Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2019 minn Inpost Paczkomaty sp. z o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2019 fil-Kawżi magħquda T-282/16 u T-283/16, Inpost Paczkomaty u Inpost vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-431/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Inpost Paczkomaty sp. z o.o. (rappreżentant: D. Doktór, radca prawny)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

tannulla d-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u għall-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE – konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-punt 19 (Taqsima 2.6) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)] ġew issodisfati, ksur tal-prinċipji marbuta mal-għoti ta’ kuntratt pubbliku (nondiskriminazzjoni, ugwaljanza fit-trattament u trasparenza) u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67/KE (id-Direttiva Postali). Il-metodi użati mill-Istati Membri sabiex jiffinanzjaw il-provvista ta’ servizzi universali għandhom josservaw kemm il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament (inkluża l-għażla tal-fornitur tas-servizz postali universali permezz ta’ kompetizzjoni) li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-libertajiet tas-suq intern, u kemm l-Artikolu 106(2) TFUE, li ma kienx il-każ fil-kawża ineżami.

It-tieni aggravju: Ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE – konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-punti 14 (Taqsima 2.2) u 60 (Taqsima 2.10) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)] ġew issodisfatti. Anki jekk l-obbligu tas-servizz pubbliku fdat lill-Poczta Polska (il-Posta Pollakka) jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva Postali, ma huwiex eskluż li jkun neċessarju li titwettaq konsultazzjoni pubblika jew li jiġu użati mezzi oħra xierqa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti u tal-fornituri ta’ servizzi sabiex jiġi pprovat b’mod preċiż il-bżonn ta’ servizz universali.

It-tielet aggravju: Ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE – konstatazzjoni żbaljata li r-rekwiżiti tal-punt 52 (Taqsima 2.9) tal-Qafas [tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)] ġew issodisfatti, kif ukoll ksur tal-Artikolu 7(1), (3) u (5) tad-Direttiva 97/67/KE. Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-fond ta’ kumpens jissodisfa r-rekwiżit ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni massima unika ta’ 2 % tad-dħul tal-fornitur tas-servizz universali jew tas-servizzi interkambjabbli; din il-perċentwali tad-depożitu obbligatorju li għandha titħallas mill-fornituri tapplika b’mod uniformi għall-operaturi kollha, u hija diskriminatorja peress li s-sitwazzjoni tal-fornituri tas-servizz universali u dik tal-fornituri tas-servizzi interkambjabbli ma humiex l-istess. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li l-fond ta’ kumpens jissodisfa wkoll ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

Matul il-konsultazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata l-emenda, il-kundizzjonijiet tal-fond ta’ kumpens kienu sostanzjalment differenti minn dawk finalment stipulati fil-Liġi dwar il-Posta, u għalhekk ma jistax jiġi preżunt li l-istabbiliment tal-fond kien is-suġġett ta’ konsultazzjoni.

Skont il-kundizzjonijiet għall-iffinanzjar tas-servizz universali, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-ispejjeż netti sostnuti jikkostitwixxux piż sproporzjonat għall-fornitur tas-servizz universali. Ir-rabta awtomatika bejn il-finanzjament tas-servizz u l-okkorrenza ta’ telf għas-servizz universali ma tistax titqies li tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva Postali.

Ir-raba’ aggravju: Ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva Postali – peress li ġie aċċettat li l-ispejjeż tas-servizz universali jkunu ffinanzjati minn numru kbir ta’ drittijiet esklużivi u speċjali mogħtija lill-Posta Pollakka. Konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva Postali, l-Istati Membri la għandhom jagħtu u lanqas ma għadhom iżommu drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u għall-provvista ta’ servizzi postali. Madankollu, kuntrarju għall-fehma tal-Qorti Ġenerali, id-drittijiet speċjali u esklużivi mogħtija lill-Posta Pollakk ma humiex manifestament inklużi fil-lista ta’ eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva Postali.

____________