Language of document : ECLI:EU:T:2008:414

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Kompetizzjoni − Akkordji − Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi − Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi − Gravità u tul tal-ksur − Prinċipju ta’ proporzjonalità − Prinċipju ta’ trattament ugwali − Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ − Interessi moratorji”

Fil-kawża T‑68/04,

SGL Carbon AG, stabbilita f’Wiesbaden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u A. von Bonin, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u W. Mölls, bħala aġenti, assistiti minn H.-J. Freund, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/420/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża C.38.359 − Prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mid-deċiżjoni msemmija,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucǎ, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        SGL Carbon AG (iktar ’il quddiem “SGL” jew ir-“rikorrenti”) hija impriża Ġermaniża li timmanifattura, b’mod partikolari, prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi.

2        Fit-18 ta’ Settembru 2001, ir-rappreżentanti ta’ Morgan Crucible Company plc (iktar ’il quddiem “Morgan”) iltaqgħu ma aġenti tal-Kummissjoni bil-għan li jipproponu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kartell fis-suq Ewropew tal-prodotti abbażi ta’ karbonju għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi u sabiex jitolbu l-benefiċċju tal-miżuri ta’ klemenza previst mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

3        Fit-2 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), bagħtet talbiet għal informazzjoni lil C. Conradty Nürnberg GmbH (iktar ’il quddiem “Conradty”), lil Le Carbone-Lorraine (iktar ’il quddiem “LCL”), lil Schunk GmbH u lis-sussidjarja tagħha Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH, (iktar ’il quddiem, flimkien, “Schunk”), lil Eurocarbo SpA, lil Luckerath BV, lil Gerken Europe SA kif ukoll lir-rikorrenti dwar l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni. L-ittra mibgħuta lil Schunk kienet tirrigwarda wkoll l-attivitajiet ta’ Hoffmann & Co. Elektrokohle AG (iktar ’il quddiem “Hoffmann”), mixtrija minn Schunk fit-28 ta’ Ottubru 1999.

4        Ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba għal informazzjoni b’ittra tat-30 ta’ Settembru 2002.

5        B’ittra tas-17 ta’ Marzu 2003, hija talbet l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u bagħtet lill-Kummissjoni xi elementi ta’ prova relatati mal-akkordju inkwistjoni.

6        Fit-23 ta’ Mejju 2003, abbażi tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra, jiġifieri Morgan, Conradty, LCL, Schunk u Hoffmann. Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment indikat li hija ma kinitx qed tikkontesta l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

7        Wara s-smiegħ tal-impriżi kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ Morgan u ta’ Conradty, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/420/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża C.38.359 − Prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2003. Sommarju tad-Deċiżjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 45).

8        Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-impriżi destinatarji kienu ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li kien jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ, u ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari, bit-tqassim tal-klijenti, u billi segwew azzjonijiet miftiehma (restrizzjonijiet kwantitattivi, żieda fil-prezzijiet u bojkotts) kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell (premessa 2 tad-Deċiżjoni).

9        Id-Deċiżjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

“L-ewwel Artikolu

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi jew mekkaniċi:

–        [Conradty], minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [Hoffmann], minn Settembru 1994 sa Ottubru 1999;

–        [LCL], minn Ottubru 1988 sa Ġunju 1999;

–        [Morgan], minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [Schunk], minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [SGL], minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

–        [Conradty] : EUR 1 060 000;

–        [Hoffmann] : EUR 2 820 000;

–        [LCL] : EUR 43 050 000;

–        [Morgan] : EUR 0;

–        [Schunk] : EUR 30 870 000;

–        [SGL] : EUR 23 640 000.

Il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni [...]

Meta jiskadi dan il-perijodu, huma awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matul tiegħu ġiet adottata din id-Deċiżjoni, b’żieda ta’ 3.5 punti ta’ perċentwali.”

10      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-impatt tiegħu fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, anki jekk ma setax jiġi kkalkolat b’mod preċiż, u tal-firxa tiegħu tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 288 tad-Deċiżjoni).

11      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fil-kartell, u għalhekk, tal-impatt reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qasmet l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, skont id-daqs tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminat permezz tas-sehem tagħhom tas-suq (premessi 289 sa 297 tad-Deċiżjoni).

12      Konsegwentement, LCL u Morgan, ikkunsidrati bħala l-ikbar żewġt operaturi peress li kellhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u r-rikorrenti, li huma operaturi medji b’sehem tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, ikkunsidrati bħala operaturi żgħar minħabba s-sehem tas-suq tagħhom ta’ mhux iktar minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

13      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet ammont inizjali, ikkalkolata skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għal LCL u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal Schunk u r-rikorrenti u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

14      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li kull impriża kkonċernata kienet wettqet ksur fuq perijodu twil. Fid-dawl ta’ perijodu ta’ ksur ta’ ħdax-il sena u xahrejn, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali li kienet stabbilixxiet fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ Morgan, ta’ Schunk u ta’ Conradty b’110 %. Fir-rigward ta’ LCL, il-Kummissjoni stabbilixxiet perijodu ta’ ksur ta’ għaxar snin u tmien xhur u żiedet l-ammont inizjali b’105 %. Fir-rigward ta’ Hoffmann, l-ammont inizjali kien miżjud b’50 % minħabba perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin u xahar (premessi 299 u 300 tad-Deċiżjoni).

15      Għalhekk, l-ammont bażi tal-multa, stabbilit skont il-gravità u l-perijodu tal-ksur kien iffissat għal EUR 73.5 miljun fir-rigward ta’ Morgan, għal EUR 71.75 miljun għal LCL, għal EUR 44.1 miljun għar-rikorrenti u għal Schunk, għal EUR 12.6 miljun fir-rigward ta’ Conradty u għal EUR 9 miljun għal Hoffmann (premessa 301 tad-Deċiżjoni).

16      Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm ċirkustanza aggravanti jew mitiganti kontra jew favur l-impriżi kkonċernati (premessa 316 tad-Deċiżjoni).

17      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, Morgan ibbenefikat minn immunità mill-multa peress li kienet l-ewwel impriża li żvelat l-eżistenza tal-kartell lill-Kummissjoni (premessi 319 sa 321 tad-Deċiżjoni).

18      Skont il-punt D tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet lil LCL tnaqqis ta’ 40 % mill-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, ta’ 30 % lil Schunk u lil Hoffmann u ta’ 20 % lir-rikorrenti, li kienet l-aħħar waħda li kkooperat (premessi 322 sa 338 tad-Deċiżjoni).

19      Fid-Deċiżjoni, taħt it-titolu “Kapaċità ta’ ħlas u fatturi oħra”, il-Kummissjoni, wara li ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jipprovaw n-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tħallas il-multa, fakkret li reċentement hija kienet diġà imponiet tliet multi kbar fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet kollużivi oħra.

20      Il-Kummissjoni indikat li permezz tad-deċiżjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/36.490 − Elettrodi tal-grafita) (ĠU 2002, L 100, p. 1) fil-kawża msejħa “tal-elettrodi tal-grafita” u permezz tad-deċiżjoni 2006/460/KE, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża C.37.667 − Grafita speċjali) (ĠU 2006, L 180, p. 20) fil-kawża msejħa “tal-grafita speċjali”, ir-rikorrenti ngħatat multa ta’ EUR 80.2 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell tal-elettrodi tal-grafita u żewġ multi ta’ EUR 18.94 miljun u ta’ EUR 8.81 miljun, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 27.75 miljun, għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq il-grafita iżostatika u fl-akkordju fuq il-grafita estruża (premessa 358 tad-Deċiżjoni).

21      Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji gravi tar-rikorrenti u tal-fatt li d-diversi attivitajiet kollużorji mwettqa minnha kienu seħħew fl-istess żmien, il-Kummissjoni qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma kienx neċessarju, sabiex tiġi żgurata dissważjoni effettiva, li r-rikorrenti tħallas l-ammont totali tal-multa u għalhekk naqsitha bi 33 %, għall-ammont ta’ EUR 23.64 miljun (premessa 360 tad-Deċiżjoni).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, bħala President tal-Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lill din l-aħħar Awla.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2008.

25      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni, safejn din tirrigwarda lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas, b’mod xieraq, l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qed tirrinunzja għar-raba’, għall-ħames u għas-sitt motivi msemmija fir-rikors, ibbażati, rispettivament, fuq evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tagħha u fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ dissważjoni effettiva.

28      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat ir-rinunzja tagħha għall-motivi msemmija iktar ’il fuq u enfasizzat li t-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni, magħmula fir-rikors, kellhom jinftehmu bħala li jirreferu biss għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni li permezz tiegħu l-Kummissjoni imponiet il-multi fuq l-impriżi kkonċernati. Dawn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti tniżżlu fil-verbal tas-seduta.

 Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażi

29      Ir-rikorrenti ssostni li, waqt l-iffissr tal-ammont bażi tal-multa, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha.

 Fuq il-gravità tal-ksur

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

30      Minn ġurisprudenza stabbilita jiriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet u li l-qorti kompetenti tkun tistà teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk l-istess motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl, mhux biss tal-kliem użat fl-att inkwistjoni, iżda wkoll mill-kuntest li fih dak l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata tipprovdi, fid-deċiżjoni, spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1532). L-indikazzjoni taċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi, utli kemm hija utli din l-informazzjoni, mhijiex indispensabbli fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75).

32      Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammonti inizjali f’termini assoluti, għandu jiġi mfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-imġiba tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59). Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tintalab tagħti biss, f’dan ir-rigward, dawk l-elementi ta’ motivazzjoni relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur.

33      F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi ġew imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 17 u li l-Kummissjoni − għalkemm id-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għall-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) − iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwida.

34      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-iffisar tal-ammont inizjali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-premessi 277 sa 288 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri n-natura tiegħu, l-impatt tiegħu fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, u spjegat, għal kull wieħed minn dawn l-elementi, l-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ.

35      Għaldaqstant, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li:

–        Essenzjalment, il-ksur inkwistjoni kien jikkonsisti fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni oħra applikabbli għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari bit-tqassim tal-klijenti, u fl-implementazzjoni ta’ azzjonijiet miftehma kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell, liema prattiki kienu minnhom innifishom jikkostitwixxu l-iktar tip gravi ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (premessa 278 tad-Deċiżjoni);

–        il-ftehim kollużivi kienu ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, għalkemm jekk dan l-impatt ma setax jitkejjel b’mod preċiż (premessa 286 tad-Deċiżjoni);

–        il-kartell kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha (premessa 287 tad-Deċiżjoni).

36      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur serju ħafna, li għalih it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprovdi għall-possibbiltà li l-ammont tal-multa jkun ta’ mhux inqas minn 20 miljun EUR.

37      Wara dan, il-Kummissjoni enfasizzat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi possibbli kienet tippermetti li jiġi implementat trattament differenzjat bejn l-impriżi sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li joħolqu dannu kbir lill-kompetizzjoni u li l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal-livell li jassigura li l-multa jkollha effet suffiċjentement dissważiv.

38      Fil-kuntest ta’ dan it-trattament differenzjat, magħmul iktar neċessarju mid-differenzi kunsiderevoli, f’termini ta’ importanza fis-suq, bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, il-Kummissjoni qassmet lill-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, skont id-daqs relattiv tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminat abbażi tas-sehem tagħhom tas-suq. Fid-dawl ta’ sehem tas-suq stmat għal 14 %, ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija (premessi 288 sa 297 tad-Deċiżjoni).

39      Kien abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li l-Kummissjoni stabbilixxiet ammont inizjali, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 21 miljun għar-rikorrenti (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

40      Tali motivazzjoni ma tistax tiġi meqjusa bħala sempliċi ripetizzjoni tal-kliem tal-linji gwida, kif issostni r-rikorrenti, u għandu jitqies li din tissodisfa l-ħtiġijet tal-Artikolu 253 KE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq.

41      Isegwi li l-ilment ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligu tal-motivazzjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni

42      Ir-rikorrenti tallega li l-ammonti inizjali stabbiliti skont il-gravità tal-ksur huma sproporzjonati u/jew diskriminatorji meta mqabbla ma dawk stabbiliti, skont l-istess proċedura, għal impriżi oħra f’kawżi simili.

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan il-qafas huwa kkostitwit unikament mir-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II-1705, punt 234), u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ diskriminazzjoni, peress li mhuwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60).

44      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega biss li l-ammonti inizjali stabbiliti mill-Kummissjoni jinsabu u kienu jinsabu, fil-każ ta’ akkordji fuq il-prezzijiet li jirrigwardaw swieq kbar paragunabbli, ġeneralment taħt l-EUR 20 miljun u li fid-Deċiżjoni l-ammont inizjali “bħala medja” jirrappreżenta 48 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi fis-suq ikkonċernat kontra t-38.8 % fil-kawża tal-elettrodi tal-grafita u 32.2 % fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] (IV/35.691/E-4 − Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1) fil-kawża msejħa bħala “tal-pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda”. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali u mhux preċiżi, peress li jirreferu għal informazzjoni li tikkorrispondi għal valuri medji, mhumiex kapaċi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ trattament sproporzjonat u/jew diskriminatorju fir-rigward tar-rikorrenti.

45      Għaldaqstant, ir-referenza preċiża għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża tal-grafita speċjali, fejn l-ammonti inizjali kienu kjarament inferjuri minn dawk adottati f’dan il-każ minkejja li l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati kienu globalment għola, mhijiex rilevanti.

46      Hekk kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-fattur speċifiku ċirkustanzjali marbut mad-daqs tas-swieq ikkonċernati jippermetti li ssir differenzjazzjoni bejn il-kawża msemmija iktar ’il fuq u l-kawża preżenti. Anki jekk jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li l-volumi tas-swieq taż-ŻEE għall-grafita iżostatika u għall-prodotti estrużi kienu inklużi, fil-kuntest tal-każ tal-grafita speċjali, rispettivament, bejn EUR 100 u 120 miljun u bejn EUR 60 u 70 miljun, dawn huma ovvjament u bil-bosta inferjuri għall-valur totali tas-suq taż-ŻEE għall-prodotti abbażi ta’ karbonju u ta’ grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, li fl-1998 kien jammonta għal EUR 291 miljun (premessa 37 tad-Deċiżjoni).

47      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkontestat għall-ewwel darba dan l-ammont ta’ EUR 291 miljun adottat mill-Kummissjoni billi kkritikat b’mod partikolari l-fatt li din kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-konsum kaptiv fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ u tas-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati.

48      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan jikkostitwixxi ilment ġdid li ma jistax jitressaq matul il-kawża skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-valur totali tas-suq ikkonċernat, li wara kollox ġiet esposta biss fil-qosor waqt is-seduta, mhijiex ibbażata fuq elementi ġodda li ħarġu matul il-proċedura, peress li l-ammont ta’ EUR 291 miljun adottat mill-Kummissjoni u r-raġunament li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-konsum kaptiv fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ u tas-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati kienu msemmija b’mod ċar fil-premessi 37, 291 sa 295 tad-Deċiżjoni. Is-sempliċi allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija kienet ikkontestat, sa mill-istadju tar-rikors, id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa ma tippermettix li jitqies li l-ilment inkwistjoni jikkostitwixxi elaborazzjoni fuq ilment imqajjem preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jippreżenta rabta mill-qrib miegħu. Għaldaqstant dan għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

49      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderiġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Għalhekk, il-fatt li fil-passat, il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell lil ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li, f’kull mument, tgħolli dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109) u sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II-1373, punt 179, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I-10101).

50      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-elevazzjoni tal-livell tal-multi ma kienx speċifikatament neċessarju fir-rigward tagħha, fid-dawl tas-sanzjonijiet li hija kienet diġà ġiet suġġetta għalihom fi proċeduri paralleli, tifforma parti mill-kwistjoni dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunċett ta’ dissważjoni effettiva, kif esposta fil-premessa 359 tad-Deċiżjoni. Issa, ir-rikorrenti rrinunzjat espressament għall-motiv li fih kienet qed tallega evalwazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett min-naħa tal-Kummissjoni.

51      F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta għamlet distinzjoni, fil-kuntest tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet, bejn l-akkordju dwar l-elettrodi tal-grafita, l-akkordji dwar il-grafita iżostatika u fuq il-grafita estruża u l-akkordju dwar il-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, peress li huma erba’ każijiet ta’ ksur distinti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE.

52      Isegwi li l-Kummissjoni kellha l-awtorità li timponi multa ġdida fuq SGL, minħabba s-sehem tagħha fl-akkordju tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, bil-għan li tiddisswadi lill-impriża permezz ta’ sanzjoni li teċċedi l-livell ta’ sanzjoni purament simbolika, peress li għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, ikkaratterizzati minn attivitajiet kollużorji parzjalment paralleli li ħadet sehem fihom ir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li ammont tal-multa mnaqqas bi 33 % kien biżżejjed sabiex jiżgura l-effett dissważiv mixtieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, Ġabra p. II-10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai II”, punt 336).

53      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-setgħa li l-Kummissjoni għandha li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 82 KE jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni tinkludi ċertament id-dmir li tinvestiga u li tikkastiga l-ksur individwali, iżda tinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex tmexxi f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II-2597, punt 105).

54      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi l-livell tal-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta ksur ta’ tip speċifiku ikun għadu relattivament frekwenti, għalkemm l-illegalità tiegħu tkun ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li ċerti impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu minn dan il-ksur (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 108, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 106).

55      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tipperssegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiġi żgurat li l-impriżi josservaw r-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat fit-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Minn dan isegwi li n-natura dissważiva ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata abbażi biss tas-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkundannata (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 110).

56      F’din il-kawża, li tikkorrispondi għal tip ta’ ksur klassiku tar-regoli tal-kompetizzjoni u għal aġir li l-illegalità tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni diversi drabi wara l-ewwel interventi tagħha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat bħala neċessarju li tiffissa l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement dissważiv fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17.

57      Isegwi li l-ilment ibbażat fuq it-trattament mhux proporzjonat u/jew diskriminatorju tar-rikorrenti, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa u fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji

58      Għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tad-differenza kbira fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati u sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur speċifiku ta’ kull waħda minnhom, u għalhekk, tal-impatt reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni, b’mod konformi mar-raba’ u mas-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, fasslet trattament differenzjat tal-impriżi li ħasu sehem fil-ksur. Għal dan il-għan, hija qassmet lill-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża mill-prodotti kkonċernati minn din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE, bl-inklużjoni tal-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan jirriżulta ċifra tas-sehem tas-suq li tirrappreżenta l-valur relattiv li kull impriża kellha fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li toħloq dannu kunsiderevoli lill-kompetizzjoni (premessi 289 sa 291 tad-Deċiżjoni).

59      Il-paragun ġie bbażat fuq l-informazzjoni fuq id-dħul mill-bejgħ (iċ-ċifri huma espressi f’miljuni ta’ EUR) magħmul mill-prodotti inkwistjoni fir-rigward tal-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri l-1998, kif jirriżulta mit-tabella 1 li tidher fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni u bit-titolu “Stima tad-dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur li jikkorrispondi għall-użu kaptiv) u tal-ishma tas-suq fiż-ŻEE, fl-1998, għall-grupp ta’ prodotti li huma suġġetti għall-proċedura”:

Fornituri

Dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur tal-użu kaptiv)

Sehem tas-suq fiż-ŻEE

Conradty

9

3 %

Hoffmann

17

6 %

[LCL]

84

29 %

Morgan

68

23 %

Schunk

52

18 %

SGL

41

14 %

Oħrajn

20

7 %

Total

291

100 %


60      Konsegwentement, LCL u Morgan, peress li ġew meqjusa bħala l-ikbar żewġ operaturi b’ishma tas-suq ta’ mhux inqas minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u SGL, li huma operaturi medji b’ishma tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, meqjusa bħala operaturi żagħar minħabba li kellhom ishma tas-suq ta’ mhux iktar minn 10 %, ġew miġbura fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

61      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni adottat ammont inizjali, stabbili abbażi tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għal LCL u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal Schunk u SGL u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

62      Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax il-metodu, fih innifsu, li jikkonsisti f’li l-membri li ħadu sehem fl-akkordju jitqassmu f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat. Issa, dan il-metodu, li l-prinċipju tiegħu ġie, min-naħa l-oħra, ikkonvalidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II-913, punt 385, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II-1181, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai I”, punt 217), xorta waħda jġib miegħu l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont inizjali ffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija.

63      Bil-kontra ta’ dan, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-kliem tas-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, sabiex issostni li jekk, kif tindika l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 223 tas-sentenza msemmija, il-ġbir f’kategoriji għandu jsir f’partijiet ta’ madwar 5 % tal-ishma tas-suq, għalhiex dan jippermetti li tiġi riflessa l-proporzjonalità tad-diversi ishma tas-suq mingħajr żball ta’ evalwazzjoni, it-tqegħid f’kategoriji abbażi ta’ skala ta’ partijiet ta’ 10 % magħżula mill-Kummissjoni f’din il-kawża hija approssimattiva wisq u ma tirriflettix ir-relazzjonijiet fis-suq.

64      Hija ssostni li ġbir tal-impriżi f’sitt kategoriji abbażi ta’ partijiet ta’ 5 % tal-ishma tas-suq kien iwassal, permezz ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma tas-suq medji għal kull kategorija jew ta’ evalwazzjoni tal-livelli, għal-ammont inizjali massimu ta’ EUR 15.9 miljun jew ta’ EUR 14 miljun.

65      Għalkemm huwa stabbilit li fil-kawża tal-elettrodi tal-grafita, il-Kummissjoni kienet qassmet lill-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji billi qasmet l-ishma tas-suq f’partijiet ta’ 5 %, bl-ebda mod ma jirriżulta, la mill-punt 223 tas-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, u lanqas mill-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tali metodu ta’ ġbir tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji jitqies li huwa l-uniku wieħed li jippermetti li tiġi riflessa l-proporzjonalità tad-diversi ishma tas-suq mingħajr żball ta’ evalwazzjoni f’kull proċedura ta’ sanzjoni ta’ kartell mibdija mill-Kummissjoni.

66      Mis-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi n-natura allegatament approssimattiva jew diskriminatorja tal-ġbir f’kategoriji tal-impriżi implikati fl-akkordju li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni biss abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, segwiet metodu ieħor ta’ ġbir billi ddeċidiet li toħloq tliet kategoriji billi qasmet l-ishma tas-suq f’partijiet ta’ 10 %, peress li n-numru tal-operaturi li kienu s-suġġetti tad-deċiżjoni fil-kawża tal-elettrodi tal-grafita u t-tqassim tal-ishma tas-suq tagħhom kienu differenti minn dawk li jikkaratterizzaw lil din il-kawża.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-raġunament tar-rikorrenti jwassal, f’din il-kawża, għall-ħolqien ta’ sitt kategoriji, ibbażati fuq tqassim tal-ishma tas-suq f’partijiet ta’ 5 % (minn 0 sa 5 % sa 25 sa 30 %), fejn kull kategorija tinkludi impriża waħda, ħaġa li tikkontradixxi l-prinċipju stess ta’ kategorizzazzjoni.

68      Xorta jibqa’ l-fatt li t-tqassim f’kategoriji li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni għandu jirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali li jgħid li huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-anqas, ikun proporzjonali fir-rispett tal-elementi kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, għandha madankollu sempliċement tistħarreġ li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 416, u s-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punti 220 u 222).

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li tqassim tal-impriżi fi tliet kategoriji, l-operaturi l-kbar, il-medji u ż-żgħar, huwa mod raġonevoli ta’ kif tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex jiġi stabbilit l-ammont inizjali, sakemm dan ma jwassalx għal rappreżentazzjoni distorta ħafna tas-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’rati ta’ 3, 6, 14, 18, 23 u 29 %, l-ishma tas-suq tal-membri fl-akkordju jitqassmu b’mod relattivament bilanċjat fuq skala minn 0 sa 30 u li l-metodu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-iffissar tal-livelli tal-kategoriji għal 10 u 20 % ma jistax, a priori, jitqies li huwa nieqes minn koerenza interna.

71      Fir-rigward tal-ewwel kategorija, il-Kummissjoni ġabret fiha lill-impriżi LCL u Morgan u adottat ammont inizjali ta’ EUR 35 miljun. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din l-għażla tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala arbitrarja u ma taqbiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan il-qasam.

72      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-iffissar tal-ammont inizjali ta’ EUR 35 miljun fil-premessa 298 tad-Deċiżjoni jikkostitwixxi l-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif esposta fil-premessi 277 sa 297 tad-Deċiżjoni, fejn, minn naħa, ikkwalifikat il-ksur bħala tali billi kkunsidrat elementi oġġettivi, jiġifieri n-natura stess tal-ksur, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika ta’ dan is-suq u, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat elementi suġġettivi, jiġifieri d-daqs speċifiku ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u, għaldaqstant, l-impatt reali tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, huwa fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tal-analiżi tagħha li hija ppersegwiet l-għan li tiżgura livell dissważiv tal-multa, fid-dawl tal-importanza relattiv ta’ kull impriża fil-ksur u tal-kapaċità ekonomika tagħha li effettivament toħloq dannu kbir lill-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Fl-aħħar tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali b’mod dirett, f’dan il-każ ta’ EUR 35 miljun għal LCL u Morgan, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq, inkluż l-għan ta’ dissważjoni.

73      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-ksur li jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”, il-linji gwida jindikaw biss li l-ammonti ta’ multi li jistgħu jiġu imposti huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”. L-uniċi limiti msemmija fil-linji gwida li huma applikabbli fir-rigward ta’ ksur ta’ dan it-tip huma l-limitu ġenerali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [ara l-preambolu u l-punt 5(a) tal-linji gwida] – li l-ksur tiegħu mhuwiex allegat fil-kawża preżenti – u l-limiti relatati mal-ammont addizzjonali li jista’ jingħata fuq il-bażi tal-tul tal-ksur (ara t-tieni u t-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida). Xejn fil-linji gwida ma jipprekludi, fil-każ ta’ ksur “serju ħafna”, żieda fil-livell tal-valur assolut identika għal dik applikata mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

74      Fit-tielet lok, għandu jitqies li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-element relatat mad-dħul mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni jkun qed jingħata importanza eċċessiva li kieku l-evalwazzjoni ta’ natura proporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa adottata mill-Kummissjoni tiġi llimitata għar-relazzjoni ta’ bejn dan l-ammont u d-dħul mill-bejgħ imsemmi iktar ’il fuq. In-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu, il-firxa ġeografika tas-suq milqut u l-portata neċessarjament dissważiva tal-multa huma kollha elementi, li l-Kummissjoni kkunsidrat f’din il-kawża, li jistgħu jiġġustifikaw l-ammont imsemmi iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tadotta l-kwalifika ta’ ksur “serju ħafna”, peress li r-rikorrenti pparteċipat f’akkordju orizzontali li essenzjalment kellu bħala skop l-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni oħra applikabbli għall-klijenti, li jaqsam is-swieq, b’mod partikolari bit-tqassim tal-klijenti, u li jimplimenta azzjonijiet miftehma kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell u li kellu impatt konkret fuq is-suq tal-prodotti inkwistjoni fiż-ŻEE.

75      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ LCL u ta’ Morgan kien jammonta, rispettivament, għal EUR 84 miljun u għal EUR 68 miljun, filwaqt li l-ishma tas-suq tagħhom kienu, rispettivament, ta’ 29 u ta’ 23 %. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li dawn iż-żewġ impriżi kellhom jitpoġġew fl-istess kategorija b’mod koerenti ma’ dħul mill-bejgħ medju ta’ EUR 76 miljun u sehem tas-suq medju ta’ madwar 26 %.

76      Għaldaqstant, peress li kemm il-kompożizzjoni tal-ewwel kategorija kif ukoll l-ammont inizjali korrispondenti jistgħu jitqiesu bħala koerenti u oġġettivament iġġustifikati, għandu jiġi evalwat jekk it-tieni kategorija, komposta mir-rikorrenti u minn Schunk, ġietx ukoll komposta b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

77      Ir-rikorrenti tallega li għalkemm, b’mod konformi mal-motivazzjoni tas-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, ir-relazzjoni rispettiva tad-diversi ishma tas-suq bejniethom għandha tkun rifless fl-ammonti inizjali ffissati għad-diversi kategoriji, għandu neċessarjament isir paragun bejn “l-ikbar sehem tas-suq tal-ikbar kategorija u l-żgħar sehem tas-suq tal-iżgħar kategorija”. Il-proporzjon bejn dawn iż-żewġ ishma tas-suq għandha minn tal-inqas tkun tikkorrispondi mad-differenza relattiva bejn l-ishma assoluti tas-suq. Għalhekk, peress li l-proporzjon bejn l-ishma tas-suq ta’ LCL u tar-rikorrenti hija ta’ 2.07, l-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti, kif ukoll tal-impriża l-oħra tat-tieni kategorija, kellu jirrifletti din il-proporzjoni u jiġi ffissat, l-iktar l-iktar, għal EUR 16.9 miljun.

78      Għandhom jiġu enfasizzati mill-ġdid id-differenzi bejn il-kawża li waslet għas-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, u l-kawża preżenti, fir-rigward tan-numru tal-operaturi kkonċernati, tat-tqassim tal-ishma tas-suq u tal-fatt li, fil-kawża tal-elettrodi tal-grafita, il-Kummissjoni kienet għażlet li tapplika metodu aritmetiku speċifiku li jikkonsisti fit-tqassim f’partijiet ta’ madwar 5 % tal-ishma tas-suq, fejn kull parti tikkorrispondi għal ammont ta’ madwar EUR 8 miljun. Fis-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq (punt 232), il-Qorti tal-Prim’Istanza stħarrġet il-koerenza ta’ dan il-metodu ta’ differenzjazzjoni billi indikat li, ladarba hija tiddeċiedi b’mod volontarju li tapplika tali metodu aritmetiku, il-Kummissjoni hija marbuta mar-regoli intrinsiċi għalih, ħlief jekk ikun hemm ġustifikazzjoni espliċita, fir-rigward tal-membri kollha tal-istess akkordju.

79      F’kull każ, fis-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, xejn ma jindika li r-relazzjoni bejn l-ammonti inizjali tal-multi ffissati fil-kuntest ta’ tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji għandha tiġi ddeterminata skont ir-relazzjoni li teżisti bejn is-sehem tas-suq ta’ “l-ikbar” impriża fl-ikbar kategorija u dak ta’ “l-iżgħar” impriża fl-iżgħar kategorija.

80      L-evalwazzjoni tar-rikorrenti tikkonsisti fl-iżolament tas-sehma tas-suq tagħha u fl-ipparagunar ta’ dan is-sehem esklussivament ma’ dak ta’ LCL sabiex tiddetermina r-relazzjoni bejn l-ammonti inizjali adottati kontriha u kontra LCL, u din sussegwentement tkun tapplika għaż-żewġ impriżi tat-tieni kategorija, madankollu dan fir-realtà jkun ifisser iċ-ċaħda tal-prinċipju ta’ tqassim f’kategoriji u tar-rati fissi tal-ammonti inizjali li dan jimplika, kif stabbilit mill-ġurisprudenza.

81      Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni medja tal-impriżi tal-istess kategorija juri li t-tqassim f’kategoriji adottat fid-Deċiżjoni huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

82      Peress li d-dħul mill-bejgħ medju u s-sehem tas-suq medju ta’ LCL u ta’ Morgan (l-ewwel kategorija) kienu ta’ EUR 76 miljun u ta’ 26 %, filwaqt li din l-istess informazzjoni kienet ta’ EUR 46.5 miljun u ta’ 16 % għal Schunk u għar-rikorrenti (it-tieni kategorija), għaldaqstant, il-proporzjon bejn iż-żewġ valuri medji hija ta’ 1.634 (għad-dħul mill-bejgħ) u għal 1.625 (għas-sehem tas-suq).

83      Dawn il-proporzjonijiet huma viċin ħafna tal-proporzjon bejn l-ammont inizjali għall-ewwel kategorija (EUR 35 miljun) u dak tat-tieni kategorija (EUR 21 miljun), li huwa ta’ 1.66. Konsegwentement, din il-proporzjoni mhux talli mhijiex żvantaġġuż għar-rikorrenti iżda talli hija vantaġġuża fil-konfront tagħha, peress li l-proporzjon bejn iż-żewġ valuri medji hija ta’ 1.634 (għad-dħul mill-bejgħ) u ta’ 1.625 (għas-sehem tas-suq).

84      Fir-rigward tat-tielet kategorija, komposta minn Hoffmann u minn Conradty, id-dħul mill-bejgħ medju u s-sehem tas-suq medju ta’ dawn l-impriżi kienu ta’ EUR 13 miljun u ta’ 4.5 %. Fid-dawl tal-informazzjoni dwar LCL u Morgan (l-ewwel kategorija), il-proporzjon bejn iż-żewġ valuri medji kien ta’ 5.846 (għad-dħul mill-bejgħ) u ta’ 5.777 (għas-sehem tas-suq). F’dan il-każ ukoll, il-proporzjon hija viċina ħafna tal-proporzjon bejn l-ammont inizjali għall-ewwel kategorija (EUR 35 miljun) u ta’ dak għat-tielet kategorija (EUR 6 miljun) li huwa ta’ 5.83.

85      F’dak li jirrigwarda l-paragun tal-impriżi miġbura fit-tieni u t-tielet kategorija, il-proporzjon bejn iż-żewġ valuri medji huwa ta’ 3.576 (għad-dħul mill-bejgħ) u ta’ 3.555 (għas-sehem tas-suq), u dan jikkorrispondi kważi eżattament mal-proporzjon bejn l-ammont inizjali għat-tieni kategorija (EUR 21 miljun) u għal dak tat-tielet kategorija (EUR 6 miljun) li huwa ta’ 3.5.

86      Għandu jiġi osservat li, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li evalwazzjoni bbażata fuq il-medja twassal ukoll għal riżultat diskriminatorju u sproporzjonat u f’dan ir-rigward tosserva li l-Kummissjoni adottat ammont inizjali għal LCL u Hoffmann li jirrappreżenta, rispettivament EUR 1.207 miljun u EUR 1 miljun għal kull punt ta’ sehem tas-suq (35 : 29 = 1.207 u 6 : 6 = 1), li, kieku traspost għas-sitwazzjoni tagħha, kellu jwassal għal ammont inizjali ta’ EUR 16.9 miljun jew ta’ EUR 14 miljun.

87      Biżżejjed li jiġi osservat li billi tagħmel dan ir-rikorrenti kull ma tagħmel huwa li terġa tirriproduċi, fi kliem ieħor, l-argument tagħha msemmi fil-punt 77 iktar ’il fuq li huwa bbażat fuq il-ħtieġa ta’ osservanza stretta tal-proporzjonalità fir-relazzjonijiet bejn kull waħda mill-impriżi.

88      Hekk kif ġie osservat, dan l-argument jiċħad il-prinċipju tat-tqassim tal-impriżi f’kategoriji, hekk kif implementat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u ammess mill-ġurisprudenza, u ma jistax jiġi milqugħa mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ħlief jekk jiġi ppruvat li l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni kategorija jmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.

89      Fil-kuntest tal-argument tagħha, ir-rikorrenti b’mod partikolari tosserva li l-klassifikazzjoni tagħha fl-istess kategorija ma’ Schunk twassal għal trattament mhux ugwali kontra tagħha, peress li Schunk għandha sehem tas-suq ta’ 18 %, li jirrappreżenta dħul mill-bejgħ ikbar minn tagħha b’madwar EUR 12 miljun.

90      Għandu jiġi mfakkar li Schunk u r-rikorrenti ġew ikklassifikati fl-istess kategorija b’ishma tas-suq ta’ 18 u ta’ 14 % li jirrappreżentaw dħul mill-bejgħ fis-suq ikkonċernat ta’ EUR 52 u EUR 41 miljun, li jpoġġihom b’mod ċar fil-kategorija tal-impriżi li l-ishma tas-suq tagħhom jinsabu bejn l-10 u l-20 %.

91      Għandu jiġi enfasizzat li d-differenza fid-daqs bejn Schunk u r-rikorrenti, li jappartjenu għall-istess kategorija, hija iżgħar minn dik ta’ bejn ir-rikorrenti u Hoffmann, li jiffurmaw parti minn żewġ kategoriji differenti. Is-sehem tas-suq tar-rikorrenti (14 %) kien eqreb għal dak Schunk (18 %) milli għal dak tal-ikbar operatur tat-tielet kategorija (Hoffmann, 6 %), b’4 u 8 punti perċentwali jisseparawha rispettivament minn waħda u mill-oħra. Għalhekk, id-differenza limitata bejn Schunk u r-rikorrenti (4 punti perċentwali), fid-dawl tas-sehem tas-suq mhux partikolarment elevat ta’ Schunk ippermettiet li l-Kummissjoni, b’mod koerenti u oġġettiv, u għalhekk mingħajr ma kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, titratta lir-rikorrenti bħal Schunk, u differentement minn Hoffmann u minn Conradty, bħala operatur medju u, għaldaqstant, li tiffissa fil-konfront tagħha l-istess ammont inizjali bħal ta’ Schunk, ibkar mill-ammont inizjali impost fuq Hoffmann u fuq Conradty li kellhom pożizzjoni marġinali ħafna fis-suq inkwistjoni (6 u 3 %).

92      Jeħtieġ li jerġa jiġi mfakkar li, anki jekk, minħabba t-tqassim f’kategoriji, uħud mill-impriżi jiġu suġġetti għall-applikazzjoni ta’ ammont inizjali identiku minkejja li huma ta’ daqs differenti, madankollu għandu jiġi konkluż li din id-differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata mill-importanza mogħtija, waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, lin-natura tal-ksur meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi (ara s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 411, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li t-tqassim f’kategoriji mwettaq mill-Kummissjoni huwa żbaljat peress li din kellha tgħodd flimkien l-ishma tas-suq ta’ Schunk u ta’ Hoffmann, peress li l-impriżi kellhom jiġu kkunsidrati fl-istat li kienu fih fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni li timponi multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha tiġi kklassifikata fit-tielet kategorija li tikkorrispondi għal sehem tas-suq ta’ mhux iktar minn 20 %, peress li l-ewwel u t-tieni kategorija kienu rispettivament ikkostitwiti minn LCL, b’sehem tas-suq ta’ iktar minn 25 %, u minn Schunk u Hoffmann b’sehem tas-suq totali ta’ bejn 20 u 25 %, f’dan il-każ 24 %. Għaldaqstant, b’mod konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-ammont inizjali adottat fil-konfront tar-rikorrenti kellu jkun inqas, jiġifieri fl-isfera ta’ bejn EUR 17.5 u 13 miljun, minn dak li ġie adottat f’dan il-każ.

94      Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat lil Hoffmann bħala individwalment responsabbli minħabba l-fatt li din l-impriża pparteċipat, b’mod awtonomu, fil-ksur b’effett minn Settembru 1994 sa Ottubru 1999, peress li għandu jiġi enfasizzat li Schunk ħadet il-kontroll ta’ Hoffmann fit-28 ta’ Ottubru 1999.

95      B’mod konformi ma’ din l-evalwazzjoni, li mhijiex direttament ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni qasmet lill-impriżi kkonċernati, inkluża Hoffmann, fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ li kull impriża għamlet mill-prodotti kkonċernati minn din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE, bl-inklużjoni tal-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan jirriżulta sehem tas-suq li jirrappreżenta d-daqs relattiv ta’ kull impriża fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu kunsiderevoli għall-kompetizzjoni.

96      Il-paragun sar abbażi tal-informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni matul l-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri l-1998, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta billi tallega li, f’isem l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni kellha tevalwa s-sitwazzjoni tal-impriżi fil-jum meta ġiet imposta l-multa u, konsegwentement, tgħodd flimkien l-ishma tas-suq ta’ Schunk u ta’ Hoffmann.

97      Dan l-argument mhux biss talli jammonta għal konfutazzjoni tar-responsabbiltà awtonoma ta’ Hoffmann, hekk kif misjub mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, iżda talli għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

98      Għandu jiġi osservat li l-ilment tar-rikorrenti jirrigwarda stadju fil-kalkolu tal-ammont tal-multa abbażi tal-gravità tal-ksur matul liema l-Kummissjoni tadatta l-ammont tal-multa li jista’ jiġi impost, jiġifieri ta’ iktar minn EUR 20 miljun peress li l-ksur ġie kkwalifikat bħala “serju ħafna”, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda mill-impriżi li ħadu sehem fl-akkordju u għalhekk, l-impatt reali tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

99      Issa, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-ksur fis-suq u tas-sehem mir-responsabbiltà li tirriżulta minn din id-determinazzjoni fil-konfront ta’ kull parteċipant fl-akkordju, ġie deċiż li dik il-parti mid-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni tajba tal-portata ta’ ksur fis-suq ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 121, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II-1751, punt 369). B’mod partikolari, hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti idea tajba tan-natura dannuża ta’ din il-prattika fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra p. II-629, punt 643).

100    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta f’dan il-każ, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni u s-sehem tas-suq fiż-ŻEE ta’ kull waħda mill-impriżi li kienu preżenti fis-suq ikkonċernat fl-1998, matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, u mhux is-sitwazzjoni li l-impriżi msemmija kienu jinsabu fiha fil-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, erba’ snin wara li ntemm il-ksur.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha li jirrigwardaw it-tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tul tal-ksur

102    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma responsabbli mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

103    F’dak li jirrigwarda l-fattur li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment ta’ mhux iktar minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont inizjali deċiż abbażi tal-gravità m’għandux jiżdied, il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur fuq żmien twil (ġeneralment ta’ iktar minn ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’10 % għal kull sena (l-ewwel sat-tielet subinċiżi, tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B).

104    Huwa paċifiku li r-rikorrenti ħadet sehem fl-akkordju b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999, jiġifieri perijodu ta’ ksur ta’ ħdax-il sena u xahrejn li jikkorrispondi għal ksur fuq żmien twil, u li bħala konsegwenza, l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġie miżjud b’110 % abbażi tat-tul tal-ksur.

105    Ir-rikorrenti ssostni li din iż-żieda ta’ 110 % hija sproporzjonata u tikkontradixxi kemm il-metodu tal-kalkolu tal-multi previst mill-linji gwida kif ukoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

106    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-linji gwida, ir-rikorrenti ssostni, fl-istess ħin u b’mod kontradittorju, li ż-żieda kkontestata tneħħi l-iskop tal-istadju preliminari tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u li din l-istess gravità tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn peress li l-akkordji fuq il-prezzijiet, ikkwalifikati mill-Kummissjoni bħala ksur “serju ħafna”, huma minnhom innifishom ksur ta’ żmien twil.

107    L-ewwel allegazzjoni tar-rikorrenti tikkostitwixxi sempliċi dikjarażżjoni ta’ prinċipju li hija nieqsa minn kull rilevanza. Biżżejjed li jiġi osservat li, fl-aħħar tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ffissat ammont inizjali, f’dan il-każ ta’ EUR 21 miljun għar-rikorrenti. Wara li kkonkludiet dan l-ewwel stadju, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u, fid-dawl tat-tul ta’ żmien twil ta’ dan il-ksur, żiedet l-ammont inizjali stabbilit preliminarjament. Il-fatt biss li l-ammont addizzjonali tal-multa jirrappreżenta żieda ta’ iktar minn 100 % tal-ammont inizjali bl-ebda mod ma jfisser li jixxejjen l-iskop tal-iffissar tal-ammont inizjali abbażi tal-gravità tal-ksur.

108    Lanqas ma hija fondata t-tieni allegazzjoni safejn din hija bbażata fuq il-premessa żbaljata ta’ korrelazzjoni neċessarja bejn in-natura ta’ ċertu ksur u t-tul tagħhom, u twassal għal konfużjoni tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul ta’ żmien previsti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

109    Anki jekk jitqies li l-akkordji fuq il-prezzijiet huma intrinsikament maħsuba sabiex idumu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi pprojbita milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tul effettiv tagħhom f’kull każ separat. Fil-fatt, ċerti akkordji, minkejja li jiġu proġettati fit-tul, jiġu identifikati mill-Kummissjoni jew irrapportati minn parteċipant wara żmien qasir ta’ funzjonament effettiv. L-effet dannuż tagħhom huwa neċessarjament iżgħar milli fil-każ fejn dawn ikunu effettivament ġew implementati għal żmien twil. Konsegwentement, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandha dejjem issir distinzjoni bejn it-tul effettiv tal-ksur u l-gravità tiegħu hekk kif tirriżulta min-natura tiegħu stess (sentenzi Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punt 259, u Tokai II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 275).

110    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet awtorizzata li tipprovdi, fit-tielet paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida, li ż-żieda għall-ksur ta’ żmien twil kienet ser tkun imsaħħa b’mod kunsiderevoli meta mqabbla mal-prassi preċedenti bil-għan li tissanzjona realment ir-restrizzjonijiet “li kellhom impatt negattiv għal perijodu twil” fuq il-konsumaturi (sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punt 260).

111    Barra minn hekk, it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur fuq żmien twil, iżda f’dan ir-rigward jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni. Jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 299 u 300 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ddeċidiet li żżid l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % supplimentari għal kull perijodu supplimentari ta’ mhux inqas minn sitt xhur iżda mhux iktar minn sena, u dan fid-dawl tal-kobor tal-perijodu tal-ksur, li huwa ħafna ikbar mit-terminu ta’ ħames snin li huwa t-terminu tal-kategorija tal-ksur imsejjaħ bħala ta’ “tul ta’ żmien medju”.

112    Il-fatt li l-Kummissjoni adottat il-prinċipju ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena għall-impriżi kollha li ħadu sehem fil-ksur ikkwalifikat, ġustament, bħala ksur ta’ żmien twil, bl-ebda mod ma jmur kontra l-linji gwida, u l-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur ta’ “prinċipju ta’ żieda digressiva tal-multi” fil-każ ta’ ksur ta’ żmien twil, li l-eżistenza tiegħu fid-dritt Komunitarju mhijiex ipprovata, jinjora n-natura kontinwata tal-ksur, li sabet il-Kummissjoni flimkien man-natura unika ta’ dan il-ksur, u li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

113    Għaldaqstant, ma kien hemm xejn li jipprekludi lill-Kummissjoni milli, skont ir-regoli li imponiet fuqha stess fil-linji gwida, żżid l-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti b’110 % abbażi ta’ tul tal-ksur ta’ ħdax-il sena u xahrejn. Barra minn hekk, din iż-żieda ta’ 110 % ma tistax titqies bħala manifestament sproporzjonata fid-dawl tat-tul ta’ żmien twil tal-ksur.

114    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li din il-prassi ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa unikament ikkostitwit mir-Regolament Nru 17 (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 234), u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi l-oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ diskriminazzjoni, peress li mhuwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 201 u 205, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 60).

115    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għal tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fejn din żiedet l-ammont inizjali tal-multa billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur biss b’effett mit-tieni sena tal-perijodu tal-ksur, u dan peress li l-linji gwida jipprevedu biss żiediet fil-multi għal perijodi li jaqbżu perijodu ta’ ksur meqjus bħala “medju”.

116    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kawżi ċċitati mir-rikorrenti m’għandhomx natura paragunabbli ma’ dik ta’ din il-kawża.

117    Għaldaqstant, fid-deċiżjoni dwar il-kawża tal-pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/135/KE, tal-5 ta’ Lulju 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP.F.1. 36.516 – Nathan-Bricolux) (ĠU 2001, L 54, p. 1), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, bil-kontra ta’ dan il-każ, ir-restrizzjonijiet inkwistjoni ma kinux ġew implementati b’mod sistematiku matul il-perijodu inkwistjoni.

118    Fid-deċiżjoni 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/36.545/F3 − Aċidi aminiċi) (ĠU 2001, L 152, p. 24), il-Kummissjoni ssanzjonat lil diversi impriżi għall-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-suq tal-lisina. Il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet il-prinċipju ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena tal-ksur, iżda ma kinitx applikatu b’mod uniformi, mingħajr ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward. Fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II-2473, punti 130 sa 139), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkoreġiet is-sitwazzjoni billi naqqset iż-żieda adottata abbażi tat-tul ta’ żmien favur l-impriża li fil-konfront tagħha kien ġie applikat il-prinċipju ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena.

119    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju tal-legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 160, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 367).

120    Issa, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, mid-dispożizzjonijiet tal-punt 1 B tal-linji gwida ma jirriżultax li l-ewwel sena tal-ksur m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biss previst li għal ksur ta’ tul ta’ żmien qasir, ġeneralment ta’ tul ta’ mhux iktar minn sena, ma tiġi applikata l-ebda żieda. Min-naħa l-oħra, tiġi applikata żieda għall-ksur ta’ tul superjuri, liema żieda tista’ tiġi ffissata għal “kull sena” għal 10 % tal-ammont inizjali meta, bħal f’dan il-każ, il-ksur ikun dam għal iktar minn ħames snin (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 133).

121    Isegwi li l-ilment ibbażat fuq trattament sproporzjonat u/jew diskriminatorju tar-rikorrenti, f’dak li jirrigwarda l-iffissar taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa abbażi tat-tul tal-ksur u fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

 Fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji

122    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-multi imposti mill-Kummissjoni fuq impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE jistgħu jammontaw għal “10 % tat-turnover [dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur”.

123    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu ċċitat iktar ’il fuq, għalhiex f’dan il-każ, hija kellha ex officio tnaqqas l-ammont bażi tal-multa skont dan l-Artikolu, u dan fid-dawl tal-multi, kemm jekk fir-rigward tal-ammont bażi jew tal-ammont finali, li kienu ġew imposti fuqha fil-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali, peress li l-ammont totali ta’ dawn il-multi, inkluż dak tal-multa imposta fid-Deċiżjoni, jaqbeż nettament l-10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha. Din is-soluzzjoni hija neċessarja minħabba l-għan tal-limitu massimu ta’ 10 %, stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li huwa dak li l-impriża jiġu protetti minn multa eċċessiva li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza ekonomika tagħha.

124    Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni hija ħielsa li tevalwa, bla ħsara għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-għoti ta’ tnaqqis tal-multi skont l-Avviż fuq il-kooperazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, min-naħa l-oħra hija għandha wkoll l-obbligu li tirrispetta l-limitu massimu ta’ 10 %. Il-Kummissjoni m’għandhiex setgħa diskrezzjonali fl-implementazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, li huwa marbut biss mad-daqs tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, I‑5439, punt 125), “mit-tifsira stess tiegħu, limitu massimu jfisser limitu assolut li jiġi applikat awtomatikament meta jintlaħaq livell stabbilit, u inpendentement minn kull element ieħor ta’ evalwazzjoni”.

125    F’dan il-każ, l-ammont bażi tal-multa, stabbilit abbażi tal-gravità u tat-tul tal-ksur, ġie ffissat għal EUR 44.1 miljun f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, liema ammont ma nbidilx wara l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, peress li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma nstabu kontra jew favur ir-rikorrenti. Issa, dan l-ammont ta’ EUR 44.1 miljun huwa manifestament inferjuri għal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża msemmija, li laħaq l-EUR 1 112 miljun għas-sena 2002. Għalhekk, l-ebda tnaqqis tal-ammont bażi tal-multa ma seta’ jingħata lir-rikorrenti, u l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni tajba tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

126    L-argument tar-rikorrenti mfakkra fil-punt 123 iktar ’il fuq, imur kontra l-kliem ċar tal-imsemmi Artikolu 15(2), li minnhu jirriżulta li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika b’mod separat fil-konfront ta’ kull ksur sanzjonat mill-Kummissjoni (sentenza Tokai II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 377). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, dan l-Artikolu jippreskrivi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul ta’ żmien “tal-ksur”.

127    Fl-interpretazzjoni tar-riferiment espress għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża, il-Qorti Komunitarja indikat li l-limitu massimu previst ta’ 10 % huwa intiż li jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriżi u, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ dinji li jista’ effettivament jagħti indikazzjoni approssimattiva f’dan ir-rigward, din il-perċentwali għandha tinftiehem bħala li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 119). Madankollu, l-iskop tal-limitu massimu ta’ 10 %, hekk definit, ma jistax jiġi distint mill-kliem u mill-portata tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 imfakkar fil-punt preċedenti u dan l-iskop ma jistax iwassal li l-Artikolu 15(2) jiġi interpretat kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, peress li tali interpretazzjoni tmur kontra l-kliem tiegħu.

128    In sostenn tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1), fejn il-Kummissjoni qieset li żewġ impriżi kienu t-tnejn li huma wettqu tmien każijiet ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u konsegwentement imponiet fuqhom tmien multi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ammont ta’ kull waħda minn dawn it-tmien multi jirrispetta l-limitu massimu ta’ 10 % u li l-osservazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li s-somma tal-multi imposti lil kull impriża kienet ta’ mhux iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża msemmija mhijiex ta’ natura tali li tistabbilixxi ksur min-naħa tal-Kummissjoni, f’dan il-każ tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

129    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter. Il-Kummissjoni pprovat tevita r-rispett tal-limitu massimu ta’ 10 % billi ssanzjonat separatament fi tliet deċiżjonijiet distinti aġir li jikser il-liġi tal-kompetizzjoni mifrux fuq l-istess perijodu.

130    Meta waqt is-seduta r-rikorrenti ġiet mistoqsija fuq il-portata eżatta ta’ din l-allegazzjoni, hija indikat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li ssostni li l-akkordji kkunsidrati fil-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali u dak li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kienu fir-realtà jikkostitwixxu ksur wieħed u uniku.

131    F’dan l-istadju, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet awtorizzata timponi fuq ir-rikorrenti erba’ multi distinti, li fihom kull waħda minnhom tirrispetta l-limiti ffissati mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, bil-kundizzjoni li hija tkun wettqet erba’ każijiet ta’ ksur distinti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, peress li huwa mfakkar li, fil-kawża tal-grafita speċjali, il-Kummissjoni bdiet proċedura waħda biss li wasslet għall adozzjoni ta’ deċiżjoni unika li tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ każijiet ta’ ksur distinti, waħda minnhom tirrigwarda s-suq tal-grafita iżostatika speċjali u l-oħra s-suq tal-grafita estruża, u imponiet żewġ multi distinti fuq ir-rikorrenti.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti dwar allegat “evitar illegali” tal-limitu massimu previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa nieqes minn kull rilevanza. Fil-fatt, hekk kif tajjeb tindika l-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tal-limitu massimu msemmi, huwa irrilevanti jekk każijiet ta’ ksur differenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jkunu sanzjonati fi proċedura unika jew fi proċeduri separati, fi żminijiet differenti, peress li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika għal kull ċirkustanza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

133    Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-fatt li l-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ għandu effett demoralizzanti fuq l-impriża, li tqiegħdet fl-impossibbiltà li ssaħħaħ il-finanzi tagħha, u li hija suġġetta għall-kundanni pubbliċi kostanti, li hija sors ta’ preġudizzju supplimentari taħt forma ta’ ħsara għar-reputazzjoni, huma wkoll irrilevanti fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ prova ta’ ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jew tal-abbuż ta’ poter allegatament imwettaq mill-Kummissjoni.

134    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 33 % billi ħadet inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet finanzjarji gravi tagħha u l-fatt li hija kienet reċentement ġiet ikkundannata, fil-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali, tħallas multi kbar minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet kollużivi li seħħew fl-istess żmien.

 Fuq l-applikazzjoni allegatament diskriminatorja tal-limitu massimu ta’ 10 % favur Hoffmann

135    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssostnix li kienet tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Hoffmann, iżda li l-Kummissjoni applikat b’mod irregolari l-limitu massimu ta’ 10 % favur Hoffmann, billi ħadet inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ globali żbaljat. Hija tosserva li Hoffmann kienet ġiet akkwistata minn Schunk fit-28 ta’ Ottubru 1999 u li s-somma tal-ammonti bażi adottati kontra ż-żewġ impriżi (EUR 53.1 miljun) kienet tirrappreżenta mhux iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ komuni tagħhom fl-2002 (EUR 624.4 miljun), sitwazzjoni li tipprekludi kull tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-limitu massimu ta’ 10 %.

136    Safejn ir-rikorrenti tinvoka tnaqqis illegali tal-ammont tal-multa favur Hoffmann u anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tat tnaqqis indebitu lil din l-impriża b’applikazzjoni żbaljata tal-limitu massimu ta’ 10 %, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju tat-trattament ugwali allegat mir-rikorrenti għandu jiġi kkonċiljat mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, punt 119 iktar ’il fuq, punt 14; sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 160, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 367).

137    Sussidjarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża li lilha ġie attribwit il-ksur u li, minħabba f’hekk, ġiet iddikjarata responsabbli u ġiet innotifikata lilha d-deċiżjoni li imponiet il-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II-1887, punt 116).

138    Issa, f’dan il-każ huwa paċifiku li l-Kummissjoni qieset li Hoffmann kienet kisret l-Artikolu 81 KE billi ħadet sehem fl-akkordju b’mod awtonomu u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess b’effett minn Settembru 1994 sa Ottubru 1999, jiġifieri qabel ma ġiet akkwistata minn Schunk. Barra minn hekk, wara din l-akkwiżizzjoni, Hoffmann żammet il-personalità ġuridika tagħha, kif ukoll attivitajiet u assi suffiċjenti, anki jekk fil-preżent hija mmexxija minn Schunk (premessa 256 tad-Deċiżjoni). Għalhekk, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li Hoffmann stess kellha tinżamm responsabbli mill-ksur li kienet wettqet qabel ma ġiet akkwistata minn Schunk u meta bbażat ruħha biss fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Hoffmann għall-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

139    Isegwi li l-ilmenti bbażati fuq applikazzjoni żbaljata jew diskriminatorja u “evitar illegali” tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-interessi moratorji

140    Ir-rikorrenti tenfasizza li, wara n-notifika tad-Deċiżjoni u l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, l-ammont tal-multa li jkun baqa’ ma tħallasx jipproduċi b’mod awtomatiku interessi moratorji bir-rata ta’ 5.5 %, jiġifieri r-rata ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), ta’ 2 % fid-data rilevanti, miżjuda bi 3.5 %, filwaqt li din ir-rata ta’ 5.5 % titniżżel għal 3.5 % fil-każ li jitressaq appell bl-għoti ta’ garanzija bankarja.

141    Hija ssostni li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni assolutament ma mmotivatx din ir-rata ta’ interessi daqshekk għolja u arbitrarja. Barra minn hekk, din hija rata ta’ interessi projbittiva li taġixxi, mingħajr bażi legali, bħala multa supplimentari li tissanzjona l-użu ta’ metodu ta’ protezzjoni legali u li tikser “il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal rimedju xieraq mingħajr ma l-fatt li tkun qed tfittex protezzjoni legali ma tikkaġunalha l-ebda dannu”.

142    Għandu jiġi osservat li SGL kienet diġà qajmet ilment simili fil-kuntest tal-kawżi li waslu għas-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, u għas-sentenza Tokai II, punt 52 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ċaħdet l-imsemmi ilment, soluzzjoni li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq appelli mis-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra p. I-5977, punti 113 sa 118), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P, Ġabra p. I-3921, punti 109 sa 115).

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 141 sa 143; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra p. II-2169, punti 46 sa 49, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 395 u 396), is-setgħa li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tinkludi l-possibbiltà li tiddetermina d-data ta’ meta huma dovuti l-multi u dik ta’ meta jibdew jiddekorru l-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tistabbilixxi l-metodi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teżiġi, jekk ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi fuq il-multi imposti. Fin-nuqqas ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jkunu jistgħu jieħdu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-missjoni tagħha li tħares l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ interessi moratorji tal-multi hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-trattat ma jiġix imxejjen minn prattiki implementati unilateralment minn impriżi li jdumu ma jħallsu l-multi li ġew imposti fuqhom u sabiex jiġi eskluż li dawn l-impriżi jkunu vvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawk li jissodisfaw il-ħlas tal-multi tagħhom fit-terminu li jkun ingħatalhom (sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punt 475).

144    F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet lill-Kummissjoni d-dritt li tiffissa l-interessi moratorji għar-rata tas-suq miżjuda bi 3.5 punti perċentwali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CB vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 54; tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T‑24/93 sa T‑26/93 u T‑28/93, Ġabra p. II-1201, punt 250, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 397), u, fil-każ tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, għar-rata tas-suq miżjuda b’1.5 punt perċentwali (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 54).

145    Illum il-ġurnata, dawn is-soluzzjonijiet għandhom bażi miktuba, peress li ġew riprodotti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, p. 1) u b’mod iktar preċiż fl-Artikolu 86 ta’ dan ir-Regolament li r-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità tiegħu. Skont l-Artikolu 273 tiegħu, dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003.

146    Għandu jiġi osservat li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat interessi moratorji ta’ 7.5 %, ta’ 13.25 % u ta’ 13.75 %, filwaqt li ppreċiżat li l-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu punt ta’ riferiment li jkun jinsab f’livell ogħla mir-rata proposta mill-persuna medja li ssellef, applikabbli fis-suq, safejn huwa neċessarju sabiex jiġi dissważ l-aġir dilatorju (ara s-sentenza Tokai I, punt 62 iktar ’il fuq, punt 476, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rati ta’ interessi ta’ 5.5 % u ta’ 3.5 % adottati f’dan il-każ ma jistgħux jitqiesu li huma sproporzjonati, fid-dawl tal-għan leġittimu msemmi.

147    L-argument tar-rikorrenti fuq il-ksur ta’ allegat prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li “kull persuna għandha dritt għal rimedju xieraq mingħajr ma l-fatt li tkun qed tfittex protezzjoni legali ma tikkaġunalha l-ebda dannu” essenzjalment tinvolvi d-dritt li l-impriża sanzjonata b’multa għandha li tressaq rikors mingħajr ma jkun hemm ir-riskju ta’ konsegwenzi fil-każ ta’ ċaħda ta’ dan ir-rikors, u fl-aħħar mill-aħħar tiċħad ir-ratio legis tal-iffissar tal-interessi moratorji, jiġifieri l-prevenzjoni tar-rikorsi mressqa b’mod abbużiv.

148    F’kull każ, ir-rikorrenti ma pprovatx li, fl-iffissar tar-rati tal-interessi għal 5.5 % u għal 3.5 %, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal-protezzjoni legali effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Barra minn dan għandu jiġi osservat li r-rati tal-interessi ffissati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali kif ukoll ta’ din il-kawża, evidentement ma ddisswadewx lir-rikorrenti milli tressaq rikors quddiem il-Qorti Komunitarja.

149    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-impatt tat-tul tal-proċedura ġudizzjarja, li jikkostitwixxi riskju inerenti f’din it-tip ta’ proċedura, mhumiex ta’ natura tali li jikkonfutaw l-imsemmija konklużjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li, sabiex jiġu evitati konsegwenzi fuq l-ammont tal-interessi minħabba t-tul tal-proċedura ġudizzjarja, impriża għandha l-possibbiltà li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuqha jew li tikkostitwixxi garanzija bankarja li tippermetti li r-rata tal-interessi titniżżel minn 5.5 għal 3.5 %.

150    Minbarra dan, ir-rikorrenti tirreferi għal prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-ippremjar permezz ta’ interessi, superjuri b’0.1 % għar-rata tal-interessi minimi offruti għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE, il-ħlasijiet magħmula mill-impriżi bil-għan li jħallsu l-multi tagħhom, ħaġa li tippermetti li jiġi mxejjen ir-riskju invokat fil-punt preċedenti.

151    Madankollu, skont ir-rikorrenti, din il-prassi tipprova li, skont il-Kummissjoni stess, interessi baxxi jidhru li huma biżżejjed sabiex jevitaw rikorsi mressqa b’mod abbużiv, peress li inkella, l-ebda interessi ma jiġu mħallsa u li għaldaqstant, l-ammont ta’ interessi mitlub f’din il-kawża huwa f’kull każ inġustifikat, jew minn tal-inqas inġustifikat sal-ammont tal-interessi li jaqbżu lil dawk imħallsa mill-Kumissjoni.

152    Billi tagħti, permezz ta’ interessi, superjuri b’0.1 % għar-rata tal-interessi minimi offruti għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE, il-ħlasijiet provviżorji magħmula mill-impriżi bil-għan li jħallsu l-multi tagħhom, il-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-benefiċċju ta’ privileġġ li ma jirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, la minn dawk tar-Regolament Nru 17 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 2342/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 82) u li ma jistgħux validament iservu bħala bażi għall-ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, ir-rata tal-interessi applikata mill-Kummissjoni għall-multi li sussegwentement jirriżultaw li definittivament tħallsu bi żball, għandha skop totalment differenti minn dak tal-interessi moratorji: l-ewwel rata tal-interessi għandha l-iskop li tipprekludi l-arrikkiment indebitu tal-Komunitajiet bi ħsara għal impriża li rebħet appel intiż għall-annullament tal-multa tagħha, filwaqt li t-tieni rata tal-interessi għandha l-iskop li tipprekludi d-dewmien b’mod abbużiv fil-ħlas ta’ multa (sentenza Tokai II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 414).

153    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li mill-qari flimkien tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni u tal-ittra tal-11 ta’ Diċembru 2003, li permezz tagħha l-Kummissjoni nnotifikat id-Deċiżjoni lir-rikorrenti, jirriżulta li l-metodu tal-iffisar tal-interessi moratorji ġie ppreċiżat b’mod ċar u li, għalhekk, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE.

154    Isegwi li l-ilment li jirrigwarda r-rati tal-interessi previsti fid-Deċiżjoni, kif imfakkar fil-punt 141 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi?

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SGL Carbon AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucǎ

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażi

Fuq il-gravità tal-ksur

– Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni

– Fuq it-tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji

Fuq it-tul tal-ksur

Fuq il-limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

Fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji

Fuq l-applikazzjoni allegatament diskriminatorja tal-limitu massimu ta’ 10 % favur Hoffmann

Fuq l-interessi moratorji

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.