazzjoni fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2009 li kienet tirrigwarda, fost affarijiet oħra, id-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ din it-tifla. Min-naħa l-oħra, l-isforzi tal-qorti Spanjola biex tismagħha kienu insuffiċjenti fid-dawl tal-importanza mogħtija lit-teħid inkunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-minuri mill-Artikolu 24(1) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

36      Barra minn hekk, l-Oberlandesgericht Celle tistaqsi jekk, f’każ li, minkejja tali ksur ta’ dritt fundamentali, il-qorti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma jkollha ebda setgħa ta’ stħarriġ, dan l-Istat Membru jistax ikun marbut b’ċertifikat, stabbilit skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-kontenut tiegħu huwa manifestament falz. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, iċ-ċertifikat tal-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción n° 5 de Bilbao tal-5 ta’ Frar 2010 fih dikjarazzjoni manifestament falza inkwantu jindika li Andrea nstemgħet mill-imsemmija qorti Spanjola, għalkemm ma nstemgħetx.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Celle iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolament [Nru 2201/2003] skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha eċċezzjonalment poter ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-każ fejn id-deċiżjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tiġi infurzata hija vvizzjata bi ksur serju tad-drittijiet fundamentali?

2)      Il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija marbuta teżegwixxi d-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini anki jekk mill-proċess jirriżulta li ċ‑ċertifikat maħruġ mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament [Nru 2201/2003] jinkludi dikjarazzjoni manifestament ineżatta?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

38      Permezz ta’ memorandum tad-19 ta’ Ottubru 2010, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 104b(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talab lill-Ewwel Awla teżamina l-bżonn li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ skont il-proċedura b’urġenza.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-urġenza li tingħata deċiżjoni fis-sitwazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ minuri b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li s-separazzjoni ta’ wild mill-ġenitur li lilu, bħal fil-kawża prinċipali, kienet ingħatat il-kustodja qabel, anki jekk b’mod provviżorju, twassal għal deterjorament jew ħsara fir‑relazzjonijiet bejniethom u għal dannu psikoloġiku (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C-195/08 PPU, Ġabra p. I-5271, punt 44; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C-403/09 PPU, Ġabra p. I-12193, punt 30; tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse, C-211/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C-400/10 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

40      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Andrea ilha iktar minn sentejn mifruda minn missierha u li, minħabba d-distanza u t-tensjoni fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, jeżisti riskju serju u konkret ta’ nuqqas totali ta’ kuntatt bejn Andrea u missierha waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri pendenti quddiem il‑qorti tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkusanzi, l-użu tal-proċedura ordinarja biex tiġi ttrattata din it-talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jkun ta’ dannu serju, jekk mhux irreparabbli, għar-relazzjonijiet bejn J. A. Aguirre Zarraga u bintu u jista’ wkoll jikkomprometti iktar l-integrazzjoni tagħha fl-ambjent familjari u soċjali f’każ ta’ ritorn eventwali fi Spanja.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla ddeċidiet, fit-28 ta’ Ottubru 2010, fuq proposta tal-Imħallef relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ skont il-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

42      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il‑qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi tistax b’mod eċċezzjonali topponi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna r-ritorn ta’ minuri, li fir‑rigward tagħha jkun inħareġ ċertifikat abbażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, għar-raġuni li din tal-aħħar attestat, fl-imsemmi ċertifikat, li osservat l-obbligu li tisma’ l-minuri qabel ma tat is-sentenza tagħha, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ divorzju fuq l-għoti tad-dritt ta’ kustodja rigward dan il-minuri, għalkemm dan is-smigħ allegatament ma sarx, u dan bi ksur tal-Artikolu 42, interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

43      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, din hija żamma illegali ta’ minuri fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003.

44      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 120 u 121 tal-opinjoni tiegħu, dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-premessa li t-tneħħija jew iż-żamma illegali ta’ minuri bi ksur ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jikkawżaw dannu gravi lill-interessi ta’ dan il-minuri u għalhekk jipprovdi miżuri biex jippermetti r-ritorn tiegħu fil-post tar-residenza abitwali tiegħu fl-iqsar żmien possibbli. F’dan ir-rigward, l-imsemmi regolament stabbilixxa sistema li permezz tagħha, f’każ ta’ diverġenza fl-evalwazzjoni bejn il-qorti tar-residenza abitwali tal‑minuri u dik tal-post fejn jinsab illegalment, l-ewwel qorti għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi fuq ir-ritorn tal-minuri.

45      Il-ħtieġa ta’ ħeffa li fuqha hija bbażata din is-sistema teżiġi li, f’ċirkustanzi bħal dawn, il-qrati nazzjonali aditi b’talba għar-ritorn tal-minuri jiddeċiedu malajr. Huwa għalhekk li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi fuq l‑imsemmija qrati l-obbligu li jużaw l-iktar proċeduri li bihom jistgħu jgħaġġlu previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom u jagħtu s-sentenza tagħhom, sakemm dan ma jkunx impossibbli minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li jiġu aditi.

46      Għandu jingħad ukoll li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, is-sistema stabbilita mir‑Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq ir-rwol ċentrali mogtħi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza fuq il-mertu tal-kawżi skont id‑dispożizzjonijeit ta’ dan ir-regolament u li, bid-differenza tal-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, li tistipula li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogtħija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandhom jinżammu għall‑minimu neċesarju, il-premessa 17 tal-imsemmi regolament tgħid li, f’każ ta’ żamma illegali ta’ minuri, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna r-ritorn tiegħu għandha ssir mingħajr ma jkun neċessarju li tintuża xi proċedura għar‑rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri.

47      Huwa b’hekk bil-għan li jiġu eżegwiti malajr b’mod partikolari s-sentenzi li jordnaw ir-ritorn ta’ minuri mogħtija, bħal fil-kawża prinċipali, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003 li dan ir-regolament jipprovdi fl-Artikoli 40 sa 45 sistema speċifika li tippermetti li dawn is-sentenzi jiġu eżegwiti fl-Istat Membru fejn għandhom jiġu eżegwiti.

48      B’hekk, mill-Artikoli 42(1) u 43(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, interpretati fid-dawl tal-premessi 17 u 21 tiegħu, jirriżulta li sentenza li tordna r-ritorn ta’ minuri mogtħija mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-imsemmi regolament, meta din hija eżegwibbli u tkun tat lok għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl‑imsemmi Artikolu 42(1) fl-Istat Membru ta’ oriġini, hija rikonoxxuta u hija eżegwibbli awtomatikament fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huwa possibbli li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rinau, punt 84, u Povse, punt 70).

49      Konsegwentement, il-qorti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma tista’ tagħmel xejn ħlief tirrikonoxxi l-eżegwibbiltà ta’ sentenza ċċertifikata b’dan il-mod.

50      Barra minn hekk, tista’ tiġi ppreżentata azzjoni għall-korrezzjoni taċ-ċertifikat maħruġ mill-qorti tal-oriġini jew jistgħu jitqajmu dubji dwar l-awtentiċità ta’ dan iċ-ċertifikat biss b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-ħeffa tal‑eżekuzzjoni tas-sentenzi kkonċernati u sabiex jiġi evitat li l-effettività tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tiġix ippreġudikata minħabba użu abużiv tal-proċedura, kull azzjoni kontra l-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, minbarra azzjoni għal korrezzjoni fis-sens tal‑Artikolu 43(1), hija eskluża, anki fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

51      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tat-tqassim ċar tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru li jeżegwixxi stabbilit mir-Regolament Nru 2201/2003 u intiż biex ir-ritorn tal‑minuri jsir malajr, il-kwistjonijiet dwar il-legalità tas-sentenza li tordna dan ir‑ritorn fiha nfisha, b’mod partikolari l-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħti din is-sentenza humiex sodisfatti, għandhom jitqajmu quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, b’mod konformi mar-regoli tal-ordinament ġuridiku tiegħu (is-sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi interpretat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistipula li l‑qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil‑paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu biss jekk il-minuri jkun ingħata l-opportunità jinstema’, sakemm ma jitqiesx li s-smigħ tal-minuri mhuwiex xieraq fid-dawl tal‑età jew il-livell ta’ maturità tiegħu [punt a)], jekk il-partijiet ikunu ngħataw l‑opportunità li jinstemgħu [punt b)] u jekk l-imsemmija qorti tat is-sentenza tagħha wara li qieset ir-raġunijiet u l-provi li abbażi tagħhom kienet ingħatat is‑sentenza li ttieħdet skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 [punt c)].

53      Għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tal‑imsemmi regolament ma’ għandux għan ieħor ħlief dak li jindika lill-qorti tal‑Istat Membru ta’ oriġini l-kontenut minimu meħtieġ għal dak li jikkonċerna s‑sentenza li abbażi tagħha ser jingħata ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42(1).

54      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 48, 50 u 51 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) b’ebda mod ma jawtorizza lill-qorti tal-Istat Membru li jeżegwixxi sabiex iwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet li fihom inħareġ l-imsemmi ċertifikat li huwa jistabbilixxi.

55      Fil-fatt, tali awtorizzazzjoni tista’ tikkomprometti l-effettività tas-sistema istitwita mir-Regolament Nru 2201/2003, kif ġiet deskritta fil-punti 44 sa 51 ta’ din is‑sentenza.

56      Minn dan isegwi li, meta qorti ta’ Stat Membru toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fl‑imsemmi Artikolu 42, il-qorti tal-Istat Membru li jeżegwixxi hija marbuta teżegwixxi s-sentenza ċċertifikata b’dan il-mod, mingħajr ma tista’ topponi la r‑rikonoxximent u lanqas il-fatt li hija eżegwibbli.

57      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà, ta’ sentenza dwar ir-responabbiltà tal-ġenituri previsti fl-Artikoli 23 u 31 tar-Regolament Nru 2201/2003, fosthom il-preġudizzju ċar għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru u l-ksur tar-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ dan tal-aħħar li jimponu li l-minuri jingħata l-opportunità jinstema’ ma ġewx riprodotti bħala raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-oppożizzjoni tal-qorti tal-imsemmi Stat Membru fil-kuntest tal-proċeduri previsti fil-kapitolu III, taqsima 4, tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91, 97 u 99).

58      Madankollu, il-qorti tar-rinviju titlob, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk l‑imsemmija interpretazzjoni għandhiex tapplika wkoll meta s-sentenza tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tiġi eżegwita skont iċ-ċertifikat dwarha hija vvizzjata bi ksur serju tad-drittijiet fundamentali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tqassim ċar tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru li jeżegwixxi stabbilit mid‑dispożizzjonijiet tal-kapitolu III, taqsima 4, tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Povse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73) huwa bbażat fuq il-premessa li l-imsemmija qrati jirrispettaw, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-obbligi li dan ir-regolament jimponi fuqhom, b’mod konformi tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

60      F’dan ir-rigward, sa fejn ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax imur kontra l‑imsemmija Karta, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament li jimplementaw id-dritt tal-minuri li jinstema’ għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-imsemmija Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza McB., iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

61      Barra minn hekk, il-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament tindika li s-smigħ tal‑minuri għandu rwol importanti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u l‑premessa 33 tiegħu tenfasizza, b’mod iktar ġenerali, li l-imsemmi regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi jieħu ħsieb, b’mod partikolari, li jiżgura l‑osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri kif stipulati fl-Artikolu 24 tagħha.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li mill-Artikolu 24 ta’ din il‑Karta, kif ukoll mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li dawn ma jirreferux għas-smigħ tal‑minuri fih innifsu, iżda għall-possibbiltà għall-minuri li jinstema’.

63      Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi Artikolu 24, fil-paragrafu (1) tiegħu, jeżiġi li t-tfal ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom liberament u li din l-opinjoni espressa b’dan il-mod tittieħed inkunsiderazzjoni għall-materji li jirrigwardawhom, biss “skond l-età u l-maturità tagħhom”, u, fil-paragrafu (2) tiegħu, jimponi l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-azzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ minuri, l-aħjar interess tiegħu, u dan l-interess b’hekk jista’ jiġġustifika li l-minuri ma jinstemax. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 42(2) jimponi l-obbligu li l-minuri jingħata l-opportunità jinstema’ “ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu”.

64      Dan jimplika li hija l-qorti li għandha tiddeċiedi dwar ir-ritorn ta’ minuri li għandha tevalwa jekk tali smigħ huwiex opportun, inkwantu t-tilwim li jrendi neċessarju sentenza dwar l-għoti tal-kustodja ta’ minuri lil wieħed mill-ġenituri, u t-tensjonijiet marbuta magħhom, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet fejn is-smigħ ta’ minuri, b’mod partikolari inkwantu jirrikjedi, jekk ikun il-każ, il-preżenza fiżika tiegħu quddiem il-qorti, jista’ jirriżulta mhux xieraq, jew anki ta’ dannu għas‑saħħa fiżika tal-minuri, li spiss ikun suġġett għal dawn it-tensjonijiet u jbati l-effetti dannużi tagħhom. B’hekk, għalkemm jibqa’ dritt tal-minuri, is-smigħ ma jistax jikkostitwixxi dritt assolut, iżda għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-eżiġenzi marbutin mal-aħjar interess tal-minuri f’kull każ partikolari, b’mod konformi mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

65      Minn dan isegwi li, hekk kif previst fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003, id-dritt tal-minuri li jinstema’ ma jeżiġix li bilfors ikun hemm smigħ quddiem il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, iżda jimponi l‑obligu li l-minuri jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-proċeduri u l-kundizzjonijiet legali li jippermettulu jesprimi l-opinjoni tiegħu liberament u li l-opinjoni tiegħu tinstema’ mill-qorti.

66      Fi kliem ieħor, għalkemm l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l‑punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jimponux l-obbligu fuq il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tisma’ f’kull każ lill-minuri fil-kuntest ta’ smigħ, u b’hekk din il-qorti għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni, jibqa’ l-fatt li, meta din tiddeċiedi li tisma’ lill‑minuri, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li tieħu, skont l-aħjar interess tal‑minuri u fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, il-miżuri kollha xierqa sabiex isir dan is-smigħ, sabiex tiġi rispettata l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet, billi tagħti lill-minuri opportunità reali u effettiva li jesprimi ruħu.

67      Għal dan l-istess għan, il-qorti tal-Istat Membru għandha tuża, sa fejn possibbli u dejjm billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri, il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha skont id-dritt nazzjonali tagħha kif ukoll l-istrumenti proprji tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, inklużi, jekk ikun hemm bżonn, dawk previsti mir-Regolament Nru 1206/2001.

68      Minn dan isegwi li, il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tista’ toħroġ ċertifikat li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, biss wara li tkun ivverifikat li, skont l-aħjar interess tal-minuri u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari, is-sentenza li fir-rigward tagħha ser jinħareġ dan iċ-ċertifikat ġiet adottata wara li ġie osservat id-dritt tal-minuri li jesprimi ruħu liberament u li ngħatatlu opportunità reali u effettiva li jesprimi ruħu, fid-dawl tal-mezzi proċedurali nazzjonali u l-istrumenti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

69      Madankollu, hekk kif ġie speċifikat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, huma biss il‑qrati nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandhom jeżaminaw il-legalità tal-imsemmija sentenza fid-dawl tar-rekwiżiti imposti, b’mod partikolari, mill‑Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

70      Fil-fatt, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, is-sistemi ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru stabbiliti mill-imsemmi regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma kapaċi jagħtu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.

71      F’dan il-kuntest, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 135 tal-opinjoni tiegħu, huwa b’hekk fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru ta’ oriġini li l-partijiet ikkonċernati għandhom jużaw ir-rimedji li jippermettu li jikkontestaw il-legalità ta’ sentenza ċċertifikata skont l-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003.

72      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għad hemm pendenti quddiem l‑Audiencia Provincial de Bizkaya proċedura ta’ appell. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol speċifika matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li s-sentenza ta’ din il-qorti msemmija l-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ appell intern, jiġifieri, għall‑inqas, “recurso de amparo” quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, li fih jista’ jitqajjem b’mod partikolari eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali, fosthom id‑dritt tal-minuri li jinstema’.

73      Huma b’hekk dawn il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandhom jivverifikaw jekk is-sentenza li fir-rigward tagħha nħareġ ċertifikat skont l-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 2201/2003 hijiex ivvizzjata bi ksur tad-dritt tal-minuri li jinstema’.

74      Mis-suespost jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-ksur eventwali tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003 mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat is‑sentenza ċċertifikata taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru u li l-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma tistax topponi r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, fid-dawl taċ-ċertifikat maħruġ mill-imsemmija qorti tal-Istat Membru tal-oriġni.

75      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-ripsosta li għandha tingħata lid‑domandi magħmula hi li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma tistax topponi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata li tordna r-ritorn ta’ minuri li jkun qed jinżamm b’mod illegali għar-raġuni li l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat din is-sentenza allegatament kisret l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li l‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

 Fuq l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma tistax topponi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ċċertifikata li tordna r-ritorn ta’ minuri li jkun qed jinżamm b’mod illegali għar-raġuni li l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tat din is-sentenza allegatament kisret l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r‑Regolament (KE) Nru 1347/2000, interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur taqa’ esklużivament taħt il‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.