Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fit-28 ta’ Frar 2020 – Līga Šenfelde vs Lauku atbalsta dienests

(Kawża C-119/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti fl-ewwel istanza u appellata fl-appell: Līga Šenfelde

Parti oħra fil-proċedura: Lauku atbalsta dienests

Domandi preliminari

L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 1 , moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-istess regolament u mal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

bidwi jitlef il-kwalità ta’ “bidwi żagħżugħ” minħabba s-sempliċi fatt li huwa kien irċieva, sentejn qabel, l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii) tar-Regolament Nru 1305/2013?

dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lil Stat Membru li jadotta regoli li jipprojbixxu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 19(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1305/2013 lil bidwi li jkun diġà rċieva l-għajnuna prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii)?

Stat Membru għandu d-dritt li jirrifjuta l-applikazzjoni tal-kumulu tal-għajnuna lil bidwi meta l-ordni ta’ kumulu stabbilita fil-programm ta’ żvilupp rurali miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea ma tkunx ġiet osservata?

____________

1     ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1.