Language of document : ECLI:EU:F:2008:21

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Frar 2008

Kawża F-19/06

Maria Magdalena Semeraro

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal – Obbligu ta’ motivazzjoni – Promozzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. M. Semeraro, b’mod partikolari, titlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tagħha għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004.

Deċiżjoni: Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrenti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004 huwa annullat. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Evalwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Stabbiliment – Riferiment lill-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Metodi ta’ implementazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni – Kompetenza sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-kandidaturi

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 10(3))

1.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva kull rapport tal-iżvilupp tal-karriera b’mod suffiċjenti u dettaljat u li tpoġġi l-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tressaq osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni. Il-karattru suffiċjenti tal-motivazzjoni għandu jkun evalwat fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest fattwali u ġuridiku li fih taqa’ l-adozzjoni tal-att ikkontestat.

F’ċerti każijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal din il-motivazzjoni, b’mod partikolari meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti. Fil-fatt huwa importanti li l-evalwazzjoni inqas favorevoli kkonstatata mill-awtorità tkun immotivata b’mod li tippermetti lill-uffiċjal li jifhem il-fondatezza u, jekk ikun il-każ, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu.

Il-marka globali inqas favorevoli ta’ uffiċjal ma tistax tkun iġġustifikata biss permezz ta’ aġġustament awtomatiku tal-marki tiegħu wara l-promozzjoni tiegħu. B’hekk, filwaqt li jikkunsidraw il-promozzjoni tal-uffiċjal, l-evalwatur u l-validatur għandhom madankollu jipproċedu b’evalwazzjoni tas-servizzi ta’ dan fil-grad il-ġdid, u dan sabiex jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-livell tal-kapaċitajiet tiegħu huwiex realment inferjuri għal dak tal-uffiċjali l-oħra aktar anzjani fl-imsemmi grad.

(ara l-punti 47, 48 u 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il‑Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 27; 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP p. I‑A‑261 u II‑1163, punti 49 u 53; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 31; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il‑Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 36; 16 ta’ Mejju 2006, Martin Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I-A-2-107 u II‑A‑2‑485, punt 48

2.      Peress li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jinkludi motivazzjoni suffiċjenti, ma jkunx meħtieġ li l-evalwatur tal-appell jagħti spjegazzjonijiet oħra fuq ir-raġunijiet li wassluh ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni, ħlief jekk l-opinjoni ta’ dan l-organu konsultattiv jirreferi għal ċirkustanzi speċjali li jqajmu dubju fuq il-validità jew il-fondatezza tal-evalwazzjoni inizjali u minħabba f’hekk tkun meħtieġa evalwazzjoni speċifika tal-evalwatur tal-appell fir-rigward tal-konsegwenzi eventwali li jirriżultaw minn dawn iċ-ċirkustanzi.

(ara l-punt 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Mellone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33

3.      Skont l-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali fis-servizz fil-kategoriji C jew D qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jistgħu jsiru membri tal-grupp tal-assistenti mingħajr restrizzjonijiet, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fih huwa indikat ukoll li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni hija bbażata fuq l-anzjanità, l-esperjenza, il-mertu u l-livell tat-taħriġ tal-uffiċjali, u li l-Kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jeżamina l-kandidaturi tal-uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li l-istituzzjonijiet jistabbilixxu l-metodi ta’ implementazzjoni tal-imsemmija proċedura qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004 dwar il-metodi ta’ implementazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha erba’ stadji: l-iffissar ta’ numru ta’ impjiegi fil-grupp tal-assistenti li jistgħu jimtlew b’uffiċjali ċċertifikati u l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-kandidaturi; l-ammissjoni tal-kandidati; l-istabbiliment ta’ lista ta’ kandidati ammessi skont ordni ta’ prijorità; il-kandidatura għal impjiegi fil-grupp tal-assistenti.

Il-kandidati ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni huma kklassifikati skont ordni ta’ prijorità skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, li huma: il-livell tat-taħriġ, l-anzjanità fil-kors tal-karriera C jew D, l-esperjenza u l-mertu evalwat fuq il-bażi tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera disponibbli. L-uffiċjali ammessi jistgħu jikkontestaw din il-klassifikazzjoni quddiem il-Kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ opinjoni. L-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi x’jiġri wara.

Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni, il-valur tal-kriterji u l-importanza tagħhom huma deċiżi mill-Awtorità tal-Ħatra, qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, wara l-opinjoni tal-Kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni u jistgħu jiġu adattati, kull sena, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess awtorità, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

Skont il-punt 1.1 tad-deċiżjoni adottata mill-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2005 dwar il-kriterji tal-klassifikazzjoni dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2005, sabiex ikun inkluż fil-lista ta’ uffiċjali ammessi, il-potenzjal tal-uffiċjal ammess għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, sabiex jassumi l-funzjonijiet li jaqgħu fil-kategorija B*, irid ikun ġie rikonoxxut fir-rapport annwali tiegħu tal-iżvilupp tal-karriera għas-sena preċedenti. Konsegwentement, rispons negattiv taħt ir-referenza maħsuba sabiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni teskludi lill-uffiċjal mill-possibbiltà li jilħaq it-tielet stadju tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni sabiex ikun inkluż fil-lista prevista mill-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004. B’hekk jirriżulta li l-imsemmi punt 1.1 għandu bħala effett li jċaħħad lill-Awtorità tal-Ħatra mis-setgħa finali li tieħu deċiżjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista tal-uffiċjali ammessi u li jeskludi l-intervent tal-Kumitat konġunt għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri.

L-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, li fuq il-bażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejjju 2005, ma jammontax għal awtorizzazzjoni sabiex issir eċċezzjoni għall-proċedura prevista fl-imsemmija deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004. B’hekk jirriżulta li l-punt 1.1 tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2005 jaqbeż il-limiti tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004. B’hekk, rapport tal-iżvilupp tal-karriera li jinkludi referenza illegali bħal din maħsuba sabiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tivvizzja dan ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera b’illegalità u konsegwentement għandu jiġi annullat.

(ara l-punti 66, 67, 69, 70, 74, 76 u 78 sa 82)