Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2018 minn Lux-Rehab Foglalkoztató Non-Profit Kft. (Lux-Rehab Non-Profit Kft.) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-28 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-710/17, Lux-Rehab Non-Profit vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-747/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Lux-Rehab Foglalkoztató Non-Profit Kft. (Lux-Rehab Non-Profit Kft.) (rappreżentant: L. Szabó)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat u, b’konsegwenza ta’ dan, tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-28 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża Lux-Rehab Non-Profit vs Il-Kummissjoni (T-710/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:630), kif ġie nnotifikat lilha fit-2 ta’ Ottubru 2018;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni u r-raba’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà;

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tibgħatx lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, f’liema każ hija titlob lil din tal-aħħar ma tiddeċidix dwar l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell f’dan l-istadju iżda tiddeċiedi meta tagħti sentenza definittiva.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju

L-appellanti tqis li għamlet riferiment għall-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha; għaldaqqstant, hemm lok, f’dan il-każ, li hija titqies bħala parti kkonċernata jekk ir-rikors tagħha huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet bbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 1 u li r-rikors jagħmel impliċitament riferiment, b’allużjoni, għall-ħarsien tad-drittijiet.

It-tieni aggravju

Meta l-Qorti Ġenrali interpretat anness tar-rikors u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, ddeċidiet fuq il-mertu, ma huwiex fondat li jiġi ddikjarat li hija ma għandiex l-obbligu li tfittex u li tidentifika l-motivi invokati mill-appellanti fl-Anness.

Billi eżiġiet li l-appellanti tipproduċi l-prova ta’ “effett konkret u tanġibbli” ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq is-sitwazzjoni tagħha u turi, b’dan il-mod, li hija affettwata direttament mill-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali qed ixxaqleb lejn evalwazzjoni fattwali tas-sitwazzjoni. Billi tagħmel dan hija tiżnatura r-rekwiżit li persuna tkun affettwata direttament.

It-tielet aggravju

Jekk l-appellata sostniet, matul il-proċedura, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma setgħux jiġu kkontestati għaliex dawn ma setgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet definittivi minħabba li l-eżami għadu ma ntemmx, għaldaqstant din id-deċiżjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà.

____________

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).