Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2018 – L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-650/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, G. Tornyai u Zs. Wagner, aġenti)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jikkonstata, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni,

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Ungeriż jinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu.

1.    Il-Gvern Ungeriż iqis li, fil-vot tar-riżoluzzjoni kkontestata, il-Parlament Ewropew kiser serjament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 354 TFUE u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Mill-voti mitfugħa mill-Membri tal-Parlament Ewropew fil-votazzjoni, ingħaddu biss il-voti favur u kontra, u ġew esklużi l-astensjonijiet, li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 354 TFUE u tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew. Kieku ngħaddu l-astensjonijiet, ir-riżultat tal-votazzjoni kien ikun differenti (l-ewwel motiv).

2.    Fit-tieni lok, il-President tal-Parlament Ewropew ma talabx l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew (AFCO) fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura, anki jekk, qabel il-votazzjoni, tqajmu dubji fondati dwar il-mod kif għandhom jingħaddu l-voti. Konsegwentement, kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li kemm qabel u wara l-votazzjoni, kienet teżisti jew kien fadal inċertezza dwar l-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura (it-tieni motiv).

3.    Fit-tielet lok, il-Gvern Ungeriż isostni li, fil-votazzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata, inkisru d-drittijiet demokratiċi tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Membri tal-Parlament Ewwropew u ta’ demokrazija diretta. Il-Membri ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet neċessarji tagħhom sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta’ rappreżentanza tal-poplu skont il-prinċipju tad-demokrazija, li jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ astensjoni (it-tielet motiv).

4.    Fir-raba’ lok, il-Gvern Ungeriż iqis li r-riżoluzzjoni kkontestata tikser il-prinċipju fundamentali ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipji ġuridiċi tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li l-imsemmija riżoluzzjoni fiha dikjarazzjonijiet li jirreferu għal proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li diġà ġew konklużi jew li għadhom pendenti (ir-raba’ motiv).

____________