Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Awwissu 2007 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-86/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), kif ifformulata, li biha ġiet miċħuda, mill-konvenuta, it-talba tar-rikorrent ta' l-10 ta' Lulju 2006, li huwa ressaq lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jikseb kumpens, f'forma speċifika jew ekwivalenti, għad-dannu kkawżat lilu minn fatti, atti u aġir illegali, u b'mod partikolari minn abbuż psikoloġiku, li saru minn rappreżentanti tal-konvenuta waqt l-assenjazzjoni tar-rikorrent mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Angola (aktar 'il quddiem id-"dannu in kwistjoni");

tannulla, safejn ikun meħtieġ, in-nota tad-9 ta' Ottubru 2006, Protokoll PMO.3/MLP/mc D(2006) 9277;

tannulla, safejn ikun meħtieġ, in-nota tat-23 ta' April 2007, Referenza ADMINB.2/MB/ade D(2007) 8725, li biha ġie miċħud l-ilment magħmul mir-rikorrent fis-27 ta' Diċembru 2006 kontra d-deċiżjoni kkontestata u n-nota tad-9 ta' Ottubru 2006;

tannulla, sakemm ikun raġonevoli, in-nota tas-27 ta' Settembru 2005, Referenza ADMIN/IDOC/GC/eh D(2005) 22005;

tiżgura li l-atti, il-fatti u l-aġir indikati fit-talba ta' l-10 ta' Lulju 2006 tar-rikorrenti huma awtentiċi, bil-konsegwenti, safejn ikun meħtieġ u wkoll b'mod inċidentali, dikjarazzjoni ta' illegalità ta' l-istess, kif ukoll, subordinatament, tikkundanna lill-konvenuta li tagħmel stħarriġ mingħajr dewmien;

tikkundanna lill-konvenuta tibgħat lir-rikorrent, mingħajr dewmien u bil-miktub, ir-riżultati ta' l-imsemmi stħarriġ u tippubblika dawn ir-riżultati kif jixraq kif ukoll li tiggarantixxi l-aċċess għall-pubbliku;

tikkundanna lill-konvenuta teqred, mingħajr iżjed dewmien, l-oriġinali u l-kopji kollha tan-nota ta' arkivju ta' l-14 ta' Awwissu 2001, intitolata "Conduite professionnelle de M. Luigi Marcuccio, conseiller économique à la délégation en Angola", u tinnotifika lir-rikorrent b'dan bil-miktub;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 1,520,000, jew dik is-somma akbar jew iżgħar li t-Tribunal jiddeċiedi li hija ġusta u ekwa, bħala kumpens, sad-data tal-lum, għal dik il-parti tad-dannu in kwistjoni diġà kkawżata lir-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, għal kull ġurnata bejn għada u bejn dik meta, jintlaqgħu t-talbiet kollha ta' dan ir-rikors u d-deċiżjonijiet relattivi jkunu mingħajr eċċezzjoni implementati, is-somma ta' EUR 1,000, jew dik is-somma akbar jew iżgħar li t-Tribunal jiddeċiedi li hija ġusta u ekwa, somma li għandha titħallas fl-ewwel ġurnata ta' kull xahar fir-rigward tad-drittijiet li jkunu mmaturaw fix-xahar preċedenti, bħala kumpens għal dik il-parti tad-dannu in kwistjoni li ssir fit-terminu ta' żmien bejn għada u l-ġurnata ta' implementazzjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn ta' l-argumenti tiegħu, ir-rikorrent iressaq it-tliet motivi li ġejjin: 1) nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba nuqqas ta' loġika, nuqqas ta' kongruenza, nuqqas ta' raġuni, konfużjoni u argumenti mhux konvinċenti tar-raġunijiet mogħtija mill-konvenuta; 2) ksur ta' liġi li għandu natura gravi, ovvju u manifest; 3) ksur ta' l-obbligu ta' premura u ta' amminstrazzjoni tajba.

____________