Language of document : ECLI:EU:F:2015:1

DIGRIET TAL-PRESIDENT TA’ L-EWWEL AWLA

TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

12 ta’ Jannar 2015

Kawża F‑49/14

DQ et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Rinunzja għall-atti mir-rikorrenti – Tħassir tal-kawża – Artikolu 103(5) tar-Regoli tal-proċedura – Allokazzjoni tal-ispejjeż – Kundanna tal-konvenuta għall-ispejjeż”

Suġġett:      Rikors, magħmul skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu DQ u r-rikorrenti l-oħra li ismijiethom li ġew anonimizzati jidhru fl-anness ressqu quddiem it-tribunal rikors għal annullament tad-deċiżjoni, b’data mhux magħrufa, tal-Parlament Ewropew li taħtar lid-Direttur tad-Direttorat għall-Interpretazzjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Interpretazzjoni u Konferenzi” ta’ din l-istituzzjoni (iktar ‘il quddiem id-“directeur”) bħala l-evalwatur inizjali għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 dwar is-sena 2013 (iktar ‘il quddiem il-“proċedura ta’ evalwazzjoni 2014”; kif meħtieġ, li “jissospendi” l-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014; “is-sospensjoni immedjata” tal-kap tal-unità tal-interpretazzjoni Ungeriża tad-Direttorat tal-Interpretazzjoni DG “Interpretazzjoni u Konferenzi” (iktar ’il quddiem l-“unità Ungeriża”); l-adozzjoni “ta’[…] miżuri li jippermettu li tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom […] fuq il-post tax-xogħol, billi javża s-servizz ta’ sigurtà kompetenti”

Deċiżjoni:      Il-Kawża F‑49/14, DQ et vs Il-Parlament, tħassret mir-reġistru tat-Tribunal. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż u l-ispejjeż esposti, f’din il-kawża u fil-Kawża F‑49/14 R, minn DQ u tar-rikorrenti l-oħra li ismijiethom ġew anonimizzati u li jidhru fl-anness, għandhom ukoll jitħallsu minnu.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Rinunzja għall-atti ġġustifikata bl-attitudni tal-parti l-oħra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24 ; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 103(5))

Skont l-Artikolu 103(5) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dan ikun intalab mill-parti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rinunzja. Madankollu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-aġir ta’ din tal-aħħar.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-każ ta’ rikors li jirrigwarda l-anullament tad-deċiżjoni li jinħatar uffiċjal bħala l-evalwatur inizjali kif ukoll is-sospensjoni ta’ dan tal-aħħar minħabba allegat fastidju, meta, wara l-ippreżentar tar-rikors, l-istituzzjoni konvenuta tkun, essenzjalment, laqgħet t-talbiet tar-rikorrent, u bżhekk tkun qed tirrikonoxxi impliċitament, sa ċertu punt, il-fondatezza ta’ xi wħud minnhom. Konsegwentement, l-imsemmija istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż esposti mir-rikorrent.


Fil-fatt, meta minħabba l-assenza ta’ passi konkreti u ffinalizzat tal-istituzzjoni fir-rigward tas-sospensjoni tal-evalwatur u/jew il-proċedura ta’ evalwazzjoni li r-rikorrent ma kellu l-ebda possibbiltà oħra għajr li jippreżenta rikors bil-għan li jħares d-drittijiet tiegħu u jikseb azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tissodisfa l-allegazzjonijiet tagħha ta’ fastidju morali u sesswali li allegatament sofra, jidher ġġustifikat li l-ispejjeż jiġu esposti mill-istituzzjoni u, f’dan ir-rigward, il-fatt li t-tkomplija tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni inkwistjoni ssir fl-osservanza tal-prinċipji ta’ imparzjalità u tal-kontradittorju ma tnaqqax xejn mill-imsemmija konstatazzjoni.

(ara l-punti 13 u 17 sa 19)