Language of document : ECLI:EU:F:2014:254

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

26 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑57/11 DEP

Gustav Eklund

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Obbligu ta’ rikorrent li tilef li jbati dawn l-onorarji — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt ta’ aċċess għal qorti”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, taħt l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura fis-seħħ dak iż-żmien (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura l-qodma”) mill-Kummissjoni Ewropea, wara s-sentenza Eklund vs Il‑Kummissjoni (F‑57/11, EU:F:2012:145).

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-Kummissjoni Ewropea mingħand G. Eklund fil-Kawża F‑57/11, Eklund vs Il‑Kummissjoni, huwa stabbilit għas-somma ta’ EUR 5 709, miżjud bl-interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas effettiv, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjud bi tliet punti perċentwali u nofs.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikonoxximent mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Spejjeż sostnuti minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Kundanna tal-parti l-oħra għar-rimborż tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru — Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

1.      Jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, li l-istituzzjonijiet huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar tidħol għalhekk fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni hija marbuta turi li tali assistenza kienet oġġettivament iġġustifikata.

F’dan ir-rigward, il-fatt li istituzzjoni tkun qabbdet numru ta’ aġenti u avukat ma għandu ebda konsegwenza fuq in-natura tal-ispejjeż li potenzjalment jistgħu jinġabru, peress li bħala prinċipju xejn ma jippermetti li dawn jiġu esklużi, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura li għandhom finalment jinġabru. Kull evalwazzjoni oħra li tissuġġetta d-dritt ta’ istituzzjoni, li jintalbu integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-demostrazzjoni ta’ neċessità “oġġettiva” li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u korpi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Tali evalwazzjoni ma hijiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intervent ta’ wieħed jew ta’ diversi aġenti flimkien mal-avukat inkwistjoni jirrikonċilja mas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti Dietz vs Il‑Kummissjoni, 126/76 DEP, EU:C:1979:158, punt 6, u Il‑Kummissjoni vs Kallianos, C‑323/06 P‑DEP, EU:C:2012:49, punti 10 u 11

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P‑DEP, EU:T:2012:147, punt 20, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, EU:T:2013:269, punti 14 u 15

2.      Id-dritt ta’ aċċess għal imħallef huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li issa huwa espress fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ggarantit minn dan l-artikolu huwa dritt konkret u effettiv u mhux teoretiku jew illużorju.

F’dan ir-rigward, jekk il-ġbir minn parti kkundannata għall-ispejjeż li huma manifestament eċċessivi jista’ jaffettwa n-natura konkreta u effettiva tad-dritt ta’ aċċess għal imħallef, minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda li sabiex jiġi żgurat rimedju legali effettiv, il-persuni li ma humiex iħallsu l-ispejjeż kollha jew parzjali marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza legali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn assistenza legali; min-naħa l-oħra, ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermettu biss li jinġabru l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet ta’ proċedura.

(ara l-punti 40 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 40 u 42