Language of document : ECLI:EU:C:2011:607

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Settembru 2011(*)

“Direttiva 89/552/KEE — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Possibbiltà għal Stat Membru li jipprojbixxi fit-territorju tiegħu l-attività ta’ xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor — Motiv ibbażat fuq ksur tal-ftehim bejn il-popli”

Fil-Kawżi magħquda C‑244/10 u C‑245/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Frar 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Mesopotamia Broadcast A/S METV (C-244/10),

Roj TV A/S (C-245/10)

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mesopotamia Broadcast A/S METV u Roj TV A/S, minn R. Marx, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vrignon, S. La Pergola u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, Mesopotamia Broadcast A/S METV (iktar ’il quddiem “Mesopotamia Broadcast”), minn naħa, u Roj TV A/S (iktar ’il quddiem “Roj TV”), min-naħa l-oħra, żewġ kumpanniji Daniżi, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ attività minħabba n-natura tax-xandiriet prodotti minn dawn il-kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva, ix-“xandar” huwa ddefinit bħala “il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-kompożizzjoni ta’ l-iskedi tal-programmi televiżivi u li tittrasmettihom jew li tagħmel mezz li jiġu trasmessi minn terzi persuni”.

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi x-xandiriet televiżivi kollha trasmessi minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu iħarsu r-regoli tas-sistema legali applikabbli għal xandiriet maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni ta Stat Membru huma:

–        dawk stabbiliti f’dak l-Istat Membru skond il-paragrafu 3;

3. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, xandar għandu jiġi meqjus li huwa stabbilit fi Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a) jekk ix-xandar għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’dak l-Istat Membru u d-deċiżjonijiet editorjali dwar l-iskeda ta programmi jittieħdu f’dak l-Istat Membru;”

5        L-Artikolu 2a tad-Direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jagħmlu xi restrizzjoni fuq it-trasmissjonijiet mill-ġdid fuq it-territorju tagħhom ta xandiriet televiżivi minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma koordinati minn din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk is-segwenti kondizzjonijiet jiġu ssodisfati:

(a)      jekk xandira televiżiva li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor b’mod manifest, serju u gravi tikser l-Artikolu 22 (1) jew (2) u/jew l-Artikolu 22a;

(b)      matul it-12-il xahar preċedenti, ix-xandar ikun kiser id-disposizzjoni(jiet) li ssir riferenza għalih(om) f’(a) mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet preċedenti;

(ċ)      l-Istat Membru inkwistjoni irid ikun innotifika lix-xandar u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegati vjolazzjonijiet u dwar il-miżuri li jkun bi ħsiebu jieħu jekk jerġa jkun hemm vjolazzjoni oħra bħal dik;

(d)      jekk il-konsultazzjonijiet ma’ l-Istat Membru li jittrasmetti u l-Kummissjoni ma jwasslux għal ftehim amikevoli fi żmien 15-il ġurnata min-notifika provduta f’(ċ), u l-allegata vjolazzjoni tkun għadha tippersisti.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn wara n-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Komunità. Jekk tiddeċiedi li m’humiex, l-Istat Membru huwa meħtieġ li jtemm il-miżuri inkwistjoni b’urġenza.

3.      Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kull proċedura, rimedju jew sanzjoni għall-vjolazzjonijiet inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq ix-xandar inkwistjoni.”

6        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jitolbu lix-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex iħarsu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom, b’mezzi approprjati, jagħmlu ċert, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom, li x-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom iħarsu b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet ta din id-Direttiva.”

7        L-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva jifformaw parti mill-Kapitolu V tagħha, intitolat “Il-protezzjoni tal-minuri u l-ordni pubblika”. L-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw illi x-xandiriet televiżivi minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunu jinkludu ebda programmi li jistgħu serjament ifixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, b’mod partikolari programmi li jinvolvu pornografija jew vjolenza gratwita.

2. Il-miżuri provduti fil-paragrafu 1 għandhom jestendu wkoll għal programmi oħra li aktarx jistgħu ifixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, ħlief fejn jiġi żgurat, billi jintgħażel il-ħin tax-xandira jew b’xi miżura teknika, li l-minuri fiż-żona tat-trasmissjoni normalment ma jisimgħux jew ma jarawx xandiriet b’ħal dawk”.

8        L-Artikolu 22a tad-Direttiva jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi x-xandiriet ma’ jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        L-Artikolu 9 tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland, iktar ’il quddiem il-“Liġi fundamentali”) jiggarantixxi fil-paragrafu (1) tiegħu, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u jiddefinixxi, fil-paragrafu (2) tiegħu, iċ-ċirkustanzi li fihom assoċjazzjoni hija pprojbita. Dan l-aħħar paragrafu jipprovdi kif ġej:

“L-assoċjazzjonijiet li l-għanijiet tagħhom jew l-attività tagħhom jiksru l-liġijiet kriminali jew li jmorru kontra l-ordni kostituzzjonali jew il-prinċipji tal-ftehim bejn il-popli huma pprojbiti.”

10      Il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Gesetz zur Regelung des öffentlichen Vereinsrechts, BGB1. I 1964, p. 593), tal-5 ta’ Awwissu 1964, kif emendata bl-Artikolu 6 tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007 (BGB1. I 2007, p. 3198, iktar ’il quddiem il-“Vereinsgesetz”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-istabbiliment ta’ assoċjazzjonijiet huwa liberu.

2.      Ebda miżura ta’ żamma tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku ma tista’ tittieħed barra minn din il-liġi kontra assoċjazzjonijiet li jabbużaw mil-libertà ta’ assoċjazzjoni.”

11      Fl-Artikolu 2 din il-liġi tiddefinixxi l-kunċett ta’ assoċjazzjoni kif ġej:

“1.      L-assoċjazzjonijiet koperti minn din il-liġi jiġbru flimkien l-assoċjazzjonijiet kollha, mingħajr kunsiderazzjoni għall-forma ġuridika tagħhom, li magħhom maġġoranza ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ngħaqdu volontarjament fit-tul b’għan komuni u ssuġġettaw rwieħhom għal teħid ta’ deċiżjoni organizzat.

2.      Skont din il-liġi ma jikkostitwixxux assoċjazzjonijiet:

1.      Il-partiti politiċi,

2.      Il-gruppi politiċi tal-Bundestag u tal-parlamenti tal-Länder”.

12      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jirregola kif ġej il-projbizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-assoċjazzjonijiet:

“1.      Assoċjazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala pprojbita […] biss meta l-awtoritajiet awtorizzati jipprojbixxuha jkunu ddeterminaw permezz ta’ digriet li l-għanijiet tagħha jew l-attività tagħha jiksru l-liġijiet kriminali jew li din tmur kontra l-ordni kostituzzjonali jew l-idea tal-ftehim bejn il-popli; id-digriet għandu jornda x-xoljiment tal-assoċjazzjoni. Il-projbizzjoni tinvolvi fil-prinċipju qbid u konfiskazzjoni:

1.      tal-patrimonju tal-assoċjazzjoni,

2.      ta’ krediti fuq terzi u

3.      ta’ oġġetti ta’ terzi sa fejn il-proprjetarju deliberament iffavorixxa l-għanijiet antikostituzzjonali tal-assoċjazzjoni billi tagħha l-oġġetti jew jekk l-oġġetti huma intiżi sabiex jiffavorixxu dawn l-għanijiet,

3.      Il-projbizzjoni tapplika, bl-eċċezzjoni għal limitazzjoni espressa, għall-organizzazzjonijiet kollha inklużi fl-assoċjazzjoni sal-punt li dawn huma fergħa tagħha fid-dawl tar-relazzjonijiet kollha effettivament miżmuma (sottoorganizzazzjonijiet). Il-projbizzjoni tapplika biss għas-sottoorganizzazzjonijiet territorjali li għandhom personalità ġuridika tagħhom stess jekk dawn ikunu espressament imsemmija fid-digriet ta’ projbizzjoni.

5.      L-awtoritajiet awtorizzati jistabbilixxu projbizzjoni jistgħu wkoll jibbażaw il-projbizzjoni fuq atti ta’ membri tal-assoċjazzjoni jekk:

1.      teżisti rabta mal-attività tal-assoċjazzjoni jew mal-għan tagħha,

2.      l-atti jirriżultaw minn deċiżjoni mifthema u

3.      iċ-ċirkustanzi jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn huma ttollerati mill-assoċjazzjoni.”

13      L-Artikolu 14 tal-Vereinsgesetz jipprovdi:

“1.      L-assoċjazzjonijiet li l-membri jew il-mexxejja tagħhom huma kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira ċittadini barranin jistgħu jkunu pprojbiti bla ħsara għall-paragrafu 2. L-assoċjazzjonijiet li l-membri jew il-mexxejja tagħhom huma kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma humiex ikkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet ta’ ċittadini barranin.”

14      L-Artikolu 15 tal-Vereinsgesetz jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Artikolu 14 japplika b’analoġija għall-assoċjazzjonijiet li jkollhom l-uffiċċju rreġistat tagħhom barra mill-pajjiż (assoċjazzjonijiet barranin) li l-organizzazzjoni tagħhom jew l-attività tagħhom testendi għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi. Ir-responsabbiltà tal-projbizzjoni taqa’ taħt il-Ministru Federali tal-Intern.”

15      L-Artikolu 18 tal-Vereinsgesetz jipprovdi kif ġej:

“Il-projbizzjonijiet li jolqtu lil assoċjazzjonijiet li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din il-liġi imma li għandhom sottoorganizzazzjonijiet fih huma estiżi biss għas-sottoorganizzazzjonijiet f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Jekk l-assoċjazzjoni ma għandhiex organizzazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din il-liġi, il-projbizzjoni tapplika għall-attività tagħha f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

16      Mesopotamia Broadcast, kumpannija holding irregolata mid-dritt Daniż, li għandha l-ufiċċju rreġistrat tagħha fid-Danimarka, hija l-proprjetarja ta’ diversi liċenzji televiżivi Daniżi. Hija topera, b’mod partikolari, l-istazzjon televiżiv Roj TV li huwa wkoll kumpannija Daniża. Dan tal-aħħar jittrażmetti permezz tas-satellita programmi essenzjalment bil-Kurd fl-Ewropa kollha u fil-Lvant Nofsani. Fost oħrajn hija tqabbad lil kumpannija stabbilita fil-Ġermanja sabiex tipproduċi xi xandiriet.

17      Fl-2006 u fl-2007, awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Istat Tork ressqu lmenti quddiem il-Kumitat Daniż tar-Radju u tat-Televiżjoni li jiżgura, f’dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet jakkużaw lil Roj TV li bix-xandiriet tiegħu huwa jiffavorixxi l-għanijiet tal-“Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan” (iktar ’il quddiem il-“PKK”), ikkwalifikat bħala organizzazzjoni terrorista mill-Unjoni Ewropea.

18      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-3 ta’ Mejju 2007 u tat-23 ta’ April 2008 il-Kumitat Daniż tar-Radju u tat-Televiżjoni ddeċieda fuq dawn l-ilmenti. Huwa ddeċieda li Roj TV ma kienx kiser il-leġiżlazzjoni Daniża li tittrasponi l-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva. Dan il-kumitat b’mod partikolari kkunsidra li l-programmi ta’ Roj TV ma kinux ixewxu għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon, jew nazzjonalità. Huwa kkunsidra li l-programmi ta’ din il-kumpannija kienu biss jittrażmettu informazzjoni u opinjonijiet u li l-immaġnijiet vjolenti trażmessi kienu jirriflettu l-vjolenza li teżisti fit-Turkija u fit-territorji Kurdi.

19      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2008, indirizzata lil Mesopotamia Broadcast u lil Roj TV, il-Ministeru Federali tal-Intern Ġermaniż, peress li kien iqis li l-operazzjoni tal-istazzjoni tat-televiżjoni Roj TV minn Mesopotamia Broadcast kienet tmur kontra l-“idea tal-ftehim bejn il-popli” skont il-Vereinsgesetz, moqrija flimkien mal-Liġi fundamentali, ipprojbixxa lil Mesopotamia Broadcast milli twettaq, permezz ta’ Roj TV, kull attività li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Vereinsgesetz. Huwa pprojbixxa wkoll kull attività ta’ Roj TV.

20      Fid-9 ta’ Lulju 2008, kemm Mesopotamia Broadcast kif ukoll Roj TV ressqu kawża quddiem il-Bundesverwaltungsgericht sabiex jiksbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

21      Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti sostnew li l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tat-televiżjoni transkonfinali kienu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa biss ir-Renju tad-Danimarka, bħala Stat Membru li fih huma stabbiliti Mesopotamia Broadcast u Roj TV, li jista’ jeżerċita kontroll fuq dawn l-attivitajiet. Kull kontroll ieħor huwa, fil-prinċipju, ipprojbit. Ċertament, id-Direttiva tippermetti, permezz ta’ miżuri derogatorji, li jsir kontroll doppju. Madankollu, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali miżuri ma humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.

22      Quddiem il-Bundesverwaltungsgericht, il-Gvern Federali Ġermaniż sostna li l-attivitajiet ta’ xandir televiżiv ta’ Mesopotamia Broadcast u ta’ Roj TV kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Vereinsgesetz. Dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom jitqiesu bħala li jippromwovu, permezz tal-attivitajiet tagħhom, il-PKK fil-Ġermanja.

23      Il-Gvern Federali Ġermaniż sostna wkoll, li l-motiv tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq ksur tal-“idea tal-ftehim bejn il-popli”, kien imsejjes fuq il-fatt li l-programmi ta’ Roj TV kienu jxewxu sabiex id-diverġenzi bejn il-Kurdi u t-Torok jiġu solvuti permezz tal-vjolenza, inkluż fil-Ġermanja, u kienu jsostnu l-isforzi tal-PKK biex jirrekluta Kurdi żagħżagħ fil-gwerra kontra r-Repubblika tat-Turkija.

24      Barra minn hekk, il-Gvern Federali Ġermaniż sostna li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ġenerali tal-Istati Membri fil-qasam kriminali jew tal-puluzija u lanqas il-qasam tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet, anki jekk dawn ir-regoli jistgħu jkollhom effetti fuq attivitajiet ta’ xandir televiżiv.

25      Wara li ddeċidiet li tara għażla ta’ sekwenzi ta’ programm televiżiv ta’ Roj TV, il-Bundesverwaltungsgericht qieset li dan il-programm bla dubju ta’ xejn ixaqleb favur il-PKK, li jirrefletti bil-kbir l-approċċ militaristiku u vjolenti tiegħu, u dan bil-kunsens tad-diriġenti ta’ Mesopotamia Broadcast. Din il-kumpannija tiskuża, permezz tal-istazzjon tagħha Roj TV, il-ġlieda armata mmexxija mill-PKK. Dan l-istazzjoni ma jagħtix kont tal-kunflitt b’mod newtrali, iżda jsostni r-rikors tal-PKK għal unitajiet ta’ gwerillieri u għal attentati, billi jadotta l-opinjoni ta’ dan tal-aħħar u billi jippropoganda kult ta’ eroji u ta’ martri fir-rigward tal-kombattenti li mietu. Mesopotamia Broadcast u Roj TV b’hekk jikkontribwixxu sabiex iħeġġu l-ħbit vjolenti bejn il-persuni ta’ etnika Turka u Kurda fit-Turkija u sabiex iħarrxu t-tensjonijiet bejn it-Torok u l-Kurdi li jgħixu fil-Ġermanja.

26      Il-Bundesverwaltungsgericht qieset li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tiġi bbażata fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ftehim bejn il-popli skont l-Artikolu 3(1) tal-Vereinsgesetz, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Liġi fundamentali. Għaldaqstant din il-qorti tistaqsi dwar jekk u, skont il-każ, taħt liema ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ projbizzjoni taqa’ taħt l-oqsma kkoordinati mid-Direttiva.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, identika fil-Kawżi C‑244/10 u C‑245/10: “L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tad-dritt nazzjonali dwar il-projbizzjoni ta’ assoċjazzjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ftehim bejn il-popli taqa’, u skont il-każ, taħt liema ċirkustanzi, taħt qasam irregolat mid-Direttiva u għalhekk, hija eskluża skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Permezz tad-domanda tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22a tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta, skont leġiżlazzjoni ġenerali, bħall-Vereinsgesetz flimkien mal-Liġi fundamentali, miżuri fir-rigward ta’ xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-attivitajiet u l-għanijiet ta’ dan ix-xandar jiksru l-projbizzjoni ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli.

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Mit-titolu tad-Direttiva jirriżulta li din tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ ċerti liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv bil-għan li jitneħħew l-ostakoli għat-trażmissjoni libera fi ħdan l-Unjoni.

30      Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 97/36, id-Direttiva 89/552 tikkostitwixxi l-qafas legali tal-attività ta’ xandir televiżiv fis-suq intern, liema qafas għandu, skont il-premessa 4 ta’ din l-ewwel direttiva, jikkontribwixxi għall-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi fi ħdan l-Unjoni.

31      Barra minn hekk mid-disa’ u mill-għaxar premessa tad-Direttiva 89/552 jirriżulta li l-ostakoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ineħħi huma dawk li jirriżultaw mid-differenzi eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attività ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni.

32      Minn dan jirriżulta li l-oqsma koordinati mid-Direttiva jikkonċernaw biss ix-xandir televiżiv fil-veru sens tal-kelma, kif iddefinit fl-Artikolu 1(a) tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra. p. I‑3843, punt 26).

33      Fl-aħħar, mit-tmien premessa tad-Direttiva 89/552 jirriżulta li d-dritt applikat għat-trażmissjoni u għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tat-televiżjoni jikkostitwixxi manifestazzjoni speċifika ta’ prinċipju iktar ġenerali, jiġifieri l-libertà ta’ espressjoni kif stabbilita fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Barra minn hekk, mill-kliem tal-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 97/36 jirriżulta li, skont l-Artikolu F(2) tat-Trattat UE (li sar l-Artikolu 6(2) UE), l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk kull miżura intiża sabiex tirristrinġi r-riċezzjoni u/jew sabiex tissospendi t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi għandha tkun kompatibbli mal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

34      Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva ma tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar l-oqsma li tkopri, iżda hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-trażmissjonijiet li ġejjin mill-Unjoni u li huma intiżi sabiex jiġu mxandra fi ħdanha (ara, s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

35      Għaldaqstant id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent, mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni, tal-funzjoni ta’ kontroll tal-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tax-xandiriet televiżivi tax-xandara tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. L-Artikolu 2a(1) tad-Direttiva jipprovdi fil-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u ma għandhomx jostakolaw it-trasmissjonijiet mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta’ xandiriet televiżivi minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma koordinati mid-Direttiva.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini applikabbli għax-xandiriet televiżivi u tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jaqa’ biss fuq l-Istat Membru li minnu x-xandiriet joriġinaw, u li l-Istat Membru ta’ riċezzjoni ma huwiex awtorizzat jeżerċita l-kontroll tiegħu stess għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma koordinati mid-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑11/95, Ġabra p. I‑4115, punti 34 u 86, kif ukoll De Agostini u TV-Shop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

37      Madankollu, min-natura mhux eżawrjenti tad-Direttiva fir-rigward tal-oqsma li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku, il-morali t-tajba jew is-sigurtà pubblika jirriżulta li Stat Membru jibqa’ liberu li japplika, għall-attivitajiet mwettqa fit-territorju tiegħu minn xandara tat-televiżjoni, regoli ġeneralment applikabbli relatati ma’ dawn l-oqsma, sakemm dawn ma jostakolawx it-trażmizzjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tiegħu ta’ xandiriet televiżivi li ġejjin minn Stat Membru ieħor u ma jistabbilixxux kontroll minn qabel ta’ dawn tal-aħħar.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22a tad-Direttiva

38      Fir-rigward tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ dwar jekk il-motiv ta’ projbizzjoni, ibbażat fuq ksur tal-ftehim bejn il-popli, għandux jiġi kkunsidrat bħala li huwa inkluż fil-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità” fis-sens tad-Direttiva u, għaldaqstant, jifforma parti mill-oqsma koordinati minnha, għandu jiġi osservat qabel kollox li d-Direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-kliem imsemmi fl-Artikolu 22a tagħha.

39      Barra minn hekk, u kif ġie rrilevat fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttivi 89/552 u 97/36 ma fihomx indikazzjonijiet rilevanti dwar is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda”, u jikkonfermaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevedi, fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, motiv ta’ projbizzjoni bbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku li huwa distintt minn dawk minn dawk li jirreferu speċjalment għall-protezzjoni tal-minuri.

40      Minn dan jirriżulta li l-portata tal-Artikolu 22a tad-Direttiva għandha tiġi ddeterminata skont it-tifsira komuni fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kliem użat f’dan l-artikolu, filwaqt li jitqies il-kuntest li dawn huma użati fih u l-għanijiet li d-Direttiva trid tilħaq (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tal-kliem “tixwix” u “mibegħda”, għandu jiġi rrilevat li dawn jirreferu, minn naħa, għal azzjoni intiża sabiex torjenta imġiba speċifika u, min-naħa l-oħra, għal sentiment ta’ animożita jew ta’ twarrib kontra numru ta’ persuni.

42      Għaldaqstant, id-Direttiva, permezz tal-użu tal-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda”, hija intiża sabiex tipprevjeni kull ideoloġija ma tirrispettax il-valuri umani, b’mod partikolari inizjattivi li jiskużaw il-vjolenza permezz ta’ atti terroristiċi kontra komunità speċifika ta’ persuni.

43      Fir-rigward tal-kunċett ta’ ksur tal-“ftehim bejn il-popli”, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, Mesopotamia Broadcast u Roj TV jikkontribwixxu, skont il-qorti tar-rinviju, sabiex iħeġġu l-ħbit vjolenti bejn il-persuni ta’ etnika Turka u Kurda fit-Turkija u sabiex iħarrxu t-tensjonijiet bejn it-Torok u l-Kurdi li jgħixu fil-Ġermanja, u b’hekk jiksru l-ftehim bejn il-popli.

44      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali imġiba hija koperta mill-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda”.

45      Għaldaqstant, u hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 88 u 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza tar-regola ta’ ordni pubbliku stabbilita fl-Artikolu 22a tad-Direttiva għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ x-xandar tat-televiżjoni inkwistjoni, indipendentement mill-preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat tal-komunitajiet etniċi jew kulturali kkonċernati. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stipulata f’dan l-artikolu tiddependi mhux mill-effetti potenzjali tax-xandira inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fi Stat Membru partikolari, imma biss mill-fatt li jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, jiġifieri tixwix għall-mibegħda u motivi ta’ razza, sess, reliġjoni jew nazzjonalità.

46      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 22a tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jaqgħu taħt dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi ksur tal-ftehim bejn il-popli, għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità” stabbilit f’dan l-artikolu.

 Fuq id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tas-sentenza De Agostini u TV-Shop

47      Sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiema fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22a tad-direttiva mogħtija iktar ’il fuq, għandu jsir riferiment għas-sentenza De Agostini u TV-Shop, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-reklamar tleviżiv u l-isponsorizzazzjoni u r-regoli nazzjonali għajr dawk li jikkonċernaw speċifikament it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-programmi.

48      Fil-fatt, fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, anki jekk id-direttiva tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-libertà ta’ riċezzjoni u ma għandhomx jostakolaw it-trażmissjoni mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta’ xandiriet televiżivi li ġejjin minn Stati Membri oħra għal raġunijiet relatati mar-reklamar televiżiv u mal-isponsorizzazzjoni, din madankollu ma għandhiex bħala effett li teskludi kompletament u awtomatikament l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Għaldaqstant, bħala regoli ġenerali, id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’mod ġenerali, trid tilħaq għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi kontroll sekondarju tax-xandiriet televiżivi li jiżdied ma’ dak li l-Istat Membru tax-xandir huwa obbligat li jwettaq.

49      Fil-punt 38 tal-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li d-Direttiva ma tipprekludix li Stat Membru jadotta, skont leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi mir-reklamar għarrieqi, miżuri fir-rigward ta’ min jirreklama minħabba reklamar televiżiv trażmess minn Stat Membru ieħor, sakemm dawn il-miżuri ma jimpedixxux it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tiegħu tax-xandiriet televiżivi li ġejjin minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

50      Bla dubju ta’ xejn dan ir-raġunamet japplika ukoll għal leġiżlazzjonijiet ta’ Stat Membru li ma jikkonċernawx speċifikament it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-programmi, u li, b’mod ġenerali, iridu jilħqu għan ta’ ordni pubbliku, mingħajr madankollu ma jimpedixxu t-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tiegħu tax-xandiriet televiżivi li ġejjin minn Stat Membru ieħor.

51      F’dan ir-rigward mill-proċess ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Vereinsgesetz ma tikkonċernax b’mod speċjali lix-xandara tat-televiżjoni lanqas it-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni ta’ programmi tat-televiżjoni fihom infushom, iżda tikkonċerna, b’mod ġenerali, l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Ministeru Federali tal-Intern tat-13 ta’ Ġunju 2008, li hija bbażata fuq din il-liġi moqrija flimkien mal-Liġi fundamentali, jinkludi ħdax-il element. B’mod partikolari minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-operazzjoni tal-istazzjon televiżiv Roj TV minn Mesopotamia Broadcast kienet tmur kontra l-idea tal-ftehim bejn il-popli, li Mesopotamia Broadcast ma setgħetx iktar taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Vereinsgesetz permezz tal-istazzjon televiżiv Roj TV, li l-attività ta’ dan tal-aħħar kienet tmur kontra l-idea tal-ftehim bejn il-popli, li l-istazzjoni televiżiv Roj TV ma setax iktar jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Vereinsgesetz u li dan l-istazzjon kien ipprojbit fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi.

52      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-sottomissjonijiet orali tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-Gvern Ġermaniż b’mod partikolari ppreċiża li għalkemm, permezz tad-deċiżjoni tal-Ministeru Federali tal-Intern tat-13 ta’ Ġunju 2008, l-attivitajiet kollha tax-xandar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu pprojbiti fil-Ġermanja, dan l-Istat Membru ma huwiex madankollu f’pożizzjoni li jipprevjeni l-eventwali riperkussjonijiet fil-Ġermanja tax-xandiriet televiżivi mwettqa barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, ir-riċezzjoni u l-użu privat tal-programm ta’ Roj TV ma humiex ipprojbiti u fil-prattika jibqaw effettivament possibbli. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru indika li, għalkemm huwa ma jipprojbixxix it-trażmissjonijiet mill-ġdid fit-territorju tiegħu li ġejjin mid-Danimarka tax-xandiriet televiżivi mwettqa minn dan ix-xandar, hija madankollu illegali kull attività organizzata minn Roj TV jew għall-benefiċċju tiegħu eżerċitata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba l-projbizzjoni ta’ attività stabbilita mid-deċiżjoni tal-Ministeru Federali tal-Intern tat-13 ta’ Ġunju 2008. Għaldaqstant huma pprojbiti, fil-Ġermanja, il-produzzjoni ta’ xandiriet kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet li jikkonsistu fil-wiri ta’ xandiriet ta’ Roj TV f’post pubbliku, b’mod partikolari fi stadjum, kif ukoll attivitajiet ta’ sostenn li jseħħu fit-territorju Ġermaniż.

53      Miżuri bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti ma jikkostitwixxux, bħala regola ġenerali, ostakolu għat-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-effetti konkreti li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tax-xandiriet televiżivi mwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn Stat Membru ieħor, billi tivverifika jekk din id-deċiżjoni tipprekludix it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni tal-imsemmija xandiriet.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 22a tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jaqgħu taħt dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi ksur tal-ftehim bejn il-popli, għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità”. Dan l-artikolu ma jipprekludix li Stat Membru jadotta, skont leġiżlazzjoni ġenerali, bħall-Vereinsgesetz, miżuri fir-rigward ta’ xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-attivitajiet u l-għanijiet ta’ dan ix-xandar jiksru l-projbizzjoni ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli, sakemm dawn il-miżuri ma jimpedixxux, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni tax-xandiriet televiżivi mwettqa minn dan ix-xandar mill-Istat Membru l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 22a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jaqgħu taħt dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprojbixxi ksur tal-ftehim bejn il-popli, għandhom jitqiesu bħala inklużi fil-kunċett ta’ “tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità”. Dan l-artikolu ma jipprekludix li Stat Membru jadotta, skont leġiżlazzjoni ġenerali, bħal-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Gesetz zur Regelung des öffentlichen Vereinsrechts), tal-5 ta’ Awwissu 1964, kif emendata bl-Artikolu 6 tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007, miżuri fir-rigward ta’ xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-attivitajiet u l-għanijiet ta’ dan ix-xandar jiksru l-projbizzjoni ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli, sakemm dawn il-miżuri ma jimpedixxux, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, it-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju tal-Istat Membru ta’ riċezzjoni tax-xandiriet televiżivi mwettqa minn dan ix-xandar mill-Istat Membru l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.