Language of document : ECLI:EU:C:2018:996

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C-596/17

Japan Tobacco International SA,

Japan Tobacco International France SAS

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Action et des Comptes publics,

Ministre des Solidarités et de la Santé

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/64/UE – Sisa fuq it-tabakk manifatturat – Artikolu 15(1) – Determinazzjoni libera tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-produtturi u l-importaturi sabiex jiffissaw prezz uniku ta’ bejgħ bl-imnut espress għal kull 1 000 unità jew 1 000 gramma għal kull prodott ta’ tabakk, mingħajr il-possibbiltà li jiġi aġġustat il-prezz skont il-kwantità inkluża fil-pakketti individwali”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/64/UE dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (2), moqri fid-dawl tal-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-direttiva.

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ żewġ ittri, mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi lill-produtturi u l-fornituri awtorizzati ta’ prodotti tat-tabakk, dwar il-modalitajiet ta’ omologazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat fi Franza metropolitana. Skont dawn l-ittri, li tennew id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 572 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (iktar ’il quddiem il-“KĠT”), prezz uniku tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tat-tabakk huwa ffissat liberament minn dawn l-operaturi u għandu jiġi espress għal kull 1 000 unità jew 1 000 gramma. Din is-sistema għandha bħala effett li l-prezz ta’ unità għal kull prodott jibqa’ l-istess tkun xi tkun il-kwantità inkluża fl-ippakkjar li fih jiġi rrilaxxat għall-konsum. Għaldaqstant, il-produtturi u l-importaturi ma jistgħux jaġġustaw il-prezz bl-imnut ta’ kull wieħed mill-prodotti tagħhom skont l-pakketti individwali li jiġu ppreżentati fih.

3.        Il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tkun taf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 572 tal-KĠT, sa fejn tipproduċi tali effett, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-produtturi jew l-importaturi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom, li jikkostitwixxi l-bażi tad-dazju tas-sisa proporzjonali applikabbli għat-tabakk immanifatturat.

4.        Fit-tmien tal-analiżi tiegħi, ser nikkonkludi li l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

II.    Il-kuntest legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/64 “tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat”.

6.        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva tabakk manifatturat għandu jfisser:

a)      sigaretti;

b)      sigarri u sigarillos;

c)      tabakk għat-tipjip:

i)      tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti,

ii)      tabakk ieħor għat-tipjip”.

7.        L-Artikoli 3, 4 u 5 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxu, rispettivament, is-sigaretti, is-sigarri u sigarillos, u t-tabakk għat-tipjip.

8.        L-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva jipprovdi hekk:

“1.      Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni, u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti huma maħsuba li jiġu rilaxxati għall-konsum.

L-ewwel subparagrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.”

B.      Id-dritt Franċiż

9.        L-Artikolu 572 tal-KĠT, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tas-26 ta’ Jannar 2016 tal-modernizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa jipprovdi:

“Il-prezz bl-imnut ta’ kull prodott, espress għal kull 1 000 unità jew 1 000 gramma, huwa l-istess għat-territorju kollu u huwa stabbilit b’mod liberu mill-produtturi u l-fornituri approvati. Dan il-prezz hu applikabbli wara li jkun ġie approvat minn digriet konġunt tal-Ministri responsabbli għas-saħħa u għall-baġit, taħt kundizzjonijiet iddefiniti b’digriet mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Madankollu, dan ma jistax jiġi approvat jekk ikun inqas mis-somma tal-prezz tal-ispejjeż u t-total tat-taxxi.

[...]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fit-30 ta’ Settembru 2016 u fl-20 ta’ Jannar 2017, il-kumpanniji Japan Tobacco International SA u Japan Tobacco International France SAS (iktar 'il quddiem, flimkien, “il-kumpanniji Japan Tobacco”) ressqu, quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), rikors intiż għall-annullament, minħabba eċċess ta’ poter, ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ żewġ ittri, tas-6 ta’ April 2016 u tat-22 ta’ Novembru 2016, indirizzati mill-awtoritajiet Franċiżi lill-produtturi u l-fornituri awtorizzati ta’ prodotti tat-tabakk. Dawn l-ittri esponew l-arranġamenti ta’ omologazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat fi Franza metropolitana, kif previst fl-Artikolu 572 tal-KĠT.

11.      Din id-dispożizzjoni timponi fuq il-produtturi u l-fornituri l-obbligu li jiffissaw prezz uniku ta’ bejgħ bl-imnut għall-prodotti tat-tabakk tagħhom, espress għal kull 1 000 unità jew 1 000 gramma, irrispettivament mill-kwantità inkluża fl-ippakkjar tagħhom. Skont l-ittra tat-22 ta’ Novembru 2016, kull prodott huwa ddefinit, f’dan il-kuntest, mill-assoċjazzjoni ma’ ditta u minn isem kummerċjali. Din ir-regola, imsejħa iktar 'il quddiem ir-“regola tal-prezz għal 1 000”, timplika li l-prezz ta’ kull prodott jibqa’ identiku jkun xi jkun il-pakkett individwali (imsejjaħ “referenza”) li fih huwa ppreżentat. Ir-regola tal-prezz għal 1 000 hija intiża sabiex tevita li jkun hemm żieda fil-konsum tat-tabakk li tista’ tirriżulta mit-tnaqqis fil-prezz ta’ ċerti prodotti meta jiġu ppakkjati f’kwantitajiet ikbar.

12.      Insostenn tar-rikors tagħhom, il-kumpanniji Japan Tobacco isostnu, fost motivi oħrajn, li l-Artikolu 572 tal-KĠT, li fuqu huma bbażati l-ittri kkontestati, jikser il-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk stabbilit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 sa fejn jostakola t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-prezzijiet, tad-differenzi eventwali fl-ispejjeż tal-ippakkjar marbuta mal-kwantitajiet ippakkjati.

13.      F’dan ir-rigward, il-qorti tal-ġustizzja għandha xi dubji, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Hija tirrileva li l-imsemmija direttiva tista’ tiġi interpretata, konformement mal-għan fiskali tagħha, bħala li tirregola biss il-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk sa fejn huma suġġetti għas-sisa, jiġifieri l-prezzijiet tas-sigaretti, tas-sigarri, tas-sigarillos u tat-tabakk għat-tipjip, kif iddefiniti fl-Artikoli 2 sa 5 tal-istess direttiva (3). Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ma japplikax, għaldaqstant, għall-pakketti individwali ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, ir-regola tal-prezz għal 1 000, sa fejn tipprojbixxi l-aġġustament tal-prezzijiet tal-prodotti fuq il-bażi tal-kontenut tal-pakketti individwali, ma tistax tippreġudika lil dan il-prinċipju.

14.      Madankollu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ifakkar li, f’żewġ sentenzi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, deċiżi fl-2002 (4) u fl-2010 (5), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kuntrarji għal din id-dispożizzjoni ż-żewġ verżjonijiet preċedenti tal-Artikolu 572 tal-KĠT li stabbilixxew, minbarra r-regola tal-prezz għal 1 000, xi sistemi ta’ prezzijiet minimi obbligatorji tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn is-sistemi setgħu jostakolaw il-kompetizzjoni libera billi jxekklu lil ċerti produtturi u importaturi milli jieħdu vantaġġ mill-prezz tal-ispejjeż iktar baxx minn dak tal-kompetituri tagħhom. Il-Qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn is-sentenzi jirriflettux rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti prijorità lill-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera fuq l-għan fiskali tad-Direttiva 2011/64. Hija tistaqsi wkoll jekk l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk fuq il-bażi tal-ippakkjar tagħhom jaqax, minkejja d-definizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-direttiva, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà tal-produtturi u l-importaturi ggarantita fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva.

15.      Fit-tieni lok, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsiha fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 572 tal-KĠT, sa fejn dan jostakola lil dawn l-operaturi milli jaġġustaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom fuq il-bażi tal-kwantità inkluża fl-ippakkjar tagħhom, mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-regola tal-prezz għal 1 000 ma tipprojbixxihomx milli jgħaddu fil-prezzijiet sottomessi għall-omologazzjoni d-differenzi fl-ispejjeż primarji tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, iżda biss li jvarjaw dawn il-prezzijiet skont id-daqs tal-pakkett.

16.      F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva [2011/64] għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirregola wkoll, fid-dawl tad-definizzjonijiet tal-prodotti tat-tabakk li jinsabu fl-Artikoli 2, 3 u 4 [...], il-prezz tal-prodotti tat-tabakk ippakkjati?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2011/64], sa fejn jistabbilixxi l-prinċipju ta’ determinazzjoni libera tal-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi regola ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti għal kull 1,000 unità jew 1,000 gramma li għandha bħala effett li tipprekludi lill-produtturi ta’ prodotti tat-tabakk milli jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom skont id-differenzi eventwali fl-ispiża għall-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti?”

17.      Il-kumpanniji Japan Tobacco, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u dak Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18.      Il-kumpanniji Japan Tobacco, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil-5 ta’ Settembru 2018.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq il-portata tad-domandi preliminari

19.      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li ser neżamina flimkien, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ifittex essenzjalment li jkun jaf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 572 tal-KĠT, li tobbliga lill-produtturi u l-importaturi jesprimu l-prezz uniku tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull wieħed mill-prodotti tagħhom għal 1 000 unità jew għal 1 000 gramma u tipprekludihom b’hekk milli jvarjaw il-prezz fuq il-bażi tal-kwantità inkluża fid-diversi pakketti li fihom dawn il-prodotti jiġu rrilaxxati għall-konsum, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64.

20.      Fuq il-bażi tal-ewwel domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-direttiva tirregolax lill-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk ippakkjat. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda hija marbuta, b’mod iktar speċifiku, mal-portata tal-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, ta’ ffissar liberu, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom.

21.      Minn naħa, kif isostnu l-partijiet ikkonċernati kollha bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji Japan Tobacco, il-libertà tal-produtturi u tal-importaturi stabbilita f’din id-dispożizzjoni jista’ jkollha bħala suġġett l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ta’ “kull prodott tagħhom” intiżi bħala li jirreferu għal kull tabakk immanifatturat ta’ ditta u ta’ tip partikolari li jikkorrispondu għal waħda mid-definizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 5 tal-imsemmija direttiva, indipendentement mill-kwantità inkluża fl-ippakkjar tagħhom (pereżempju, kull sigarett tad-ditta X u tat-tip Y) (6).

22.      Min-naħa l-oħra, kif jallegaw il-kumpanniji Japan Tobacco, it-termini “kull prodott tagħhom” jistgħu jiġu interpretati bħala li jiddeskrivu kull pakkett individwali ta’ tali prodott (pereżempju kill pakkett ta’ 20, 25 jew 30 sigarett tad-ditta X u tat-tip Y). L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jiggarantixxi għaldaqstant il-libertà għall-produtturi u għall-importaturi li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut għal kull referenza li jikkummerċjalizzaw.

23.      It-tieni domanda hija magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li hija tagħti, bħala risposta għall-ewwel domanda, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 esposta fil-punt preċedenti. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija r-regola tal-prezz għal 1 000 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiksirx għaldaqstant din id-dispożizzjoni sa fejn hija tostakola lill-produtturi u lill-importaturi milli jiffissaw b’mod liberu d-differenza fil-prezz bejn il-pakketti individwali bi kwantitajiet differenti.

24.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-“prodotti” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jirreferu għall-prodotti tat-tabakk immanifatturat bħala tali, indipendentement mill-kontenut tal-ippakkjar tagħhom, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 572 tal-KĠT ma jistax jikser din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ peress li l-kliem stess tal-Artikolu 572 tal-KĠT jindikaw li l-prezzijiet tal-prodotti hekk iddefiniti huma liberament iffissati.

25.      Filwaqt li naqbel ma’ din il-perspettiva tal-aħħar, nippreċiża, fl-analiżi konġunta tiegħi tad-domandi preliminari, ir-raġunijiet li minħabba fihom leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija r-regola tal-prezz għal 1 000 prevista fl-Artikolu 572 tal-KĠT, ma tillimitax, lanqas indirettament, il-libertà ggarantita fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġi spjegat kif tali leġiżlazzjoni hija differenti mill-verżjonijiet preċedenti tal-Artikolu 572 tal-KĠT li ġew iċċensurati mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-fatt li dawn kienu jirrestrinġu din il-libertà (7).

2.      Fuq l-effett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali previst mid-domandi preliminari

26.      Jidhirli wkoll li jkun utli li jiġi enfasizzat, b’mod preliminari, li, minkejja li l-Artikolu 572 tal-KĠT jeżerċita serje ta’ effetti restrittivi fuq il-politika kummerċjali tal-produtturi u l-importaturi tat-tabakk immanifatturat, huwa biss wieħed minnhom li huwa s-suġġett tal-preżenti rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jipprekludix din id-dispożizzjoni nazzjonali biss sa fejn tobbliga lill-operaturi sabiex jesprimu l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tagħhom għal 1 000 unità jew 1 000 gramma għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom, filwaqt li dan il-prezz jibqa’ identiku tkun xi tkun il-kwantità inkluża fil-pakketti li fih il-prodott inkwistjoni jinħareġ għall-konsum.

27.      Id-domandi preliminari ma jirrigwardawx, mill-banda l-oħra, il-konformità tal-Artikolu 572 tal-KĠT mal-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet sa fejn din id-dispożizzjoni għandha, qabel xejn, l-effett, l-ewwel nett, li teħtieġ li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott ikun uniformi fit-territorju kollu ta’ Franza metropolitana, it-tieni nett, li timponi prezz limitu (8), u, t-tielet nett, li tostakola lill-produtturi u l-importaturi milli jvarjaw, billi jgħollu jew inaqqsu, il-prezz tal-bejgħ bl-imnut omologat mill-awtorità amministrattiva.

28.      Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-kumpanniji Japan Tobacco jikkritikaw ukoll din id-dispożizzjoni sa fejn tipproduċi dan l-effett tripplu. B’mod partikolari, huma jinvokaw l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 572 tal-KĠT mal-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet minħabba li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut stabbilit konformement ma’ din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi, wara l-omologazzjoni, mhux biss prezz massimu iżda wkoll prezz minimu u, għalhekk, prezz fiss għall-bejgħ mill-ġdid.

29.      Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni dwar dan il-punt, ser nippreċiża qabel kollox li dan l-aspett tal-Artikolu 572 tal-KĠT, dwar il-politika tal-prezzijiet, huwa nieqes minn rilevanza fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta iktar 'il quddiem (9), din id-dispożizzjoni timplika biss li l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott tal-produtturi jew tal-importaturi, sa fejn jifforma l-bażi tas-sisa ad valorem, huwa liberament stabbilit minn dawn tal-aħħar. Hija ma tipprekludix miżura nazzjonali li timponi r-rispett mill-produtturi u l-importaturi ta’ prezz fiss li huma stess liberament iffissaw.

30.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2011/64 ma tostakolax politika ta’ prezzijiet sa fejn din ma tmurx kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva, partikolarment dak li teskludi distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat li jappartjenu lill-istess grupp (10).

31.      Taħt din il-perspettiva, hija ddeċidiet, fis-sentenza Etablissements Fr. Colruyt (11), li l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz unitarju iktar baxx mill-prezz li l-produttur jew l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali mwaħħla fuq dawn il-prodotti, sa fejn dan il-prezz ikun ġie liberament stabbilit minn dan tal-aħħar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali leġiżlazzjoni, “ma taqax taħt is-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64” (12).

32.      Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut omologat ikun uniku – jiġifieri ffissat, għaldaqstant kemm massimu u minimu –, sakemm tali prezz omologat ikun liberament iffissat mill-produtturi u l-importaturi.

B.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64

33.      Kif imsemmi hawn fuq, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-espressjoni “għal kull prodott tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, tirreferix għal kull tabakk immanifatturat ta’ ditta u ta’ tip partikolari rrilaxxat għall-konsum mill-manifatturi u l-importaturi, jew ukoll għal kull pakketti individwali ta’ dan it-tabakk immanifatturat. Il-qorti tar-rinviju tressaq din id-domanda sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tar-regola ta’ prezz għal 1 000 sa fejn din tostakola l-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull wieħed mill-imsemmija prodotti tat-tabakk immanifatturati skont il-kwantità inkluża fil-pakketti differenti tagħhom.

34.      Peress li l-kliem tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ma jippreċiżawx il-portata tal-espressjoni inkwistjoni, din għandha tiġi kkjarifikata billi din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-iskop li ssegwi din id-dispożizzjoni u d-direttiva li hija parti minnha (13).

1.      Interpretazzjoni fid-dawl tal-istruttura ġenerali

35.      Għall-finijiet tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazju tas-sisa permezz tad-Direttiva 2011/64, il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott tal-produtturi u l-importaturi, li għalih jirreferi l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tas-sehem proporzjonali tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (14).

36.      F’dan il-kuntest, il-“prodotti” imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li l-prezz bl-imnut massimu tagħhom għandu jiġi ffissat liberament minn dawn l-operaturi, jiddeskrivu, jidhirli, it-tabakk immanifatturat bħala li huwa suġġett għas-sisa.

37.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/64 jippreċiża li t-“tabakk manifatturat” jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sisa armonizzata li tinkludi, fl-ewwel lok, is-sigaretti, fit-tieni lok, is-sigarri u s-sigarillos, u fit-tielet lok, it-tabakk għat-tipjip. L-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu lil dawn it-tliet kategoriji ta’ tabakk immanifatturat skont il-karatteristiċi tagħhom u l-użu li huma intiżi għalih (15). Dawn id-definizzjonijiet isemmu biss l-ippakkjar “primarju” li jippermetti l-konsum tat-tabakk (16), mingħajr ma ssir distinzjoni mit-tabakk immanifatturat skont l-ippakkjar “estern” tiegħu (17).

38.      Mill-banda l-oħra, l-ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk huwa, bħalma jsostnu l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, is-suġġett ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2014/40/UE. L-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“prodotti tat-tabakk”. Is-“sigarett” u s-“sigarru” huma ddefiniti fil-punti 10 u 11 ta’ dan l-artikolu permezz ta’ riferiment għad-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/64. Dawn il-kunċetti huma distinti mill-kunċett ta’ “pakkett individwali”, li l-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2014/40 jiddefinixxi bħala “l-iżgħar ippakkjar individwali ta’ prodott tat-tabakk jew prodott relatat li jitqiegħed fis-suq”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jirregola l-kontenut minimu tal-pakketti individwali ta’ ċerti prodotti tat-tabakk.

39.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/64 dwar il-kalkolu tas-sisa armonizzata ma jipprovdu xejn iktar, fir-rigward tal-pakkett individwali li fihom jinbiegħ it-tabakk immanifatturat, mill-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-direttiva.

40.      F’dak li jikkonċerna s-sigaretti, dawn huma, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, suġġetti għal sisa ad valorem ikkalkolata fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, dazji doganali inklużi, kif ukoll fuq sisa speċifika kkalkolata permezz ta’ kull unità tal-prodott. Bil-kontra ta’ dak li jaffermaw il-kumpanniji Japan Tobacco, il-kunċett ta’ “prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut” ma jirreferix, f’dan il-kuntest, għall-pakketti individwali tal-prodotti b’kuntrast mal-kunċett ta’ “unità tal-prodott”. Fil-fatt, il-“prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut” huwa differenti mill-“unità tal-prodott”, sa fejn l-ewwel kunċett jikkostitwixxi l-bażi tas-sisa proporzjonali li tirriżulta mill-applikazzjoni għal dan il-prezz ta’ rata identika għas-sigaretti kollha, filwaqt li t-tieni wieħed iservi bħala bażi għall-kalkolu tas-sisa speċifika li l-ammont stess tagħha huwa identiku għas-sigaretti kollha (18).

41.      Kif irrimarka wkoll il-Gvern Franċiż, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/64 ma tqiegħed il-pakketti individwali tas-sigaretti f’unitajiet ta’ kejl għall-finijiet tal-kalkolu ta’ wieħed jew ieħor mill-komponenti tad-dazju tas-sisa. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li għandhom ikunu identiċi għas-sigaretti kollha, ir-rata tas-sisa ad valorem u l-ammont ta’ sisa speċifika ma jistgħux ivarjaw skont il-kwantità inkluża fil-pakketti individwali.

42.      Fl-opinjoni tiegħi, il-kumpanniji Japan Tobacco ma għandhomx bażi tajba sabiex isostnu li l-kunċett ta’ “prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut”, li jidher fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/64, ma jkollux portata utli jekk il-prezz ta’ kull unità ta’ sigarett ma jkunx jista’ jvarja skont id-daqs tal-pakkett. Fil-fatt, dan il-kunċett iservi ta’ referenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-piż tas-sisa speċifika fil-piż fiskali totali u tas-sisa globali minima fuq is-sigaretti. F’dan il-kuntest, il-“prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut” huwa kkalkolat fil-konfront tal-valur totali tas-sigaretti kollha (id-ditti kollha mħallta) li ġew irrilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut bit-taxxi kollha inklużi, diviż bil-kwantità totali tas-sigaretti li tqiegħdu għall-konsum matul is-sena kalendarja preċedenti. L-utilità tal-imsemmi kunċett għaldaqstant bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ varjazzjonijiet bejn il-prezzijiet tal-istess sigarett skont id-diversi pakketti individwali li fihom jiġi ppreżentat.

43.      It-tabakk immanifatturat li mhux sigaretti huwa, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/64, suġġett għal sisa li jista’ jkun ad valorem (ikkalkolat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut iddeterminat liberament), speċifiku (espress f’kilogrammi jew permezz tan-numru ta’ unitajiet ta’ sigarri u sigarillos) jew imħallat. Il-pakkett individwali lanqas ma jikkostitwixxi, f’dan il-kuntest, referenza għall-finijiet tal-kalkolu tas-sisa.

44.      Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu ta’ sisa ad valorem jew imħallta, filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi ċerti rati jew ammonti minimi li għandha tilħaq is-sisa globali. Konformement mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, dawn it-taxxi jew ammonti huma validi għal kull prodott li huwa parti mill-grupp ta’ tabakk immanifatturat ikkonċernat (19), mingħajr distinzjoni fi ħdan kull grupp fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-preżentazzjoni. Kif sostna l-Gvern Franċiż, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li t-taxxa u l-ammont minimu tas-sisa ma jistgħux ivarjaw skont l-ippakkjar li fih huma ppreżentati il-prodotti ta’ grupp partikolari.

45.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jindikaw li t-tabakk immanifatturat suġġett għas-sisa armonizzata ma huwiex il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, iżda s-sigaretti, is-sigarri, is-sigarillos u t-tabakk għat-tipjip, kif iddefiniti fl-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2011/64, indipendentement mill-kwantità inkluża fl-ippakkjar tagħhom.

46.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-definizzjoni tas-suġġett tas-sisa armonizzata tiddefinixxi wkoll il-parametri tal-kunċett ta’ “prodotti”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. B’hekk, sa fejn il-prezz tal-bejgħ bl-imnut massimu ta’ kull wieħed mill-prodotti tal-produtturi jew importaturi, iddeterminat liberament minn dawn tal-aħħar, jikkostitwixxi l-bażi tas-sisa ad valorem, dawn il-prodotti jiddeskrivu t-tabakk manifatturat hekk kif iddefinit fil-punt preċedenti.

47.      L-interpretazzjoni li qed nipproponi timplika li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss il-libertà għal dawn l-operaturi sabiex jiffissaw il-prezz unitarju tas-sigaretti, tas-sigarri jew sigarillos tagħhom jew il-prezz unitarju tal-piż tat-tabakk għat-tipjip tagħhom ta’ ditta u ta’ tip partikolari, mingħajr ma tiggarantixxi li jistgħu jaġġustaw lil dawn il-prezzijiet skont il-kwantità inkluża fil-pakketti li fihom jiġu ppreżentati dawn il-prodotti.

48.      L-għan ġenerali tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 15(1) tagħha, b’mod partikolari jikkorrobora din l-interpretazzjoni.

2.      Interpretazzjoni teleoloġika

49.      Kif jistabbilixxi fl-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/64 għandha bħala għan li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi u tar-rati tas-sisa li għalihom l-Istati Membri jissuġġettaw it-tabakk immanifatturat. Din l-armonizzazzjoni għandha b’mod partikolari l-għan, kif jindika l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li tiżgura li l-“kompetizzjoni fid-diversi kategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp [...] ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-impożizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, [ikun hemm] ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri”. Skont il-kliem tal-premessa 10 tal-imsemmija direttiva, “[i]l-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppi kollha ta’ tabakk manifatturat”.

50.      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 huwa intiż, minn naħa, sabiex jiżgura li d-determinazzjoni tal-bażi tad-dazju tas-sisa proporzjonali fuq il-prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti, ikun suġġett għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan, min-naħa l-oħra, li tipproteġi l-libertà ta’ dawn l-operaturi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-eventwali prezzijiet tal-ispejjeż iktar baxxi sabiex joffru prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut iktar attraenti (20).

51.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jimplika, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-intaxxar tat-tabakk, li l-prezz ta’ kull prodott, ladarba ddeterminat mill-produttur jew l-importatur u approvat mill-awtorità pubblika, huwa impost bħala prezz massimu u għandu jiġi rrispettat bħala tali f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sakemm jinbiegħ lill-konsumatur. Din ir-regola tippermetti li jiġi evitat, permezz tal-qbiż ta’ dan il-prezz, li l-integrità tad-dħul fiskali tiġi ppreġudikata (21). Din tiggarantixxi li fil-mument tal-ġbir tat-taxxa, il-produtturi u l-importaturi ma jagħtux prezz iktar baxx sabiex jitnaqqas il-piż tat-taxxa filwaqt li sussegwentement ibiegħu l-merkanzija bi prezz ogħla (22).

52.      It-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jeħtieġ biss, fl-opinjoni tiegħi, li dawn l-operaturi jiddeterminaw liberament il-prezz unitarju tas-sigaretti, tas-sigarri jew sigarillos jew il-prezz unitarju tal-piż tat-tabakk għat-tipjip, ta’ ditta jew ta’ tip partikolari li huma jqiegħdu għall-konsum. Dan ma jfissirx li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 għandu jiġi interpretat b’mod li jeżiġi, barra minn hekk, li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jvarjaw il-prezz bl-imnut ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti fuq il-bażi tal-pakketti individwali li fihom huma ppreżentati.

53.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għan dwar il-kompetizzjoni ħielsa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi li l-produtturi u l-importaturi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom “biex [jiġi żgurat] li l-kompetizzjoni tkun tista’ [sseħħ] b’mod ġenwin bejniethom” (enfasi miżjuda minni) (23). Il-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut jiżgura b’hekk li l-mod ta’ tassazzjoni previst mid-Direttiva 2011/64 ma jkollux bħala effett sekondarju distorsjoni tal-kompetizzjoni u ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (24).

54.      F’dan il-kuntest, il-vantaġġ kompetittiv li għandu jiġi ppreżervat jirreferi, jidhirli, għal kull vantaġġ fir-rigward tal-ispejjeż primarji li minnu l-produttur jew l-importatur jibbenefika fil-konfront tal-manifatturi u l-importaturi l-oħra (25). Dan ma jinkludix il-vantaġġ kompetittiv li jippreżenta pakkett individwali ta’ tabakk immanifatturat taħt ditta u tip partikolari meta mqabbel ma’ pakkett individwali ieħor ta’ dan l-istess tabakk immanifatturat mibjugħ mill-istess operatur.

55.      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet mal-prezzijiet minimi obbligatorji tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat preċedentement previsti f’diversi Stati Membri, fosthom Franza (26).

56.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (27), l-Artikolu 572 tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġie kkunsidrat li jmur kontra l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59/KE (28) (li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64). Din il-verżjoni preċedenti kienet tipprevedi, meta mqabbla mal-verżjoni tal-Artikolu 572 tal-KĠT applikabbli fil-kawża preżenti, restrizzjoni addizzjonali li pprovdiet li l-prezz għal 1 000 unità ta’ prodotti minn kategorija ta’ sigaretti mibjugħa taħt l-istess ditta ma jistax ikun inqas, irrispettivament mill-metodu u l-pakkett individwali, minn dak applikat fuq il-prodott l-iktar mibjugħ ta’ din id-ditta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni timponi fir-realtà prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, anki jekk dan il-prezz minimu ġie ffissat biss b’mod indirett. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffissar ta’ prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut mill-awtoritajiet pubbliċi inevitabbilment ikollu l-effett li jillimita l-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tagħhom peress li, ikun xi jkun il-każ, tali prezzijiet ma jistgħux ikunu iktar baxxi mill-prezz minimu obbligatorju.

57.      Fis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (29), l-Artikolu 572 tal-KĠT f’verżjoni preċedenti oħra, li impona fuq il-produtturi u l-importaturi prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ sigaretti li jikkorrispondi għal ċertu perċentwali, stabbilit b’digriet, tal-prezz medju tas-sigaretti pprattikat fis-suq, ġie wkoll meqjus bħala kuntrarju għall-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet. Is-sistema hekk prevista setgħet tħassar id-differenzi fil-prezzijiet tal-prodotti kompetituri u tressaq dawn il-prezzijiet lejn il-prezz tal-ogħla prodotti. Permezz ta’ dan, din is-sistema ostakolat il-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jiddeterminaw il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċensurat, fl-istess jum, is-sistemi simili stabbiliti fl-Awstrija u fl-Irlanda (30) u, fl-istess sena, sistema ta’ prezz minimu obbligatorju prevista fl-Italja (31).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dawn l-erba’ sentenzi mogħtija fl-2010, li tkun, mill-banda l-oħra, konformi mal-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet, sistema ta’ prezz minimu li tkun żviluppata b’mod li teskludi, f’kull każ, li jiġi ppreġudikat il-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi, minn prezzijiet tal-ispejjeż iktar baxxi u li, għaldaqstant, ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni (32).

59.      F’dan il-każ, il-kumpanniji Japan Tobacco isostnu li r-regola tal-prezz għal 1 000 tipproduċi l-istess effett tas-sistema ta’ prezz minimu kif issanzjonata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (33). Skont dawn tal-aħħar, il-produttur jew l-importatur isib ruħu mġiegħel li jagħżel bħala prezz ta’ referenza għal kull prodott ta’ ditta u ta’ isem kummerċjali partikolari dak ta’ wieħed mill-pakketti individwali ta’ dan il-prodott u li jagħmel l-istess għall-pakketti individwali kollha tal-imsemmi prodott. Il-vantaġġ kompetittiv li jista’ jibbenefika minnu dan l-operatur minħabba prezzijiet tal-ispejjeż iktar baxxi tal-pakketti li fihom kwantitajiet ikbar ta’ tabakk immanifatturat jiġi nnewtralizzat. Fil-fatt, dan ikun ostakolat milli jiggwida lill-konsumaturi lejn il-prodotti li l-prezz unitarju tiegħu huwa iktar baxx minħabba l-fatt li dawn huma ppakkjati fi kwantitajiet ikbar.

60.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

61.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li ma taqax taħt l-għan segwit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 il-possibbiltà, għal produttur jew importatur, li jieħu vantaġġ minn tnaqqis tal-ispejjeż primarji marbut mal-ippakkjar tal-prodotti tiegħu fi kwantitajiet ikbar bl-għan li jkun hemm iktar domanda għall-pakketti ikbar li fihom jinbiegħu l-prodotti ta’ tabakk ta’ ditta jew tip partikolari. Huwa importanti biss li dan l-operatur ikun jista’ jibbenefika minn vantaġġ kompetittiv potenzjali marbut mal-ispejjeż primarji iktar baxxi tal-prodotti tiegħu meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri tiegħu (34).

62.      Issa, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li ma tiżgurax għall-produtturi u għall-importaturi l-libertà li jvarjaw il-prezz ta’ kull wieħed mit-tabakki mmanifatturati tagħhom fuq il-bażi tal-kwantità inkluża fl-ippakkjar tagħhom u li, għaldaqstant, tawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali bħar-regola tal-prezz għal 1 000 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex bħala effett li tikkanċella tali vantaġġ kompetittiv.

63.      Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, l-unika restrizzjoni stabbilita minn din ir-regola tikkonsisti fl-impossibbiltà li jiġi ddikjarat prezz tal-bejgħ bl-imnut differenti għal prodott tal-istess ditta u tal-istess isem kummerċjali skont il-pakkett individwali li huwa ppreżentat fih. Il-produttur jew l-importatur ikkonċernat jibqa’, barra minn hekk, liberu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz għal 1 000 unità jew għal 1 000 gramma ta’ dan il-prodott, mingħajr ma huwa ristrett mill-prezz tal-pakkett l-iktar mibjugħ. Ir-regola tal-prezz għal 1 000 ma tillimitax il-possibbiltà għall-produtturi u l-importaturi li jirriflettu globalment, fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom, eventwali spejjeż primarji iktar baxxi minn dawk tal-prodotti tal-kompetituri tagħhom.

64.      Fil-fatt, il-prezz ta’ sigarett, sigarru jew sigarillo u għal kull unità ta’ piż tat-tabakk għat-tipjip ta’ ċerta ditta u ta’ ċertu tip, iffissat liberament minn dawn l-operaturi, huwa intiż sabiex jintegra porzjoni tal-ispejjeż primarji kollha marbuta mal-prodotti ta’ din id-ditta u ta’ dan it-tip. L-ispejjeż tal-ippakkjar huma inklużi bħala komponenti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, li jikkostitwixxu huma stess element tal-ispejjeż primarji. Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-libertà tal-produtturi u l-importaturi li jiddeterminaw il-prezz unitarju ta’ kull wieħed mit-tabakki mmanifatturati tagħhom timplika li dawn jistgħu jiġbru l-ispejjeż marbuta mal-pakketti differenti li fihom dawn il-prodotti huma kkummerċjalizzati f’miżura u skont metodu tal-għażla tagħhom.

65.      Dawn l-operaturi jistgħu jagħżlu, pereżempju, l-iffissar ta’ prezz għal kull sigarett ta’ ditta u ta’ tip partikolari li jirrifletti l-medja tal-ispejjeż ta’ ppakkjar għal kull wieħed mill-pakketti li fihom jinbiegħ dan is-sigarett. Huwa possibbli għalihom ukoll, b’mod partikolari, li jiffissaw prezz li jinkludi l-ispejjeż ta’ ppakkjar tal-pakketti li għalihom dawn l-ispejjeż huma l-iktar, jew l-inqas, għoljin.

66.      Konsegwentement, ir-regola tal-prezz għal 1 000 ma għandhiex tostakola l-produtturi u l-importaturi milli jiġbru mill-prezz ta’ tabakk immanifatturat tagħhom il-vantaġġ kompetittiv potenzjali ibbażat fuq l-ispejjeż primarji, inklużi l-ispejjeż tal-ippakkjar, iktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħhom. Madankollu, dan il-vantaġġ kompetittiv ikollu jitqassam fuq il-pakketti individwali kollha ta’ prodott tal-istess ditta u tal-istess tip.

67.      Dawn l-iżviluppi juru li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tar-regola ta’ prezz għal 1 000, ma tistax titqabbel fl-effetti tagħha ma’ sistema ta’ prezz minimu obbligatorja. Leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip ma tirrestrinġix il-libertà tal-produtturi u l-importaturi li jiddeterminaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut massimu tal-prodotti tagħhom u lanqas, għaldaqstant, ma tillimita l-kompetizzjoni effettiva bejn dawn l-operaturi.

3.      Osservazzjonijiet konklużivi

68.      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, inqis li l-libertà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 għandha bħala suġġett l-iffissar, mill-produtturi u l-importaturi, tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull wieħed mill-prodotti tagħhom ta’ tabakk immanifatturat sa fejn dawn huma suġġetti għas-sisa. Dawn il-prodotti jinkludu is-sigaretti, is-sigarri jew sigarillos, u tabakk għat-tipjip ta’ ditta u ta’ tip partikolari, indipendentement mill-kwantità inkluża fil-pakketti tagħhom.

69.      Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 572 tal-KĠT, li tipprevedi li l-prezz uniku ta’ kull prodott ta’ ditta u ta’ tip partikolari, iffissat b’mod liberu minn dawn l-operaturi, għandu jiġi espress għal 1 000 unità jew 1 000 gramma u, konsegwentement, ma jistax ivarja skont il-kwantità inkluża fil-pakketti individwali li fihom dan jinħareġ għall-konsum.

70.      Għal finijiet ta’ kompletezza, nippreċiża li din il-konklużjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk, kif jallegaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, minbarra li ma jipprekludihiex, jeħtieġ li l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott, li jservi bħala bażi għal dazju tas-sisa ad valorem, ikun identiku għall-unità (jew għall-piż) tkun xi tkun il-kwantità inkluża fl-ippakkjar li fih jiġi ppreżentat (35).

71.      Sabiex tingħata lill-qorti tar-rinviju risposta li tippermettilha tirriżolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti li jiġi kkjarifikat li din id-dispożizzjoni ma tiżgurax, għall-produtturi u għall-importaturi, il-libertà sabiex ivarjaw il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom abbażi tal-kwantità inkluża fil-pakketti tagħhom u, għaldaqstant, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola tali varjazzjoni. Ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest tal-armonizzazzjoni tal-istrutturi tas-sisa li topera d-Direttiva 2011/64, l-Istati Membri għadx għandhom jew le l-fakultà li jawtorizzaw lil dawn l-operaturi sabiex ivarjaw il-prezz tal-bejgħ bl-imnut massimu għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom, li jservi bħala bażi għas-sisa proporzjonali, fuq il-bażi tal-pakkett individwali li fih dawn jinħarġu għall-konsum.

V.      Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-produtturi u l-importaturi jiddeterminaw liberament prezz uniku ta’ bejgħ bl-imnut għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom ta’ tabakk immanifatturat ta’ ditta u ta’ tip partikolari espress għal 1 000 unità jew 1 000 gramma, fejn dan il-prezz ma jistax ivarja skont il-kwantità inkluża fil-pakketti individwali li fihom kull wieħed minn dawn il-prodotti jinħareġ għall-konsum.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 176, p. 24).


3      Minkejja li d-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi espressament biss l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2011/64, il-qorti tar-rinviju probabbilment kellha l-intenzjoni tirreferi wkoll għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi t-tabakk għat-tipjip.


4      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-302/00, EU:C:2002:123).


5      Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111).


6      Il-kunċetti ta’ “ditta” u ta’ “tip”, għalkemm ma jintużawx espressament fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 sabiex jidentifikaw kull prodott tal-produtturi u tal-importaturi, jidhru fl-Artikolu 5(1) u (6) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (ĠU 2014, L 127, p. 1). Pereżempju, sigarett tat-trade mark X jista’ jkun tat-tip “light”, “bjond” jew “kannella”. Mill-proċess ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “tip” jikkorrispondi għal dak tal-“isem tal-kumpannija” użat fl-ittra tat-22 ta’ Novembru 2016 inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


7      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-302/00, EU:C:2002:123) u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111).


8      L-Artikolu 572 tal-KĠI li jipprevedi li l-prezz tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat ma jkunx inqas mis-somma tal-ispejjeż primarji u t-total tat-taxxi kollha marbuta mal-prodott. Il-konformità ta’ dan il-prezz minimu mal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64, li jawtorizza, filwaqt li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri sabiex jiffissaw limitu minimu ta’ taxxa li taħtu s-sisa ad valorem ma għandhiex effett proporzjonali, ma hijiex ikkontestata fil-kawża preżenti. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Yesmoke Tobacco (C‑428/13, EU:C:2014:2263, punt 27).


9      Ara l-punti 50, 51 u 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111, punt 47).


11      Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016 (C‑221/15, EU:C:2016:704, punti 27 sa 31).


12      Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C-221/15, EU:C:2016:704, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 41), u tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C-83/14, EU:C:2015:480, punt 55).


14      Ara l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2011/64. Ara wkoll, il-punti 40 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 4 tad-Direttiva 2011/64.


16      Pereżempju, l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/64 jinkludi, fil-kategorija tas-sigaretti, “rombli tat-tabakk li, b’sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f’tubi tal-karti” u “rombli tat-tabakk li, b’sempliċi maniġġjar mhux industrijali, huma mgeżwra f’karti tas-sigaretti”. Skont il-kliem tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-kategorija ta’ sigarri jew sigarillos tkopri “jekk jistgħu jintużaw għat-tipjip kif inhuma, rombli tat-tabakk b’kisja fuq barra ta’ tabakk naturali”.


17      Madankollu nosserva li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2011/64 jinkludi, fil-kategorija tat-“tabakk għat-tipjip”, “skart tat-tabakk impoġġi għall-bejgħ bl-imnut [...]”. Dan ir-riferiment għall-ippakkjar hija intiża mhux sabiex ikun hemm distinzjoni bejn l-unitajiet ta’ ppakkjar differenti tal-iskart, iżda sabiex jinżamm distint l-iskart suġġett għas-sisa armonizzata, peress li huma proposti għall-bejgħ bl-imnut, mill-iskart l-ieħor.


18      Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/64.


19      Mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/64 jirriżulta li l-gruppi tat-tabakk immanifatturat li għajr is-sigaretti jinkludu l-grupp tas-sigarri u tas-sigarillos, il-grupp tat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, kif ukoll il-grupp ta’ tabakk ieħor għat-tipjip.


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111, punt 36), u tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C-221/15, EU:C:2016:704, punt 24).


21      Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C-221/15, EU:C:2016:704, punt 25).


22      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM (13/77, EU:C:1977:185, punt 17), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-197/08, C-198/08 u C-221/08, EU:C:2009:655, punt 23).


23      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-216/98, EU:C:2000:571, punt 20); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-198/08, EU:C:2010:112, punt 28); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111, punt 36); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-221/08, EU:C:2010:113, punt 39), u tal-24 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-571/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:367, punt 38).


24      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-197/08, C-198/08 u C-221/08, EU:C:2009:654, punti 40 u 41). Ara wkoll, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1983, Il-Kummissjoni vs Franza (90/82, EU:C:1983:169, punti 20 u 21).


25      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fis-sentenza Etablissements Fr. Colruyt (C-221/15, EU:C:2016:288, punti 23 u 24). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ffissar ħieles tal-prezzijiet jippreżupponi wkoll, naturalment, li l-produtturi u l-importaturi jużaw prezzijiet differenti għall-prodotti tagħhom skont il-ditta u t-tip tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


26      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-216/98, EU:C:2000:571, punt 21) kif ukoll il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 56 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      C-302/00, EU:C:2002:123, punti 14 u 15.


28      Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283).


29      C-197/08, EU:C:2010:111, punt 55.


30      Sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-198/08, EU:C:2010:112, punt 45) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-221/08, EU:C:2010:113, punt 41).


31      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-571/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:367, punt 44).


32      Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/08, EU:C:2010:111, punt 38); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-198/08, EU:C:2010:112, punt 30); tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-221/08, EU:C:2010:113, punt 41), u tal-24 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-571/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:367, punt 40).


33      C-302/00, EU:C:2002:123, punti 14 u 15.


34      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-Gvern Taljan isostni li l-iffissar ta’ prezz differenti għal kull ippakkjar individwali tal-istess prodott, minħabba l-impatt tiegħu fuq il-kalkolu tas-sisa, jirriskja li jippreġudika l-integrità tad-dħul fiskali.