Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Settembru 2020 – S. vs AD GmbH

(Kawża C-440/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: S.

Konvenuta: AD GmbH

Domandi preliminari

1.    Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”

1-1:    Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 1 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-kunċett ta’ “element tad-disinn” ikopri biss elementi mekkaniċi ta’ struttura fiżika?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel parti tal-ewwel domanda:

1-2:     Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tinkludi biss tagħmir għat-tindif tal-gass tal-egżost li jkun jinsab fi stadju sussegwenti għall-magna (pereżempju fil-forma ta’ katalizzaturi tal-ossidazzjoni tad-diżil, filtri tal-partikoli tad-diżil, katalizzaturi li jnaqqsu n-NOx)?

1-3:     Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tinkludi kemm il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu interni għall-magna u kemm dawk li jkunu esterni għaliha?

2.    Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu normali”

2-1:    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu normali” jirreferi biss għal kundizzjonijiet ta’ sewqan skont iċ-ċiklu ġdid tas-sewqan Ewropew?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel parti tat-tieni domanda:

2-2:     It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007, għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-manifattur għandu jiggarantixxi li l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament ikunu osservati wkoll fl-użu ta’ kuljum?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni parti tat-tieni domanda:

2-3:     L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu normali” jirreferi għal kundizzjonijiet effettivi ta’ sewqan fl-użu ta’ kuljum?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet parti tat-tieni domanda:

2-4:     L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu normali” jirreferi għal kundizzjonijiet effettivi ta’ sewqan fl-użu ta’ kuljum fuq il-bażi ta’ veloċità medja ta’ 33.6 km/h u veloċità massima ta’ 120.00 km/h?

3.    L-ammissibbiltà ta’ strateġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li huma dipendenti fuq it-temperatura

3-1:    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li tagħmir ta’ vettura ma jkunx permess meta komponent li jkun jista’ jaffettwa l-emissjonijiet ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost tkun irregolata b’mod li tiggarantixxi mod ta’ funzjonament li jikkawża inqas tniġġis biss f’temperaturi ta’ bejn 20 u 30 grad Celsius, filwaqt li, barra minn din il-firxa ta’ temperaturi, din ir-rata titnaqqas b’mod progressiv?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel parti tat-tielet domanda:

3-2:     L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni xorta waħda ma huwiex permess meta jiffunzjona kontinwament f’temperatura li ma tkunx bejn 20 u 30 grad Celsius għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna u b’hekk inaqqas kunsiderevolment ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost?

4.    Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bżonn” fis-sens tal-kundizzjonijiet għal deroga

4-1:    Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-bżonn li jintuża apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi aċċettat biss meta l-protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u t-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura ma jkunux jistgħu jiġi ggarantiti, lanqas bl-użu tal-iktar teknoloġija avvanzata disponibbli fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip għall-mudell ta’ vettura inkwistjoni?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel parti tar-raba’ domanda:

4-2:     Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-bżonn li jintuża apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma għandux jiġi aċċettat meta l-parametri ssettjati fis-sistema tal-kontroll tal-magna jkunu magħżula b’mod li r-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost ma tiġix attivata jew tiġi attivata biss b’mod limitat fuq il-bażi tad-dipendenza fuq it-temperatura programmata minn qabel tiegħu fid-dawl tat-temperaturi normalment mistennija matul il-parti l-kbira tas-sena?

5.    Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħsara” fis-sens tal-kundizzjonijiet għal deroga

5-1:    Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li hija biss il-magna li għandha tiġi protetta mill-ħsara?

5-2:    Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-kunċett ta’ ħsara ma għandux jiġi aċċettat meta jkunu involuti partijiet li jitkagħbru bl-użu (bħal pereżempju il-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost)?

5-3:     Il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li anki komponenti oħra tal-vettura, b’mod partikolari tagħmir li jkun jinsab fi stadju sussegwenti tas-sistema tal-egżost, għandhom jiġu protetti mill-ħsara jew inċidenti?

6.    Effetti legali u sanzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni

6-1:    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li jipproteġu wkoll, minn tal-inqas, l-assi tax-xerrej ta’ vettura li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 715/2007?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel parti tas-sitt domanda:

6-2:    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li l-Istati Membri għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta’ sanzjoni li jippermetti lix-xerrejja ta’ vetturi jippreżentaw rikors, fuq il-bażi tal-effett utli, għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirregola suq partikolari?

6-3:    (a) Il-kunċett ta’ miżuri “effettivi, proporzjonati u dissważivi” previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dannu mġarrab b’effett ta’ liġi fis-seħħ mix-xerrej tal-vettura ma jistax jiġi paċut ma’ jew imnaqqas mill-possibbiltà effettiva li juża vettura li ma hijiex konformi mar-Regolament Nru 715/2007?

    (b)     L-idea ta’ effett utli li hija speċifika għad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li fir-rigward tal-kunċett ta’ miżuri “effettivi, proporzjonati u dissważivi” previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha ssir distinzjoni skont jekk il-ksur imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 715/2007 twettaqx b’mod volontarju jew jekk twettaqx b’mod sempliċement involontarju u li huwa biss fit-tieni każ li tkun iġġustifikata t-tpaċija tal-possibbiltà effettiva li tintuża l-vettura mixtrija?

    (c) Il-kunċett ta’ miżuri “effettivi, proporzjonati u dissważivi” previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki fil-każ li jitqies li hemm vantaġġ, il-manifattur tal-vettura għandu jikkumpensa b’mod ekonomiku t-tgawdija tal-kapital li jkun irċieva, il-korrispettiv, billi jħallas interessi fuqu?

    (d)     Il-kunċett ta’ miżuri “effettivi, proporzjonati u dissważivi” previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manifattur ta’ vettura mhux konformi mar-Regolament Nru 715/2007 għandu jkun prekluż, sa mhux iktar tard mill-ewwel talba serja għar-ritorn tal-vettura mressqa mix-xerrej, milli jinvoka tpaċija bejn il-possibbiltà effettiva li tintuża l-vettura u l-korrispettiv?

6-4:     L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46 2 għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li manifattur jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipprovdi ċertifikat ta’ konformità validu fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46 meta fil-vettura jkun installa apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u fis-sens li t-tqegħid fis-suq ta’ tali vettura jmur kontra l-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ vettura mingħajr ċertifikat ta’ konformità validu prevista fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46?

6-5:     L-għan u l-intenzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll tad-Direttiva 2007/46 huma li l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46 moqri flimkien mar-Regolament Nru 385/2009 3 għandhom iservu ta’ bażi għal drittijiet li jipproteġu lix-xerrej, b’tali mod li ksur tal-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 715/2007 fuq raġunijiet ta’ kwalità jew tar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni jipprekludi, fid-dritt tal-Unjoni, li ssir tpaċija għall-vantaġġi miksuba mill-użu fil-kuntest tar-restituzzjoni tal-vettura lill-manifattur?

____________

1     Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

2     Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1).

3     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009 tas-7 ta’ Mejju 2009 li jissostitwixxi l-Anness IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU 2009, L 118, p. 13, rettifika fil-ĠU 2009, L 128, p. 61).