Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Thüringer Finanzgericht (il-Ġermanja) fit-12 ta’ Novembru 2019 – Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH vs Hauptzollamt Erfurt

(Kawża C-825/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Thüringer Finanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Beeren-, Wild-, Feinfrucht GmbH

Konvenut: Hauptzollamt Erfurt

Domandi preliminari

L-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“KDU”) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika biss għall-applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tkun tgħodd mill-1 ta’ Mejju 2016?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: L-Artikolu 211 tal-KDU għandu jiġi applikat, fil-każ tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv li fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni huwa qabel l-1 ta’ Mejju 2016, biss jekk l-awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tiġi effettivament mitluba qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni ġdida, iżda fejn l-awtoritajiet doganali ċaħdu tali applikazzjonijiet għall-ewwel darba biss wara l-1 ta’ Mejju 2016?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: L-Artikolu 211 tal-KDU għandu jiġi applikat għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni b’effett retroattiv li fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni huwa qabel l-1 ta’ Mejju 2016 anki meta l-awtoritajiet doganali jkunu ċaħdu tali applikazzjonijiet kemm qabel l-1 ta’ Mejju 2016 kif ukoll wara din id-data (b’motivazzjoni differenti)?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi u risposta fin-negattiv għat-tielet domanda: L-Artikolu 294(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li

a)    awtorizzazzjoni b’effett retroattiv tista’ tingħata sal-mument li fih l-awtorizzazzjoni preċedenti tkun tilfet l-effett tagħha kif previst fil-paragrafu 3 tad-dispożizzjoni, u dan mill-iktar għal perijodu ta’ sena qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u

b)    il-prova tan-neċessità ekonomika prevista fil-paragrafu 3 tad-dispożizzjoni kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe tentattiv ta’ manuvra jew ta’ negliġenza manifesta għandha tiġi prodotta għall-awtorizzazjoni suċċessiva skont il-paragrafu 2?

____________

1     ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.