Language of document : ECLI:EU:F:2014:239

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2014

Kawża F-107/11 DEP

Ioannis Ntouvas

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż – Onorarji tal-avukat – Rappreżentanza ta’ istituzzjoni minn avukat – Spejjeż ta’ trasport u ta’ akkomodazzjoni u l-allowances ta’ kuljum tal-membru tal-persunal – Spejjeż li jistgħu jinġabru”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 92(1) tar-Regolament tal-Proċedura fis-seħħ f’dak iż-żmien (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Proċedura preċedenti”), imressqa minn I. Ntouvas, li tat lok għas-sentenza Ntouvas vs ECDC (F‑107/11, EU:F:2012:182, suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑94/13 P).

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn I. Ntouvas liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑107/11, Ntouvas vs ECDC, huwa ffissat għal EUR 9 472.19.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tal-ispejjeż mitluba b’rimbors – Kriterji

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-intaxxar

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.       Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Eżenzjoni tal-Unjoni minn kull taxxa diretta u mid-dazji doganali fir-rigward tal-materjal għal użu uffiċjali – Vantaġġi rikonoxxuti lill-Unjoni fil-qasam tat-taxxi indiretti – Evalwazzjoni tal-Istati Membri – Kundizzjonijiet

(Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 3 u 4)

1.      Is-sempliċi ċirkustanza li kopji tal-oriġinali biss tal-fatturi ġew ikkomunikati lil parti ma jippermettix li jiġi konkluż, fin-nuqqas ta’ argumenti li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-awtentiċità tal-imsemmija fatturi u l-konformità tagħhom mal-oriġinali, li hemm assenza ta’ sinċerità u ta’ realtà tal-ispejjeż fir-rigward tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

(ara l-punt 24)

2.      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet għandhom il-libertà li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar għaldaqstant tidħol fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli esposti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni jkollha l-obbligu li turi li din l-assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont li fir-rigward tiegħu jistgħu jiġu rkuprati l-onorarji, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex kompetenza tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati rispettivi tagħhom, iżda għandha kompetenza sabiex tiddetermina l-ammont li fir-rigward tiegħu dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jiġu rkuprati mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi dwar it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni rata nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fl-istess sens, il-fatt li r-remunerazzjoni hija b’rata fissa ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammont li jista’ jinġabar fir-rigward tal-ispejjeż, fejn il-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji ġurisprudenzjali stabbiliti sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax l-iffissar mill-imsemmi Tribunal, abbażi ta’ evalwazzjoni ekwa, tal-ammont tal-ispejjeż li jistħgu jinġabru, madankollu din tqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ evalwazzjoni neċessarjament stretta fir-rigward tal-pretensjonijiet tal-parti li tressaq it-talba.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tevalwa liberament it-tagħrif dwar il-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kwistjoni, tal-portata tax-xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat billi jiġi eskluż ix-xogħol imwettaq, saħansitra qabel ma’ ġie adit it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mid-dipartimenti tagħha. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għat-tressiq ta’ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni huma, bħala prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim anki qabel ma dan jitressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fir-rigward tal-portata tax-xogħol marbut mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija l-qorti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

(ara l-punti 25 sa 30 u 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġeneral: digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T-515/09 P‑DEP, EU:T:2013:269, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 29, u Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, F‑84/10 DEP, EU:F:2014:41, punti 20 u 22‑24, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-Artikoli 3 u 4 tal- Protokoll fuq il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeżentaw lil din tal-aħħar minn kull taxxa diretta u b’mod partikolari mid-dazji doganali fir-rigward tal-materjal intiż għal użu uffiċjali, filwaqt li vantaġġi eventwali rikonoxxuti lill-Unjoni fil-qasam tat-taxxi indiretti, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud, jitħallew għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri u huma suġġetti għall-kundizzjonijiet imposti mill-protokoll imsemmi. Fi kwalunkwe każ, ix-xiri ta’ servizzi mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal meta jsiefru f’missjoni ma humiex eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

(ara l-punt 47)