Language of document : ECLI:EU:C:2019:547

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2019 (1)

Kawża C274/18

Minoo Schuch-Ghannadan

vs

Medizinische Universität Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeits-und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Limitazzjoni tad-dewmien ġenerali massimu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova”






1.        Fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) tagħmel tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, fuq l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”) (2), it-tieni fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (3), u t-tielet fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) ta’ din l-istess direttiva.

I.      Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) saret fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn Minoo Schuch-Ghannadan kontra l-Medizinische Universität Wien (l-Università tal-Mediċina ta’ Vjenna, l-Awstrija, iktar ’il quddiem, il-“MUW”) dwar it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha magħha. Insostenn tal-azzjoni tagħha, M. Schuch-Ghannadan sostniet, partikolarment, li s-sistema implimentata konformement mal-Artikolu 109(2) tal-Universitätsgesetz tal-2002 (il-Liġi Awstrijaka tal-2002 dwar l-Universitajiet, iktar ’il quddiem, il-“UG”), li tapplika għall-MUW (4), u li tirregola lir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha magħha, hija inkompatabbili mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn tistabbilixxi, minn naħa, diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time, u, min-naħa l-oħra, minħabba din ir-raġuni, diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tan-nisa. Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol jistgħu jiġu konklużi għal żmien indeterminat jew determinat, fejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom jiġu limitati għal massimu ta’ sitt snin, sakemm il-UG ma tiddisponix bil-kontra. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li “[s]uċċessjoni ta’ [relazzjonijiet] ta’ żmien determinat konsekuttivi hija legali biss għall-ħaddiema impjegati fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn partijiet terzi jew proġetti ta’ riċerka u għall-persunal iddedikat esklussivament għat-tagħlim kif ukoll għall-persunal ta’ sostituzzjoni. Iż-żmien totali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttiv ta’ ħaddiem ma jistax jaqbeż [sitt] snin, jew [tmien] snin fil-każ ta’ impjieg part-time. Estensjoni unika għal żmien addizzjonali massimu ta’ [għaxar] snin, u ta’ [tnax]-il sena totali fil-każ ta’ impjieg part-time, hija awtorizzata jekk teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva, partikolarment it-tkomplija jew it-twettiq ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ publikazzjoni.”

3.        Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li M. Schuch-Ghannadan kienet impjegata bħala xjentista (5) mill-MUW waqt il-perijodu bejn id-9 ta’ Settembru 2002 sat-30 ta’ April 2014 (b’interuzzjoni mill-1 ta’ Settembru 2005 sat-30 ta’ Settembru 2006), abbażi ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 109(2) tal-UG, parzjalment full-time u parzjalment part-time. Quddiem il-qorti tar-rinviju, M. Schuch-Ghannadan talbet il-konstatazzjoni tal-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mal-MUW, billi invokat kemm ksur tal-Artikolu 109(2) tal-UG, fin-nuqqas tal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni għall-estensjoni tal-kuntratt tagħha għal iktar mil-limitu ta’ 8 snin, u kemm, kif diġà mfakkar, il-ksur mill-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

4.        Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba ta’ M. Schuch-Ghannadan, billi kkunsidrat, minn naħa, li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 109(2) tal-UG u, min-naħa l-oħra, li l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx rilevanti, peress li l-kliem tagħha ma ħallew l-ebda possibbiltà għal interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2006/54. L-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), adita minn M. Schuch-Ghannadan, annullat parzjalment lis-sentenza msemmija hawn fuq tat-2 ta’ Ġunju 2016, minħabba nuqqas ta’ eżami tal-argumenti ta’ M. Schuch-Ghannadan ibbażati fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 109(2) tal-UG mad-dritt tal-Unjoni, u rrinvijat lill-kawża quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija).

5.        Quddiem din il-qorti, il-MUW sostniet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali llimitat ruħha li tallega b’mod mhux sostnut, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema għal żmien determinat part-time u dawk full-time, mingħajr ma ppreċiżat f’xiex kienet tikkonsisti din id-diskriminazzjoni. Hija sostniet li d-differenza fid-dewmien ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema ma tippenalizzax lill-ħaddiema part-time, peress li dawn tal-aħħar għandhom il-possibbiltà sabiex iżommu lill-impjieg tagħhom għal perijodu itwal, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-impjieg permanenti huwa rari fl-universitajiet. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tan-nisa, il-MUW sostniet li kienet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li għandha turi, permezz ta’ data ta’ statistika, li numru ikbar ta’ nisa kienu kkonċernati bid-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiem ta’ żmien determinat part-time u full-time prevista fl-Artikolu 109(2) tal-UG. Id-data li tikkonċerna lill-ħaddiema għal żmien determinat li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, impjegati mill-MUW, ma tippermettix li tiġi sostnuta tali diskriminazzjoni.

6.        Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-prinċipju ta’ pro rata temporis previst fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-[Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time], ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-punt 1 tal-[imsemmija] klawżola 4, japplika għal dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprevedi li t-tul totali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttivi ta’ ħaddiem jew ta’ ħaddiema ta’ università Awstrijaka, impjegat jew impjegata fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew ta’ proġetti ta’ riċerka, huwa ta’ [sitt] snin għall-ħaddiema impjegati full-time iżda ta’ [tmien] snin fil-każ ta’ attività part-time u, barra minn hekk, estensjoni ġdida waħda ta’ tul totali li jista’ jilħaq l-[għaxar] snin għall-impjegati full-time u [tnax]-il sena fil-każ ta’ attività part-time, hija awtorizzata jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari sabiex jitkomplew jew jitlestew proġetti ta’ riċerka jew ta’ pubblikazzjoni?

2.      Dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, meta, fost il-ħaddiema impjegati kollha li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar tikkonċerna perċentwali kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel?

3.      L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, għandu jiġi interpretat fis-sens li mara li, fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, tinvoka diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, għar-raġuni li numru kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma impjegati part-time, għandha tistabbilixxi n-natura verosimili ta’ din iċ-ċirkustanza, b’mod partikolari l-fatt li minn perspettiva ta’ statistika huma n-nisa li huma l-iktar ikkonċernati, billi tippreżenta statistika preċiża jew fatti preċiżi u billi tipproduċi provi adegwati?”

7.        Il-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet ibbenefikat minn osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2019, M. Schuch-Ghannadan, il-MUW, il-Gvern Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

II.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

8.        Fil-motivi tad-digriet tar-rinviju tagħha, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, bħala parametru tal-legalità tal-Artikolu 109(2) tal-UG, minbarra l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time u d-Direttiva 2006/54, il-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat”) (6), u, b’mod partikolari il-klawżola 5 ta’ dan il-ftehim, li fil-paragrafu 1 tagħha teżiġi li l-Istati Membri jadottaw miżuri intiżi sabiex jipprevedu l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Skont l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), l-Artikolu 109(2) tal-UG jikkostitwixxi traspożizzjoni “suffiċjenti u legali” tal-paragrafu 1 tal-imsemmija klawżola. Għaldaqstant, l-ebda mid-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti ma jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola.

9.        Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tinnota n-nuqqas ta’ qbil tagħha fuq l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinvju u tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi, b’mod preliminari, għall-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 109(2) tal-UG jikkostiwixxix traspożizzjoni suffiċjenti tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat. Skont il-Kummissjoni, risposta negattiva għal din il-mistoqsija, kif irrakkomandat minnha, twassal sabiex ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tkunx meħtieġa.

10.      Qabel ma jiġi ttrattat il-mertu tad-domanda preliminari mqajma mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-passi li din l-istituzzjoni qiegħda tissuġġerixxi li jittieħdu, li jimplikaw, essenzjalment, id-dikjarazzjoni ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda addizzjonali fil-konfront ta’ dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju, humiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

1.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ dikjarazzjoni ex officio ta’ domanda preliminari addizzjonali fil-każ tal-kawża preżenti

11.      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali (7), li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni (8). Għaldaqstant, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (9), u lanqas li jiddikjarawhom mingħajr skop. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ tiġi obbligata li tirrispondi għal domanda addizzjonali fuq l-inizjattiva ta’ parti fil-kawża (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja timmotiva lil din il-ġurisprudenza fir-rigward, minn naħa, tan-natura tar-rinviju preliminari, li huwa intiż sabiex jistabbilixxi, “kooperazzjoni diretta bejnha u l-qrati nazzjonali, abbażi ta’ proċedura mhux kontenzjuża, permezz ta’ proċedura li mhijiex relatata ma’ kwalunkwe inizjattiva tal-partijiet u li matulha dawn huma mistiedna biss sabiex jinstemgħu” (11) u min-naħa l-oħra, permezz tal-obbligu li hija għandha li tiżgura l-possibbiltà għall-gvernijiet tal-Istati Membri u għall-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati(12). Bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija minn waħda mill-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom ikun inkompatibbli ma’ tali obbligu (13).

12.      Jekk, abbażi tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta, bħala prinċipju, li tirrispondi għad-domandi addizzjonali msemmija mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew mill-partijiet ikkonċernati, jeżisti madankollu każ fil-ġurisprudenza li tikkonferma soluzzjoni opposta, li tistabbilixxi, minkejja d-delimitazzjoni tar-rinviju preliminari mwettaq mill-qorti nazzjonali, il-ħtieġa li tingħata risposta li tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (14). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, intalbet sabiex tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (15), fid-dawl, b’mod partikolari tal-fatti u tal-argumenti mqajma matul il-proċedura (16), jew ukoll sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula sabiex tinkludi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet evokati minn waħda mill-partijiet, jew anki fuq inizjattiva tagħha stess (17). Barra minn hekk, hija affermat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (18), u dan anki meta t-tweġiba għall-mistoqsija addizzjonali mqajma x’aktarx tirrendi irrilevanti l-mistoqsijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju (19) jew fejn din il-kwistjoni kienet impliċitament jew espliċitament deċiża fi stadju preċedenti fit-tilwima bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (20).

13.      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet tiġġustifikax li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta soluzzjoni li taqa’ taħt l-istess ġurisprudenza.

14.      F’dan ir-rigward, ninnota qabel kollox li, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, u dan ġie kkonfermat mir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li din ma kkontestatx, quddiem il-qorti tar-rinviju l-legalità tal-Artikolu 109(2) tal-UG taħt il-perspettiva tal-kompatibbiltà tiegħu mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat. Madankollu, dik il-kwistjoni ġiet indirizzata u deċiża mill-qorti tar-rinviju, fis-sens li ma jistax jiġi eskluż a priori li din tifforma parti mis-suġġett tal-kawża prinċipali.

15.      Sussegwentement, infakkar li l-Artikolu 109 tal-UG huwa meqjus li jittrasponi, fil-qasam tar-riċerka u tat-tagħlim universitarju, lill-imsemmija klawżola 5. Bħala konsegwenza, teżisti rabta funzjonali diretta bejn dan l-artikolu u d-dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li l-Qorti ser ikollha tinterpreta ex officio.

16.      Barra minn hekk, jidhirli li ma jistax jiġi kkontestat li risposta għad-domanda sabiex isir magħruf jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 109 tal-UG tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din il-kawża tirrigwarda l-legalità tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-MUW, kif ukoll fuq il-konsegwenzi, għaż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, fil-każ tal-possibbiltà ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità.

17.      Fl-aħħar, nenfasizza li l-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw xi osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni oralment waqt is-seduta. Minn naħa tagħhom, il-partijiet li ma pparteċipawx fil-proċedimenti bil-miktub, irċevew notifika mir-Reġistratur (fil-lingwa tal-proċedura u bil-lingwa Franċiża), fuq l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u għaldaqstant ġew informati bl-estensjoni tas-suġġett tad-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proposta minn din tal-aħħar. Għalhekk, huma kienu f’sitwazzjoni li jipparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat evokata mill-Kummissjoni.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat

19.      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tiddikjara, fil-punt 1 tagħha, li “[s]abiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin: a) raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet; b) iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss; c) in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.” (21)

20.      Din il-klawżola għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet segwiti mill-imsemmi ftehim qafas, jiġifieri li jiġi llimitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, meqjus li huwa sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi li tiġi evitata l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (22).

21.      Fil-fatt, il-benefiċċju tal-istabbilità tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, peress li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw lill-bżonnijiet kemm ta’ min jimpjega, kif ukoll tal-ħaddiema (23).

22.      Għaldaqstant, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (c) ta’ din il-klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (24).

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istat Membri jiddisponu f’dan il-qasam minn marġni ta’ diskrezzjoni, peress li huma għandhom l-għażla li jirrikorru għal miżura jew għal numru ta’ miżuri ddikjarati fil-punt 1(a) sa (c) ta’ din l-istess klawżola, kif ukoll għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti u dan billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema (25).

24.      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109(2) tal-UG, li jippermettu t-tiġdid ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fil-qasam tar-riċerka u tat-tagħlim universitarju fl-Awstrija (26), jissodisfawx il-kriterju meħtieġ sabiex jikkostitwixxu miżuri kontra l-abbuż stabbiliti fil-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat.

25.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-possibbiltà li l-Artikolu 109(2) tal-UG jiġi kkunsidrat bħala miżura fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” li jidher f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu jinftiehem fis-sens li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, li huma ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (27). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tkunx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, mingħajr ma tippermetti li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop (28).

26.      L-Artikolu 109(2) tal-UG jidentifika tliet kategoriji ta’ ħaddiema li fil-konfront tagħhom huma ammessi r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konsekuttivi, jiġifieri l-ħaddiema impjegati għal “proġetti ffinanzjati minn parti terzi jew proġetti ta’ riċerka”, “il-persunal assenjat esklussivament għat-tagħlim” u l-“persunal ta’ sostituzzjoni”. Peress li r-rikorrenti taqa’ taħt l-ewwel minn dawn il-kategoriji, ser nillimita l-analiżi tiegħi għal din.

27.      F’dan ir-rigward, nosserva, qabel kollox, li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma jesponix xi raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttivi għal żmien determinat għall-imsemmija kategorija ta’ ħaddiema.

28.      Ċertament, jista’ jkun li l-impjiegi inkwistjoni, sa fejn huma marbuta mal-implimentazzjoni ta’ “proġetti”, huma ta’ natura temporanja u huma intiżi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet proviżorji tal-università kkonċernata, li jippersistu biss sa tmiem il-proġett. L-istess, hekk kif isostnu l-MUW u l-Gvern Awstrijak, il-fatt li proġett huwa ffinanzjat minn parti terza, fis-sens li ż-żamma tal-impjieg jiddependi fuq il-kontinwità tal-finanzjament, jidher li jiġġustifika l-użu ta’ flessibbiltà ikbar, fil-ġestjoni ta’ ħaddiema assenjati lil tali proġetti.

29.      Madankollu, minn naħa, nosserva li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq natura mhux permanenti ta’ finanzjament ta’ impjieg ma tistax tiġi invokata għajr għal ħaddiema impjegati fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi, filwaqt li, fid-dawl tal-kliem tiegħu, l-Artikolu 109(2) tal-UG jidher li huwa intiż sabiex japplika tkun xi tkun is-sors ta’ finanzjament tal-attività ta’ riċerka (29), li madankollu, għandha tikkonferma l-qorti tar-rinviju (30).

30.      Min-naħa l-oħra, ninnota li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma jissuġġettax l-użu ta’ suċċessjoni ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat mal-istess persuna għall-kundizzjoni li dawn jiġi assenjati għal proġett ta’ riċerka partikolari jew għat-twettiq ta’ doveri jew ta’ servizzi partikolari marbuta ma’ tali proġett, u lanqas ma jirrikjedi li jiġi allinjat id-dewmien ġenerali ta’ dawn ir-relazzjonijiet mad-dewmien mistenni tal-proġett li hija assenjata għalih l-imsemmija persuna. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tħalli, bħala prinċipju, lill-universitajiet ħielsa sabiex jimpjegaw lill-istess ħaddiema konsekuttivament fil-kuntest ta’ diversi proġetti, u dan għal perijodu li jista’ jiġi estiż sa tnax-il sena (31). F’tali każ, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huwa intiż pjuttost sabiex jissodisfa l-bżonnijiet permanenti u sostenibbli tal-universitajiet f’wieħed mill-oqsma prinċipali tal-attività tagħhom, jiġifieri r-riċerka (32), kemm jekk hijiex iffinanzjata jew le minn partijiet terzi (33). F’dan ir-rigward, nenfasizza li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukat tal-MUW ippreċiża li l-Artikolu 109(2) tal-UG jikkonċerna madwar 30% tal-persunal tagħha (34). Barra minn hekk, f’diversi okkażjonijiet waqt il-proċedura, kemm il-MUW u kemm il-Gvern Awstrijak enfasizzaw li l-impjieg għal żmien indeterminat huwa rari fl-universitajiet fir-rigward tal-persunal xjentifiku. Dawn l-elementi jikkonfermaw, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fil-qasam tar-riċerka u tat-tagħlim jirrapreżenta prattika normali fi ħdan il-MUW u jikkonċerna parti sinjifikanti mill-persunal tagħha.

31.      Sussegwentement, ninnota li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma fih l-ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-użu ta’ relazzjonijiet konsekuttivi ta’ xogħol għal żmien determinat huwa awtorizzat fi ħdan il-kategorija ta’ ħaddiema impjegati għal proġetti ffinanzjati minn partijiet terzi jew għal proġetti ta’ riċerka. Din il-kategorija hija prevista b’mod ġenerali. Ma hija meħtieġa l-ebda kwalifikazzjoni jew esperjenza xjentifika marbuta mal-proġetti ta’ riċerka li għalihom tali ħaddiem huwa impjegat, fis-sens li din il-kategorija tinkludi, potenzjalment, kemm il-persunal xjentifiku, riċerkaturi iżda wkoll il-professuri, u kemm il-persunal tekniku u amministrattiv, jiġifieri l-persunal kollu impjegat fil-qasam tar-riċerka. Barra minn hekk, peress li l-ebda kundizzjoni f’dan is-sens ma hija prevista fil-kliem tiegħu, l-Artikolu 109(2) tal-UG, ma jistax, bil-kontra ta’ dak sostnut mill-avukat tal-MUW waqt is-seduta quddiem il-qorti, jiġi kkunsidrat bħala li jipprevedi biss il-persunal xjentifiku taħt taħriġ (35).

32.      Barra minn hekk, l-Artikolu 109(2) in fine tal-UG jipprevedi li, għat-tliet kategoriji ta’ ħaddiema previsti minn dan il-paragrafu, “estensjoni unika” tar-relazzjoni tax-xogħol lil hinn mis-sitt jew tmien snin stabbiliti iktar ’il fuq fl-istess paragrafu u għal dewmien addizzjonali massimu stabbilit ta’ erba’ snin “hija awtorizzata jekk teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari għat-tkomplija jew twettiq ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ publikazzjoni”.

33.      Issa, minn naħa, nosserva li anki jekk tali estensjoni hija kklassifikata bħala “unika”, fil-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali – li magħha l-MUW ikkonkludiet disa’ kuntratti konsekuttivi fil-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti u tat-tliet kuntratti konsekuttivi fil-kors ta’ proċedura preċedenti (36) – jirriżulta li, l-Artikolu 109(2) tal-UG jawtorizza, mill-inqas skont il-qari mwettaq mill-MUW, il-konklużjonijiet ta’ numru mhux definit ta’ kuntratti konsekuttivi waqt il-perijodu bejn sitt u tmien snin li kien preċedenti għall-estensjoni prevista f’din l-istess dispożizzjoni in fine. Min-naħa l-oħra, ninnota li minn qari a contrario tal-Artikolu 109(2) in fine, tal-UG, li skont il-kliem tiegħu hija biss l-aħħar estensjoni li hija suġġetta għall-kundizzjoni li teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva, jirriżulta li t-tiġdid li seħħ waqt il-perijodu msemmi hawn fuq ta’ sitt sa tmien snin ma kienx suġġett għall-istess kundizzjoni.

34.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma jissodisfax lill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza evokata fil-paragrafu 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet sabiex jikkostitwixxi miżura fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix iċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li fihom il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi u mġedda mal-ħaddiema impjegati fil-qasam tar-riċerka universitarja (37).

35.      It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 109(2) tal-UG jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxi miżura fis-sens tal-klawżola 5(1)(b), tal-imsemmi ftehim qafas, sa fejn jistabbilixxi d-dewmien massimu totali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat inkwistjoni sa għaxar snin għall-ħaddiem full-time u sa tnax-il sena għall-ħaddiema part-time.

36.      Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li dawn il-perijodi huma, f’termini assoluti, importanti ħafna. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala eċċessiv dewmien massimu li kien kunsiderevolment iqsar (38). Madankollu, inqis li ma huwiex importanti d-dewmien totali previst bħala tali (jew, mill-inqas, mhux biss), sabiex jiġi kkunsidrat jekk dispożizzjoni nazzjonali tissodisfax l-għan segwit minn miżura skont it-tifsira tal-Klawsola 5(1)(b) tal-Ftehim Qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat. Fil-fatt, dan id-dewmien għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-impjieg li jirrigwarda, kif ukoll tat-totalità taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw lir-relazzjonijiet ta’ xogħol inkwistjoni. Fir-rigward tal-perijodi massimi previsti fl-Artikolu 109(2) tal-UG, dawn ma jistgħux, fl-opinjoni tiegħi, jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu, fihom infushom, li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ żmien determinat fil-qasam inkwistjoni.

37.      Fil-fatt, minn naħa, ninnota li tali dewmien jista’ jkopri sa terz ta’ karriera ta’ ħaddiem li huwa parti mill-persunal xjentifiku tal-universitajiet (39). Dewmien daqshekk twil, f’termini assoluti u relattivi, iħallu li jiġi preżunt li s-servizzi meħtieġa mill-ħaddiema kkonċernati ma jikkostitwixxux sempliċi bżonn temporanju, iżda jipprevedu, bil-kontra, li jiġi kopert bżonn permanenti u sostenibbli ta’ min jimpjega (40). Min-naħa, nenfasizza li l-importanza tal-imsemmi dewmien, li flimkien man-nuqqas ta’ limiti fir-rigward tan-numru ta’ tiġdid konsekuttiv ammess għall-ewwel sitta sa tmien snin tar-relazzjoni tax-xogħol, tamplifika s-sitwazzjoni ta’ prekarjat li jinsabu fiha l-imsemmija ħaddiema. L-istess, in-nuqqas ta’ kwalunkwe ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għall-imsemmi tiġdid suċċessiv irendi inqas adegwati sabiex jikkostitwixxu, fihom infushom, salvagwardja kontra l-abbuż.

38.      Għaldaqstant, inqis li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma jissodisfax lir-rekwiżiti tal-klawżola 5(1)(b) tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat.

39.      Fl-aħħar, mill-kliem tal-Artikolu 109(2) tal-UG jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-perijodu finali ta’ erba’ snin, l-ebda limitazzjoni tan-numru ta’ tiġdid permessibbli ma ġiet stabbilita. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li jiġi traspost il-punt (c) tal-imsemmija klawżola.

40.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok fl-opinjoni tiegħi li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109(2) ma jissodisfawx lill-kriterju rikjest sabiex jikkostitwixxu l-miżuri stabbiliti fl-imsemmi punt 1(a) sa (c) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għal ebda miżuri legali ekwivalenti fis-sens ta’ din il-klawżola, li jkunu applikabbli fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-użu ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fil-qasam tar-riċerka universitarja, awtorizzat fid-dritt Awstrijak mill-Artikolu 109(2) tal-UG, ma għandux miżuri imposti fuqu li jippermettu l-prevenzjoni ta’ abbuż.

B.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

41.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, minn naħa, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, jekk il-prinċipju ta’ prorata temporis, previst fil-punt 2 tal-istess klawżola, japplikax f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-klawżola prinċipali.

42.      Hekk kif jirriżulta mill-preambolu tagħha u mill-premessa 11 tad-Direttiva 97/81, il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time huwa intiż sabiex jelimina d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema part-time u sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ possibbiltajiet ta’ xogħol part-time fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u għall-ħaddiema. Il-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha: “[f]ejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat”. Il-punt 2 ta’ din il-klawżola jippreċiża li “[m]eta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.”

43.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dewmien tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi fil-kuntest tal-Artikolu 109(2) tal-UG jikkostitwixxux “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-imsemmija klawżola 4.

44.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li dan huwa l-każ. Fil-fatt, fir-rigward tal-għanijiet li hija ssegwi, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandu jinftiehem fis-sens li jesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (41). Interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li teskludi mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, il-kundizzjonijiet finanzjarji bħal dawk marbuta mar-remunerazzjoni u mal-pensjonijiet, ikollha l-effett li tnaqqas, b’kuntrast mal-għan mogħti lill-imsemmija klawżola, il-kamp ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati, billi tintroduċi distinzjoni, ibbażata fuq in-natura tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li t-termini ta’ din il-klawżola bl-ebda mod ma jissuġġerixxu (42).

45.      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 109(2) tal-UG jirriżervax għall-ħaddiema part-time, trattament inqas favorevoli fil-konfront tal-ħaddiema full-time tal-istess tip. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jqisu li dan huwa l-każ, filwaqt li l-MUW u l-Gvern Awstrijak għandhom l-opinjoni opposta.

46.      F’dan ir-rigward, nippreċiża, qabel kollox li, l-grupp ta’ ħaddiema full-time tal-istess tip, li fil-konfront tagħhom għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 109(2) tal-UG fihx diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time, jikkonsistu f’ħaddiema full-time impjegati mill-MUW għal żmien determinat fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn partijiet terzi jew proġetti ta’ riċerka (43).

47.      Sussegwentement, ninnota li, kemm il-MUW u kemm il-Gvern Awstrijak isostnu li minħabba l-possibbiltà, għall-ħaddiema part-time, sabiex jaħdmu għal iktar żmien mill-kollegi full-time tagħhom, anki jekk fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żvantaġġ iżda pjuttost bħala vantaġġ (jew bħala kumpens għal żvantaġġ), peress li wara t-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg ma hemm l-ebda garanzija ta’ aċċess għal impjieg għal perijodu indeterminat, b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta’ impjiegi bħal dawn fl-universitajiet.

48.      Nammetti li dan l-argument ma tantx jikkonvinċini. Ċertament, ma huwiex eskluż li, meta, minħabba n-natura tagħhom stess, xogħol, servizz jew kompitu partikolari jistgħu jagħtu lok għal relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat biss, il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni, billi jiġi ffissat id-dewmien massimu ta’ din ir-relazzjoni, il-ħin li ħaddiem part-time jiddisponi minnu għat-twettiq ta’ tali xogħol, ta’ servizz jew ta’ tali kompitu, li n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol huwa inqas meta mqabbel ma’ ħaddiem full-time, u dan jissodisfa l-bżonn li jiġi żgurat trattament ugwali liż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema.

49.      Madankollu, minn naħa, ninnota li l-funzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitwettqu wkoll fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ żmien determinat ħlief fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet esposti b’mod partikolari fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 109(2) tal-UG jippermetti lill-universatijiet sabiex ikopru l-bżonnijiet ta’ persunal tagħhom, li, fir-realtà huma permanenti u sostenibbli billi jkollhom l-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. Issa, f’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ il-fatt, għal ħaddiem part-time, li jista’ jestendi r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat mal-università għal żmien itwal mill-kollegi full-time tiegħu. Fil-fatt, argument bħal dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat bħala li ngħatat vantaġġ kategorija ta’ ħaddiema li fir-realtà iktar għandha riskju li tiġi affettwata mill-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat u, fl-aħħar nett, sabiex jiġi ġġusitifikat tali użu abbużiv billi tiġi invokata r-rarità ta’ impjiegi tal-istess tip għal żmien indeterminat, rarità li, minn naħa tagħha, hija wkoll funzjoni tal-politika tal-universitajiet fil-qasam tal-impjieg, intiża sabiex jiġu esplojtati intensivament il-possibbiltajiet offerti mill-Artikolu 109(2) tal-UG. Barra minn hekk, ninnota li, jekk huwa minnu li ladarba jiskadu t-termini massimi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol mal-università, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk din tal-aħħar hija interessata li titkompla l-imsemmija relazzjoni, hija tkun marbuta sabiex tagħmel dan permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat (44). Fl-aħħar nett, l-argument tal-Gvern Awstrijak, li jipprovdi li l-Artikolu 109(2) tal-UG joffri biss possibbiltà li partijiet ikkonċernati bir-relazzjonijiet tax-xogħol, li ma humiex obbligati li jisfruttaw, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat, b’rigward partikolarment tal-iżbilanċ li jeżisti inevitabbilment bejn l-imsemmija partijiet, speċjalment f’sitwazzjoni fejn iċ-ċans għal ħaddiem li jżomm ir-relazzjonijiet tax-xogħol tiegħu mal-università li timpjegah b’mod ieħor minbarra permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat, huwa limitat ħafna.

50.      F’kull każ, anki kieku jiġi kkunsidrat, għalkemm ma naqbilx, li l-possibbiltà, għall-ħaddiema part-time sabiex jestendu r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom mal-università għal żmien itwal mill-kollegi full-time tagħhom tikkostitwixxi vantaġġ, nosserva, kif tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Artikolu 109(2) in fine tal-UG jipprevedi għall-ħaddiema full-time estensjoni ta’ madwar 66% tad-dewmien massimu ta’ sitt snin previst f’dan il-paragrafu, filwaqt li, għall-ħaddiema part-time, din il-perċentwali hija biss 50%. F’termini relattivi, tali “vantaġġ” huwa għaldaqstant ikbar għall-ħaddiema tal-ewwel kategorija milli għal dawk tat-tieni, li jimplika trattament differenti bi ħsara għal dawn tal-aħħar.

51.      It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiem part‑time u l-ħaddiema full-time prevista fl-Artikolu 109(2) tal-UG hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. Il-Gvern Awstrijak u l-MUW jaffermaw li d-dewmien differenti massimu awtorizzat tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-impjegati full-time u l-impjegati part-time jirrifletti differenzi reali bejn dawn l-impjiegi fil-qasam tar-riċerka universitarja. Skont dawn il-partijiet interessati, is-servizzi u l-kwalifikazzjoni f’dan il-qasam jitkejlu prinċipalment abbażi tal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka. Kieku jiġi applikat l-istess dewmien massimu, il-ħaddiema part-time ikollhom inqas possibbiltajiet li jistabbilixxu ruħhom fil-qasam kompetittiv ħafna tar-riċerka universitarja meta mqabbla mal-kollegi full-time tagħhom. Għaldaqstant, dan isir sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema part-time ma jkunux żvantaġġati fil-kompetizzjoni universitarja meta mqabbla mal-persunal full-time kieku kellhom jibbenefikaw minn dewmien ta’ kuntratt itwal.

52.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C‑184/89, EU:C:1991:50, punt 14), dwar diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-affermazzjoni li tipprovdi li teżisti rabta partikolari bejn id-dewmien ta’ attività professjonali u l-akkwist ta’ ċertu livell ta’ għarfien jew ta’ esperjenza, sa fejn tikkostitwixxi sempliċi ġeneralizzazzjoni li tikkonċerna ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, ma tippermettix li jiġu stabbiliti kriterji oġġettivament iġġustifikati u li bl‑ebda mod ma jiddiskriminaw. Fil-fatt, minkejja li l-anzjanità tmur id f’id mal-esperjenza, li bħala prinċipju jqiegħdu lill-ħaddiem f’pożizzjoni sabiex iwettaq aħjar il-kompiti tiegħu, l-oġġettività ta’ tali kriterju tiddependi fuq il-kriterji kollha ta’ kull każ, u partikolarment ir-relazzjoni bejn in-natura tal-funzjoni eżerċitata u l-esperjenza li min jeżerċita din il-funzjoni jkollu wara ċertu numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettaq (45).

53.      Hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-kompetenza sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk, billi jistabbilixxi differenza fid-dewmien massimu ammess għar-relazzjonijiet ta’ dewmien determinat mal-ħaddiema full-time u mal-ħaddiema part-time, l-Artikolu 109(2) tal-UG kellux l-intenzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet evokati mill-MUW u mill-Gvern Awstrijak, u jekk, fil-qasam tar-riċerka, partikolarment dak xjentifiku, fl-Awstrija, teżistix rabta ċerta bejn in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettaq u l-kisba ta’ kwalifikazzjoni, ta’ esperjenza jew ta’ titoli li jistgħu jagħtu aċċess għal xi selezzjonijiet fid-dawl li wieħed jimxi ’l quddiem fil-karriera universitarja jew f’pożizzjoni ta’ żmien indeterminat (46) jew jippermettu li jittejjeb iċ-ċans ta’ suċċess f’tali selezzjonijiet. Minn naħa tiegħi, ser nillimita ruħi sabiex nirrileva li, kemm il-formula ta’ konverżjoni użata għall-ħaddiema impjegati parzjalment full-time u parzjalment part-time (47), li ma hijiex ibbażata fuq is-sigħat effettivament maħduma, u kemm il-possibbiltà ta’ estensjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, li f’termini relattivi, hija itwal għall-ħaddiema full-time milli għall-ħaddiema part-time ma jidhrux koerenti mal-għanijiet evokati mill-Gvern Awstrijak u mill-MUW.

54.      Ir-raba’ u l-aħħar nett, għandha tiġi eskluża l-applikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tal-prinċipju ta’ prorata temporis evokat fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time. Mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi ttrattata l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk, bħalma jafferma l-Gvern Awstrijak, dan il-prinċipju japplika biss għas-servizzi li jippreżentaw natura ta’ remunerazzjoni, ninnota li l-użu ta’ dan ma huwiex previst fl-imsemmija klawżola, ħlief meta jkun “approprjat”. Issa, kif jafferma ġustament dan l-istess gvern, applikazzjoni stretta tal-imsemmi prinċipju, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dewmien massimu tar-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat applikabbli għall-ħaddiema part‑time, twassal sabiex jiġi stabbilit dewmien twil ħafna għal ħaddiema bl-inqas numru ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, li jkun inaċċettabbli minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat.

C.      Fuq it-tieni domanda preliminari

55.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 109(2) tal-UG, tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54. Skont din id-dispożizzjoni, “diskriminazzjoni indiretta’ tfisser “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa”.

56.      Hekk kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Kording (C-100/95, EU:C:1997:453, punt 25), dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprevedi għall-ħaddiema part-time trattament inqas favorevoli meta mqabbla ma’ ħaddiem full-time, toħloq diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema nisa, meta jirriżulta li fil-fatt perċentwali kunsiderevolment aktar baxx ta’ rġiel milli nisa jaħdmu part-time. Madankollu, tali inugwaljanza fit-trattament tkun inkompatibbli mad-Direttiva 2006/54 jekk hija ġġustifikata minn kriterji oġġettivament iġġustifikati u li bl-ebda mod ma jiddiskriminaw fuq il-bażi tas-sess.

57.      Għaldaqstant għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kriterji sabiex ikun jista’ jiġi konkluż, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fis-sens tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. Minn naħa, l-Artikolu 109(2) għandu, mingħajr raġuni oġġettiva, jirriżerva għall-ħaddiema part-time trattament inqas favorevoli minn dak ta’ ħaddiema full-time. Min-naħa l-oħra għandu jintwera li hemm perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel li jaħdmu part-time.

58.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, nirreferi għall-paragrafi 47 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet fejn irrispondejt b’mod affermattiv għall-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 109(2) tal-UG joħloqx żvantaġġ għall-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time. F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament inqas favorevoli li din id-dispożizzjoni tirriżerva għall-ħaddiema part-time, nirreferi għall-punti 51 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet fejn l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-oġġettività tal-kriterji li huma l-bażi tar-raġunijiet invokati mill-MUW u mill-Gvern Awstrijak għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.

59.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament ikkonstatata bejn il-ħaddiema full-time u l-ħaddiema part-time taffettwax numru kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli rġiel, jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-sors tad-differenza fit-trattament. Huwa għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li jiddetermina ċ-ċirku ta’ persuni li jista’ jiġi inkluż fit-tqabbil(48). Issa ninnota li l-unika statistika pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna biss lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi tal-Artikolu 109(2) tal-UG mill-MUW (49). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix minn data sinjifikattiva li tippermettilha sabiex tevalwa jekk, fil-kategorija ta’ ħaddiema għal żmien determinat part-time, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, impjegati għal proġetti ffinanzjati minn partijiet terzi jew għal proġetti ta’ riċerka, il-perċentwali ta’ nisa hijiex kunsiderevolment ogħla mill-perċentwali ta’ rġiel.

D.      Fuq it-tielet domanda preliminari

60.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq l-oneru tal-prova impost, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 (50), fuq persuna li tqis li sofriet diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, hija tali persuna, li għandha tistabbilixxi, quddiem qorti jew kwalunkwe awtorità kompetenti, il-fatti jew il-provi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (51). L-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-konvenuta meta jkun hemm “każ prima facie ta’ diskriminazzjoni” (52).

61.      Kemm il-MUW u kif ukoll il-Gvern Awstrijak jikkunsidraw li r-rikorrenti ma ssodisfatx l-oneru tal-prova fis-sens tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, peress li, insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, hija llimitat ruħha li tirreferi għal statistiċi li jikkonċernaw lis-suq tax-xogħol fl-Awstrija, li minnhom jirriżulta li numru kunsiderevoli ikbar ta’ nisa minn irġiel huma impjegati part-time. Dawn il-partijiet ikkonċernati jfakkru li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk miżura nazzjonali li tidher newtrali tipproduċix fir-rigward ta’ ħaddiema nisa, xi effetti sfavorevoli meta mqabbla ma’ dawk li toħloq għal ħaddiema rġiel, huwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li jiddetermina ċ-ċirku ta’ persuni li jista’ jiġi inkluż fit-tqabbil (53). Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tibbaża r-rikors tagħha fuq id-data li tikkonċerna lill-ħaddiema li jaqgħu taħt l-Artikolu 109(2) tal-UG biss.

62.      F’dan ir-rigward, ninnota li huwa minnu li mill-ġurisprudenza msemmija mill-MUW u mill-Gvern Awstrijak jirriżulta li hija biss l-istatistika sinjifikanti li tikkonċerna lill-ħaddiema kkonċernati mill-miżura nazzjonali inkwistjoni, li tippermetti lill-parti rikorrenti sabiex tistabbilixxi “każ prima facie ta’diskriminazzjoni” u, għaldaqstant, sabiex titrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-konvenuta. Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tittrattax il-kwistjoni – li bil-kontra titressaq f’din il-kawża – sabiex isir magħruf permezz ta’ liema elementi persuna tqis li sofriet diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tkun tista’ tistabbilixxi każ prima facie ta’ diskriminazzjoni fil-każ fejn tali statistika ma hijiex disponibbli jew fejn ma hijiex aċċessibbli faċilment għal din il-persuna.

63.      Issa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iskop tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, li huwa dak li jtaffi l-piż tal-oneru tal-prova tar-rikorrenti f’xi proċeduri li jirrigwardaw il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (54), u peress li huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu, ikun xi jkun l-istadju tal-proċedura, regoli ta’ prova iktar favorevoli għar-rikorrenti (55), fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jiġi meqjus bħala mhux sostnut każ prima facie ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess minħabba s-sempliċi fatt li r-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ data iktar preċiża disponibbli, ibbażat ruħha fuq statistika ġenerali li tikkonċerna lis-suq tal-impjieg tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali sitwazzjoni, hija l-konvenuta li għandha tipproduċi data ta’ statistika li tirrigwarda lill-ħaddiema kollha kkonċernati bil-miżura nazzjonali inkwistjoni (56), jew, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, għall-qorti jew l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex takkwistahom ex officio (57).

E.      Fuq it-talba għal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

64.      Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-MUW, sostnuta mill-Gvern Awstrijak, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn hija tagħti risposta favorevoli għat-teżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sabiex tillimita rationae temporis l-effetti tas-sentenza li tingħata. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad lil din it-talba.

65.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lid-dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti, anki fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi mibdija u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti wkoll ir-rekwiżiti kollha li jippermettu li tinfetaħ kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (58). Huwa biss f’każ eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kwalunkwe parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-bona fede tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (59). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax rationae temporis is-sentenza tagħha mogħtija preliminarjament ħlief f’sitwazzjonijiet preċiżi ħafna, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fede abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-persuni kkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (60)

66.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tali ċirkustanzi ma jirriżultawx fil-kawża preżenti, fis-sens li l-kriterju li jirrigwarda l-bona fede tal-partijiet interessati ma huwiex issodisfatt. Fil-fatt, l-analiżi żviluppata fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet hija biss ir-riżultat tal-applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, ilha ħafna żmien, tistabbilixxi l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ regola nazzjonali mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat u l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, fis-sens li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha taqsam din l-analiżi, ma jkunx jista’ jiġi sostnut li inċertezza oġġettiva u sinjifikanti teżisti fir-rigward tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

III. Konklużjoni

67.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija)u għad-domanda addizzjonali li jien nipproponi li tqajjem ex officio kif ġej:

1)      Il-punt 1 tal-klawżola 5, tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, u li huwa inkluż fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li ma tipprevedix miżuri adattati, fis-sens ta’ din il-klawżola, sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għall-ħaddiema impjegati mill-universitajiet fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew proġetti ta’ riċerka.

2)      Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal sitt snin id-dewmien massimu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat għall-ħaddiema full-time impjegati mill-universitajiet fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew proġetti ta’ riċerka, filwaqt li dan id-dewmien huwa ta’ tmien snin għall-ħaddiema part-time, u li tawtorizza estensjoni unika ta’ tali dewmien li tista’ tkun rispettivament, sa għaxar u tnax-il sena, tista’ twassal għal diskriminazzjoni pprojbita mill-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li huwa inkluż fid-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, jekk tali differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Il-prinċipju ta’ pro rata temporis previst mill-imsemmi punt 2 tal-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas ma huwiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

3)      Tali leġiżlazzjoni tista’ twassal ukoll għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, jekk jiġi stabbilit li l-perċentwali ta’ nisa fi ħdan il-grupp ta’ ħaddiem part-time kkonċernat mill-imsemmija leġiżlazzjoni hija kunsiderevolment ogħla minn dik tal-irġiel.

4)      L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli għal persuna li tqis li sofriet diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess sabiex tibbaża ruħha, sabiex issostni l-fatti li jippermettu li tiġi preżunta tali diskriminazzjoni, fuq l-istatistika ġenerali li tikkonċerna lis-suq tal-impjieg tal-Istat Membru kkonċernat, meta data ta’ statistika iktar preċiża dwar il-ħaddiema kkonċernati mill-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tkunx disponibbli jew ma hijiex faċilment aċċessibbli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Dan il-ftehim jidher fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).


3      ĠU 2006, L 204, p. 23.


4      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 109 tal-UG japplika għall-maġġoranza tal-universitajiet Awstrijaċi, fosthom dawk tal-konvenuta fil-kawża prinċipali.


5      Ninnota li, waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ M. Schuch-Ghannadan sostna, billi ġie kkontradett mill-MUW, li, fil-kuntest tal-proġetti li lilhom ġiet assenjata waqt il-perijodu tar-relazzjoni tagħha mal-MUW, il-klijenta tiegħu fir-realtà ma eżerċitatx biss xi funzjonijiet ta’ assistenta.


6      Dan il-ftehim jidher fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 32), tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C‑138/08, EU:C:2009:627, punt 21) kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122, p. 1198).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 32).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 32), tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627, punt 21) kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122, p. 1198).


10      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122, p. 1199).


11      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1965, Singer (44/65, EU:C:1965:122, p. 1199).


12      Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 33), tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, (C‑352/95, EU:C:1997:170, punt 14) u tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C‑412/96, EU:C:1998:415, punt 24).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter (C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 33) u tas-17 ta’ Settembru 1998, Kainuun Liikenne u Pohjolan Liikenne (C‑412/96, EU:C:1998:415, punt 24).


14      Ara, għal tfakkira tas-sentenzi li jaqgħu taħt din il-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punt 17). Għal deċiżjonijiet iktar riċenti, ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela (C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20) u tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio (C233/15, EU:C:2016:305, punt 30). Hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet iċċitati hawn fuq, teżisti ċerta tensjoni bejn l-imsemmija ġurisprudenza u l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li teħtieġ l-identifikazzjoni ta’ kriterji li jippermettu li jseħħ qari koerenti tad-deċiżjonijiet kollha f’dan il-qasam.


15      Ara partikolarment is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela (C‑144/16, EU:C:2017:76) u d-Digriet tal-14 ta’ Lulju 2016, BASF (C456/15, mhux ippubblikat EU:C:2016:567, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, Hennen Olie (C302/88, EU:C:1990:455, punt 20, li fiha madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-fatti u l-argumenti mqajma mill-partijiet waqt il-proċedura, “ma huwiex neċessarju” li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ prinċipju mqajma mill-Kummissjoni), kif ukoll dik tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punti 16 u 27, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, inkwistjoni fil-kawża prinċipali setax jiġi ammess abbażi tal-Artikolu 57(1) KE). Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C569/08, EU:C:2010:311, punti 27 sa 30). Fil-punt 28, ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[g]ħalkemm domanda fuq dan il-punt ma saritx mill-qorti tar-rinviju, hija l-Qorti tal-Gustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu [267 TFUE], u sa fejn it-teżi tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali ma għandhiex effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali, li għandha tagħti lil din il-qorti risposta utli li tippermettielha li ssolvi l-kawża li qed tidher quddiemha”.


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel [C387/01, EU:C:2004:256, punt 44: fejn il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill [83/183] tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-propjetà personali ta’ individwi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 117) ma kinitx tqajmet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni], tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8, tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb (imsejħa “Clinique”) (C‑315/92, EU:C:1994:34punt 7, tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 16), tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 29: domandi preliminari magħmula fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital u mqajma ex officio, fuq l-indikazzjoni tal-Kummissjoni, fuq kwistjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema), tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson (C‑321/03, EU:C:2007:51, punti 24 sa 26), tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten (C-342/12, EU:C:2013:355, punti 30 u 31), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 23: il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa skont liema kien hemm diskriminazzjoni indiretta fuq l-orjentazzjoni sesswali filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk din kinitx diskriminazzjoni diretta). Ara, għal tfakkira tal-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C-83/13, EU:C:2014:201, punt 17).


18      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 40) u tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C‑387/01, EU:C:2004:256, punti 43 u 44).


20      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson (C‑321/03, EU:C:2007:51, punti 21 sa 26).


21      Skont il-kliem tal-paragrafu 2 ta’ din il-klawżola, huma l-Istati Membri li għandhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huma kkunsidrati bħala “suċċessivi” u meqjusa bħala “konklużi għal żmien indeterminat”.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat.


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Fuq l-applikabbiltà tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat fl-oqsma tat-tagħhlim u r-riċerka universitarja, ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146), punti 38 u 39.


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 38) u tas-26 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari,  is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Fil-fatt, fit-test ta’ din id-dispożizzjoni, isir riferiment kemm għal “proġetti ffinanzjati minn terzi” (Drittmittelprojekten) kif ukoll għal “proġetti ta’ riċerka” b’mod ġenerali (Forschungsprojekten). Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-MUW ippreċiżat li l-maġġoranza tal-attività ta’ riċerka mwettqa mill-universitajiet Awstrijaċi huma ffinanzjati minn dawn tal-aħħar (madwar 75 % għall-MUW).


30      F’dan ir-rigward, ninnota li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukat tal-MUW u l-aġent tal-Gvern Awstrijakk ħallew li jinftiehem li l-Artikolu 109(2) tal-UG japplika biss għal ħaddiema impjegati għal proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn partijiet terzi. F’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jidher li hija kienet impjegata biss fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi, li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju.


31      Ninnota li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostni argument simili, fejn enfasizza li din kienet assistenta f’laboratorju u li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, kienet tgħin diversi kandidati PhD, li kull wieħed kellu l-proġetti tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet, mill-bidu tal-proċedura quddiem il-qrati Awstrijaċi, sostniet li l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat ma kienx iġġustifikat fil-każ tagħha peress li hija ma kinitx twettaq xogħol fil-kuntest ta’ proġetti bħala tali.


32      Madankollu, nenfasizza li dan ma jidhirx li huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, minn dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kienet ġiet impjegata matrul il-perijodu kontenzjuż fil-kuntest tal-istess proġett.


33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2016, Pérez López (C‑16/15, EU:C:2016:679, punti 49 sa 51) u tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 55).


34      L-avukat tal-MUW jagħmel riferenza biss għall-ħaddiema impjegati għal żmien determinat fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi.


35      Il-fatt, jekk jitqies bħala stabbilit li, fil-prattika ġenerali tal-universitajiet Awstrijaċi, jew dik tal-MUW, li l-Artikolu 109(2) tal-UG jintuża biss għar-riċerkaturi żgħażagħ li għandhom jakkwistaw l-esperjenza sabiex ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem fil-karriera universitarja tagħhom ma jdaħħalx inkwistjoni il-konstatazzjoni li, kif inhi mfassla, tali dispożizzjoni għandha potenzjalment kamp ta’ applikazzjoni ħafna iktar wiesa’.


36      Perijodu ta’ madwar sena għadda bejn l-ewwel u t-tieni serje ta’ kuntratti, li, jidhirli, jostakola milli jiġi kkunsidrat li t-totalità ta’ relazzjoni ta’ xogħol tar-rikorrenti mal-MUW bħala suċċessjoni ta’ kuntratti konsekuttivi ta’ żmien determinat. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għanda tiddeċiedi fuq dan il-punt.


37      Il-Qorti tal-Ġustizzja wasslet għall-konklużjoni opposta fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146), li tikkonċerna r-reklutaġġ ta’ professuri assoċjati minn universitajiet Spanjoli, f’kuntest fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kienu, fil-konfront tal-kawża preżenti, ħafna iktar preċiżi u artikolati u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħhom fuq l-instabbiltà tar-relazzjoni tax-xogħol fuq il-persuni kkonċernati ħafna inqas tqal. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi kien iġġustifikat bil-bżonn li jiġu fdati lil “speċjalisti b’kompetenza rikonoxxuta”, li jeżerċitaw attività professjonali barra mill-qasam universitarju, għat-twettiq part-time ta’ kompiti ta’ tagħlim speċifiċi (punt 48). Hija enfasizzat ukoll li l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalih dan l-użu ma jesponux lill-għalliema kkonċernati għal sitwazzjoni ta’ prekarjat (punt 52).


38      Ara, b’mod partikolari, id-Digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Popescu (C‑614/15, EU:C:2016:726, punt 61).


39      Jekk tiġi kkunsidrata karriera li tibda fl-età ta’ 25 sena u tispiċċa fl-età ta’ 65.


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük (C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) u d-Digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Popescu (C‑614/15, EU:C:2016:726, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329, punt 32).


42      Ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C-395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 33). Ara wkoll fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 33 sa 35).


43      F’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “ħaddiem full-time ta’ l-istess tip” li hemm fl-ewwel subparagrafu tal-punt 2 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time.


44      Eventwalment fi proġetti ffinanzjati mill-università, jekk — kif indikat mill-avukat tal-MUW fi tweġiba għal mistoqsija mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta — għal proġetti ffinanzjati minn partijiet terzi ma jkunux disponibbli pożizzjonijiet għal żmien indeterminat.


45      Ara wkoll, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Kording (C‑100/95, EU:C:1997:453, punt 23).


46      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl tal-aċċess għal kompetizzjoni jew sabiex jiġu vvalutati l-kwalifiki tal-kandidati, ikun possibbli li jitqiesu s-sigħat tax-xogħol imwettqa fil-kuntest ta’ proġetti ta’ riċerka mwettqa mill-universitajiet.


47      Huwa d-dewmien ta’ żmien massimu previst għal part-time li japplika fuq dawn il-ħaddiema u formula fissa ta’ konverżjoni għandha tintuża biex tiddetermina l-“ekwivalenti part-time” għal perijodi ta’ xogħol maħduma full-time: tnax-il xahar full‑time jikkorrispondi għal sittax-il xahar part-time, bi proporzjon ta’ 4 sa 3 u, bil-maqlub, tnax-il xahar part-time jikkorrispondu għal disa’ xhur full-time.


48      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 73) u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 40).


49      Minn din l-istatistika jirriżulta li 79 % tan-nisa u 75 % tal-irġiel impjegati permezz ta’ kuntratt konkluż fuq il-bażi tal-Artikolu 109(2) tal-UG jaħdmu part-time.


50      L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.”


51      Ara, s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 68) u f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C104/10, EU:C:2011:506, punt 29).


52      Ara l-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


53      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 73), tas-6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 40) u tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 59).


54      L-importanza tar-rwol imwettaq mill-adozzjoni ta’ regoli dwar l-oneru tal-prova fl-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali huwa barra minn hekk enfasizzat mill-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


55      Ara l-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


56      Ninnota li, waqt il-proċedura prinċipali, il-MUW ma pproduċietx quddiem il-qorti tar-rinviju għajr statistiċi li jikkonċernaw l-impjegati tagħha, billi enfasizzat li din kienet l-unika data disponibbli u li kien biss waqt is-seduta li l-avukat ta’ MUW afferma li l-istatistiċi li jikkonċernaw l-universitajiet l-oħra kienu ppubblikati u għaldaqstant faċilment disponibbli mill-pubbliku.


57      Ara l-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54.


58      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 58), tat-18 ta’ Ottubru 2012, Mednis (C‑525/11, EU:C:2012:652, punt 41), u tat-22 ta’ Jannar 2015, Balazs (C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punt 49).


59      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2015, Balazs (C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Balazs (C‑401/13 u C-432/13, EU:C:2015:26, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:413, punt 81)