Language of document : ECLI:EU:C:2018:596

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Lulju 2018 (*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta l-forma ta’ biċċa ċikkulata b’erba’ ċangaturi – Appell dirett kontra l-motivi – Inammissibbiltà – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(3) – Prova ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu”

Fil-Kawżi magħquda C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, l-ewwel tnejn, fil-15 ta’ Frar 2017 u, l-aħħar wieħed, fit-22 ta’ Frar 2017,

Société des produits Nestlé SA, stabbilita f’Vevey (l-Isvizzera), irrappreżentata minn G.S.P. Vos, advocaat, u S. Malynicz, QC,

rikorrenti,

sostnuta minn:

European Association of Trade Mark Owners (Marques), stabbilita f’Leicester (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Viefhues, Rechtsanwalt,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li qabel kienet Cadbury Holdings Ltd, stabbilita f’Uxbridge (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. Mitcheson, QC, u J. Lane Heald, barrister, b’mandat ta’ P. Walsh u J. Blum, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza (C‑84/17 P),

Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li qabel kienet Cadbury Holdings Ltd, stabbilita f’Uxbridge (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. Mitcheson, QC, u J. Lane Heald, barrister, b’mandat ta’ P. Walsh, J. Blum u C. MacLeod, solicitors,

rikorrenti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Société des produits Nestlé SA, stabbilita f’Vevey (l-Isvizzera), irrappreżentata minn G.S.P. Vos, advocaat, u S. Malynicz, QC,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C-85/17 P),

u

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li qabel kienet Cadbury Holdings Ltd, stabbilita f’Uxbridge, irrappreżentata minn T. Mitcheson, QC, u J. Lane Heald, barrister, b’mandat ta’ P. Walsh u J. Blum, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Société des produits Nestlé SA, stabbilita f’Vevey, irrappreżentata minn G.S.P. Vos, advocaat, u S. Malynicz, QC,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑95/17 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appelli rispettivi tagħhom, Société des produits Nestlé SA (iktar ’il quddiem “Nestlé”), Mondelez UK Holdings & Services Ltd, li qabel kienet Cadbury Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Mondelez”) u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2016, Mondelez UK Holdings & Services vs EUIPO – Société des produits Nestlé (Forma ta’ biċċa ċikkulata) (T-112/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:735), li permezz tagħha hija annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Diċembru 2012 (Każ R 513/2011‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Cadbury Holdings u Nestlé (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1):

“It-trade mark tal-[Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni kollha]: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-[Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

3        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-[Unjoni].

3.      Il-paragrafu 1(b), (c) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.”

4        L-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament kien redatt kif ġej:

“1.      Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

(a)      meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

[…]

2.      Meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b), (c) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza tal-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.

3.      Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun teżisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.”

5        L-Artikolu 65 tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.      Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

2.      Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

4.      Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.

5.      Il-kawża għandha tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6.      L-[EUIPO] huwa meħtieġ li jieħu -miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        Fil-21 ta’ Marzu 2002, Nestlé talbet quddiem l-EUIPO ir-reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali li ġej:

Image not found

8        Ir-reġistrazzjoni ntalbet għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Fit-28 ta’ Lulju 2006, is-sinjal hawn fuq riprodott ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 30, li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħelu [sweets]; prodotti tal-ħami, oġġetti tal-għaġina, gallettini; kejkijiet, wejfers” (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”).

9        Fit-23 ta’ Marzu 2007, Cadbury Schweppes plc (li saret Cadbury Holdings Ltd, imbagħad Mondelez) ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-11 ta’ Jannar 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet din it-talba u ddikjarat l-invalidità tat-trade mark kontenzjuża. Fuq appell ta’ Nestlé, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. B’mod partikolari, huwa qies li minkejja li, ċertament, it-trade mark kontenzjuża kienet nieqsa minn karattru distintiv inerenti għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, Nestlé kienet uriet, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li din it-trade mark kienet kisbet tali karattru għall-istess prodotti, permezz tal-użu li kien sar minnha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2013, Mondelez ippreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi. Il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, u diviż f’erba’ partijiet.

11      Fil-punti 21 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat u laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez. Kif jirriżulta mill-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li Nestlé kienet ipprovat l-użu tat-trade mark kontenzjuża għall-prodotti tal-ħami, oġġetti tal-għaġina, kejkijiet u wejfers. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali analizzat il-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv ta’ Mondelez biss fir-rigward tal-ħelu (sweets) u l-gallettini. Il-punti 21 sa 44 tas-sentenza appellata ma huma previsti minn ebda wieħed mill-appelli.

12      Fil-punti 45 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez, dwar l-assenza ta’ użu tat-trade mark kontenzjuża fil-forma li fiha hija kienet ġiet irreġistrata.

13      Fil-punti 65 sa 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tielet parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez, dwar l-assenza ta’ użu tat-trade mark kontenzjuża bħala indikatur tal-oriġini u l-insuffiċjenza tal-provi f’dan ir-rigward. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark kontenzjuża, ippreżentati minn Nestlé quddiem l-EUIPO, kienu jikkostitwixxu elementi rilevanti li, evalwati globalment, setgħu juru li, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, l-imsemmija trade mark kienet ipperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punt 107 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell kien wettaq eżami tal-kisba tal-karattru distintiv tat-trade mark kontenzjuża bis-saħħa ta’ din it-trade mark u kien sostna b’mod konkret il-konklużjonijiet tiegħu dwar tali kisba fir-rigward tad-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

14      Finalment, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 112 sa 178 tas-sentenza appellata, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv ta’ Mondelez. Fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball, meta ddeċieda, essenzjalment, li, għall-finijiet tal-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu fl-Unjoni kollha, kien biżżejjed li jintwera li parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti fl-Unjoni, fl-Istati Membri kollha u fir-reġjuni kollha flimkien, kienet tipperċepixxi t-trade mark inkwistjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti li din it-trade mark kienet tindika u li ma kienx meħtieġ li jiġi pprovat il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ tali trade mark f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

15      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 144 u 145 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx eskluż li, minkejja din l-interpretazzjoni żbaljata fid-dritt tal-kriterju ta’ eżami intiż sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ trade mark fl-Unjoni kollha, il-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni korretta ta’ dan il-kriterju meta eżamina l-provi ppreżentati minn Nestlé. Għalhekk, hija kkunsidrat li kellha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-imsemmija provi mill-Bord tal-Appell.

16      Wara l-eżami tal-provi relatati ma’ Franza, l-Italja, Spanja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u l-Isvezja, il-Finlandja u l-Awstrija, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 146, 148, 151, 153, 155, 158, 159, 164 u 167, rispettivament, tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien korrett meta qies li kien ġie stabbilit li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’dawn l-Istati Membri.

17      Madankollu, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Bord tal-Appell ma ddeċidiex espliċitament dwar il-kwistjoni jekk kienx stabbilit li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall u li huwa lanqas ma kien inkluda lil dawn l-Istati Membri fost dawk li fir-rigward tagħhom huwa kien qies li tali kisba kienet ġiet ipprovata.

18      Mill-punti 177 sa 179 tal-istess sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, għalhekk, laqgħet ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju ta’ Mondelez u annullat id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, peress li l-eżami tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark kontenzjuża ma kienx sar b’mod validu, billi dan il-bord ma kienx iddeċieda fuq il-perċezzjoni tal-imsemmija trade mark mill-pubbliku rilevanti senjatament fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall u billi astjena milli janalizza l-provi ppreżentati minn Nestlé fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑84/17 P, Nestlé titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u

–        tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.

20      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑85/17 P, Mondelez titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punti 37 sa 44, 58 sa 64, 78 sa 111 u 144 sa 169 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punt 177 tal-istess sentenza, sa fejn jirrileva, “[f]il-fatt, minkejja li ġie stabbilit li t-trade mark [kontenzjuża] kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit”.

21      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑95/17 P, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata u

–        tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2017, il-Kawżi C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

23      Fir-risposta tagħha, Nestlé titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell fil-Kawża C‑85/17 P bħala manifestament inammissibbli jew manifestament infondat permezz ta’ digriet jew, sussidjarjament, permezz ta’ sentenza, u

–        tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż.

24      Fir-risposta tagħha, Mondelez titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appelli fil-Kawżi C‑84/17 P u C‑95/17 P, u

–        tikkundanna lil Nestlé u lill-EUIPO, rispettivament, għall-ispejjeż f’dawn iż-żewġ kawżi.

25      Fir-risposta tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tilqa’ l-appell fil-Kawża C‑84/17 P;

–        tiċħad l-appell fil-Kawża C‑85/17 P, u

–        tikkundanna lil Mondelez għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2017, il-European Association of Trade Mark Owners (Marques) (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Proprjetarji ta’ Trade Marks (Trade Marks), iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni Trade Marks”) talbet, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tiġi ammessa tintervjeni fit-tilwima fil-Kawża C‑84/17 P, insostenn tat-talbiet ta’ Nestlé, rikorrenti f’din il-kawża. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

27      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2018, Nestlé talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, minn naħa, hija tinvoka element li, fl-opinjoni tagħha, jikkostitwixxi fatt ġdid, li feġġ wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. B’hekk, hija ssostni li hija kienet ressqet fil-proċess tal-każ quddiem l-EUIPO elementi intiżi li jistabbilixxu li, għal dak li jirrigwarda l-prodott kopert mit-trade mark kontenzjuża, il-provi prodotti għas-suq Daniż, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Olandiż, Awstrijak, Finlandiż, Svediż u tar-Renju Unit kienu japplikaw ukoll għas-suq Belġjan, Grieg, Irlandiż, Lussemburgiż u Portugiż. L-indikazzjoni fis-sens kuntrarju li tinsab fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tirriżulta minn tweġiba żbaljata tal-avukat ta’ Nestlé, li ma kienx fehem is-sens tal-mistoqsija li kienet saritlu, fis-seduta, mill-Avukat Ġenerali.

29      Min-naħa l-oħra, Nestlé ssostni li l-eżistenza ta’ żball fit-traduzzjoni fil-lingwa Ingliża tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307), imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tkun is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet.

30      Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità sħiħa u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha huwa jasal għalihom.

32      Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO, C‑418/16 P, EU:C:2018:128, il-punt 30).

33      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha.

35      Fil-fatt, l-allegazzjonijiet ta’ Nestlé, miġbura fil-qosor fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, ma juru ebda fatt ġdid, sa fejn dawn jirreferu għal elementi li kienu diġà fil-proċess tal-kawża qabel is-seduta. Dawn l-allegazzjonijiet jikkostitwixxu, fir-realtà, attentat ta’ Nestlé sabiex traġġa’ lura d-dikjarazzjonijiet li saru matul is-seduta mill-avukat tagħha. Fir-rigward tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307), għandu jiġi rrilevat li, fid-data tas-seduta, din is-sentenza kienet disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u l-partijiet setgħu għalhekk jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ żbalji ta’ traduzzjoni li seta’ kien hemm, fil-każ li huma kienu jqisu li dawn l-iżbalji kellhom rilevanza partikolari għall-kawżi ineżami.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet peċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appelli

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C85/17 P

 L-argumenti tal-partijiet

37      Nestlé ssostni li l-appell ta’ Mondelez huwa inammissibbli, peress li din tal-aħħar titlob biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla ċerti partijiet tal-motivi tas-sentenza appellata u mhux id-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

38      Mondelez ssostni li l-appell tagħha huwa ammissibbli minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha. Iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi wħud mill-argumenti tagħha għandha impatt fuq l-eżami li l-Bord tal-Appell huwa mitlub iwettaq wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Peress li l-imsemmi Bord huwa marbut biċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti, Mondelez tqis li hija għandha tkun tista’ tikkontesta s-sentenza appellata. Insostenn tal-argument tagħha, hija tinvoka l-punti 19 sa 26 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461).

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza minn “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

40      It-talbiet tal-partijiet fl-istanza huma, fil-prinċipju, milqugħa jew miċħuda fid-dispożittiv ta’ sentenza. Għalhekk, l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura jeżiġi li t-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, kif din tkun tidher fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

41      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ssemmi l-prinċipju fundamentali fil-qasam tal-appell li skontu l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun limitat għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 51).

42      Fil-fatt, appell li ma huwiex intiż sabiex jikseb annullament, tal-inqas parzjali, tas-sentenza appellata, jiġifieri tad-dispożittiv tagħha, iżda sempliċement għall-bidla ta’ xi wħud mill-motivi ta’ din is-sentenza huwa inammissibbli (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 44 kif ukoll 50).

43      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet tal-appell ta’ Mondelez ma jsemmux l-annullament tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda biss ta’ ċerti motivi ta’ din is-sentenza.

44      Ċertament, fis-sentenza tat-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461, punti 19 sa 26), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-ammissibbiltà ta’ appell li ma kienx jipprevedi l-annullament ta’ punt speċifiku tad-dispożittiv ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, peress li mill-motivi ta’ din is-sentenza kien jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet ħadet deċiżjoni li ma kinitx espressament stipulat fid-dispożittiv tagħha.

45      Madankollu, b’differenza minn dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-aħħar, ma jirriżultax mill-motivi tas-sentenza appellata, previsti mill-appell ta’ Mondelez, li dawn jinkludu deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad kap tat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

46      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark kontenzjuża kienet nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku, iżda kienet kisbet tali karattru permezz tal-użu, b’tali mod li t-talba ta’ Mondelez, intiżi għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it- trade mark, kellha tiġi miċħuda.

47      L-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li, barra minn hekk, kienet favur Mondelez, ma kinitx tikkonċerna t-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li, kif jirriżulta mill-punt 16 tas-sentenza appellata, Nestlé kienet irtirat, matul is-seduta, il-kap tat-talbiet tagħha intiż għall-annullament ta’ din l-ewwel parti.

48      Għalhekk, quddiem il-Qorti Ġenerali, kienet biss inkwistjoni t-tieni parti tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, mill-punti 12 u 15 tas-sentenza appellata jirriżulta li t-talbiet tar-rikors ta’ Mondelez kienu intiżi biss għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u għall-kundanna tal-partijiet l-oħra għall-ispejjeż.

49      Issa, għalkemm, fil-punti tas-sentenza appellata koperti mill-appell ta’ Mondelez, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ċerti argumenti invokati minnha insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija laqgħet oħrajn u, finalment, laqgħet it-talbiet għal annullament ta’ Mondelez, billi annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha.

50      Minn dan isegwi li l-appell ta’ Mondelez ifittex biss li jibdel xi wħud mill-motivi tas-sentenza appellata, b’tali mod li appell bħal dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

51      Fid-dawl tan-natura univoka tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata fuq il-bażi tal-argument ta’ Mondelez li l-Bord tal-Appell huwa marbut bil-motivi tas-sentenza appellata, ikkontestati bl-appell tagħha.

52      Fi kwalunkwe każ, l-awtorità ta’ res judicata testendi biss għall-motivi ta’ sentenza li jikkostitwixxu is-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha u li huma, minħabba dan il-fatt, inseparabbli minnu (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għalhekk, f’każ ta’ annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni tal-EUIPO, il-motivi li fuqha din il-qorti ċaħdet ċerti argumenti invokati mill-partijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

54      Għalhekk, fil-kawża ineżami, kuntrarjament għal dak li ssostni Mondelez, il-Bord tal-Appell ma huwiex marbut biċ-ċaħda ta’ ċerti argumenti, mill-Qorti Ġenerali, u din il-kumpannija tista’ tqajjem, jekk ikun il-każ, dawn l-istess argumenti, fil-kuntest ta’ eventwali rikors ġdid kontra d-deċiżjoni li tiġi adottata wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell fil-Kawża C‑85/17 P għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-appelli fil-Kawżi C84/17 P u C95/17 P

56      Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑84/17 P, Nestlé tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament.

57      Min-naħa tiegħu, l-EUIPO jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑95/17 P, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament.

58      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bħalma kkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell tal-aħħar, għalkemm formalment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iwassal, fir-realtà, għall-kritika li l-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball ta’ liġi bħal dak previst mit-tieni aggravju ta’ dan l-istess appell. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-ewwel aggravju, l-EUIPO jsostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 139 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata b’kontradizzjoni. Issa, li kieku dan kien il-każ, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

59      Konsegwentement, l-uniku aggravju tal-appell fil-Kawża C‑84/17 P u ż-żewġ aggravji tal-appell fil-Kawża C‑95/17 P għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

60      Nestlé, sostnuta mill-Assoċjazzjoni Trade Marks, u l-UASI jsostnu li, billi ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi pprovata fir-rigward tat-territorju kollu tal-Unjoni u mhux biss fir-rigward ta’ parti sostanzjali jew il-parti l-kbira tiegħu, u li, għalhekk, il-kisba ta’ tali karattru ma tistax tiġi stabbilita meta l-provi tal-użu ma jkoprux parti mill-Unjoni, anki mhux sostanzjali jew li tikkonsisti biss fi Stat Membru wieħed, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307).

61      Skont Nestlé, l-Assoċjazzjoni Trade Marks u l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta qies li kien biżżejjed li jintwera li parti sinjifikattiva mill-pubbliku rilevanti fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri kollha u r-reġjuni kollha flimkien, kienet tipperċepixxi trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade mark kontenzjuża u li ma kienx meħtieġ li jiġi pprovat il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu fl-Istati Membri kollha kkonċernati.

62      Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, mingħajr ma ppronunzja ruħu fir-rigward tal-perċezzjoni ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall, u mingħajr ma analizza l-provi prodotti għal dawn l-Istati Membri.

63      Nestlé, l-Assoċjazzjoni Trade Marks u l-UASI jsostnu li, billi tiffoka fuq is-swieq nazzjonali meqjusa individwalment, din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija inkompatibbli mal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-eżistenza stess ta’ suq uniku. Fil-fatt, il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jimplika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fruntieri territorjali tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, hekk kif jikkonferma l-punt 44 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816).

64      Għall-kuntrarju, Mondelez tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod korrett l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307). Fil-fehma tagħha, ma huwiex biżżejjed li trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun distintiva f’parti sinjifikattiva tal-Unjoni jekk ma tkunx distintiva f’parti oħra tal-Unjoni, anki jekk din il-parti l-oħra tikkonsisti biss fi Stat Membru wieħed.

65      Mondelez tqis li deċiżjoni differenti twassal għar-riżultat paradossali li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, li kellha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv fi Stat Membru wieħed, tista’ madankollu tiġi rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li din tkun tista’ tiġi invokata quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju u tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha.

67      Kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, jirriżulta mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġi aċċettat għar-reġistrazzjoni, sinjal għandu jkollu karattru distintiv fl-Unjoni kollha. Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din ma jkollhiex karattru distintiv f’parti mill-Unjoni.

68      Issa, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li kisbu karattru distintiv permezz tal-użu, għandu jinqara fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit. B’hekk, mill-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, sabiex jiġi aċċettat għar-reġistrazzjoni, sinjal għandu jkollu karattru distintiv, intrinsiku jew miksub mill-użu, fl-Unjoni kollha.

69      F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi indikat li s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), invokata minn Nestlé u l-EUIPO, hija irrilevanti, peress li din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, dwar l-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea diġà rreġistrata.

70      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti prevalenti fir-rigward tal-verifika tal-użu ġenwin ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), liema dispożizzjoni ġiet riprodotta mingħajr tibdil fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huma analogi għal dawk li jikkonċernaw il-kisba tal-karattru distintiv ta’ sinjal permezz tal-użu bil-għan tar-reġistrazzjoni tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding, C‑12/12, EU:C:2013:253, punt 34).

71      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għall-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ “użu ġenwin fil-Komunità” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhomx jitqiesu l-fruntieri tat-territorju tal-Istati Membri, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Colloseum Holding (C‑12/12, EU:C:2013:253) ma tikkonċernax il-portata ġeografika rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ użu ġenwin fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-użu ġenwin ta’ trade mark fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni hija ssodisfatta meta trade mark irreġistrata, li tkun kisbet il-karattru distintiv tagħha wara l-użu ta’ trade mark kumplessa oħra li tagħha hija tikkostitwixxi wieħed mill-elementi, tintuża biss mill-intermedjarju ta’ din it-trade mark kumplessa l-oħra, jew meta din tintuża biss flimkien ma’ trade mark oħra, u l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, barra minn hekk, hi stess irreġistrata bħala trade mark.

72      Il-punt 34 tas-sentenza tat-18 ta’ April 2013 Colloseum Holding C‑12/12, EU:C:2013:253) ma jistax għalhekk jinqara fis-sens li r-rekwiżiti prevalenti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata territorjali li jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark permezz tal-użu huma analogi għal dawk li jippermettu ż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata.

73      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea diġà rreġistrata, ma teżisti ebda dispożizzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li ma jistax ab initio jitqies li tali użu huwa nieqes, għas-sempliċi raġuni li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx ġiet użata f’parti mill-Unjoni.

74      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk huwa ġġustifikat li wieħed jistenna li trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun suġġetta għal użu f’territorju usa’ minn dik ta’ Stat Membru wieħed sabiex dan ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “użu ġenwin”, ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, is-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet irreġistrata jkun, fil-fatt, delimitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li l-użu tal-imsemmija trade mark f’dan it-territorju jista’ jwieġeb għall-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 50).

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kisba minn trade mark ta’ karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li sinjal jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk tingħata prova li huwa akkwista, permezz tal-użu li kien sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni fejn ma kellux ab initio tali karattru, fis-sens tal-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 83). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-parti tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed biss.

76      Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ trade mark nieqsa minn karattru distintiv ab initio fl-Istati Membri kollha, tali trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont din id-dispożizzjoni biss jekk jintwera li hija kisbet karattru distintiv permezz tal-użu fit-territorju kollu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI, C‑98/11 P, EU:C:2012:307, punti 61 u 63).

77      Ċertament, fil-punt 62 tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli vs UASI (C‑98/11 P, EU:C:2012:307), invokata minn Nestlé u l-EUIPO, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, anki jekk huwa minnu li l-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tintwera fir-rigward tal-parti mill-Unjoni fejn din it-trade mark ma kellhiex ab initio tali karattru, ikun eċċessiv li wieħed jeżiġi li l-prova ta’ tali kisba tinġieb fir-rigward ta’ kull Stat Membru meqjus individwalment.

78      Madankollu, kuntrarjament għal dak li jallegaw Nestlé u l-EUIPO, ma jirriżultax minn din il-kunsiderazzjoni li, meta trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku madwar l-Unjoni, huwa biżżejjed, sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li wieħed jipprova li hija kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’parti sinjifikattiva tal-Unjoni, anki meta din il-prova ma ġietx prodotta fir-rigward ta’ kull Stat Membru.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-distinzjoni bejn, minn naħa, il-fatti li għandhom jiġu pprovati, jiġifieri l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu minn sinjal nieqes minn karattru intrinsiku, u, min-naħa l-oħra, il-mezzi ta’ provi li jistgħu juru dawn il-fatti.

80      Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma timponi li tiġi stabbilita bi provi distinti l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’kull Stat Membru meqjus individwalment. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-provi tal-kisba, minn sinjal partikolari, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu huma rilevanti fir-rigward ta’ diversi Stati Membri, jew l-Unjoni kollha.

81      B’mod partikolari, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa possibbli li, għal ċerti prodotti jew servizzi, l-operaturi ekonomiċi jkunu ġabru flimkien diversi Stati Membri fi ħdan l-istess sistema ta’ distribuzzjoni u jkunu ttrattaw dawn l-Istati Membri, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-istrateġiji tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni, daqslikieku kienu jikkostitwixxu suq nazzjonali wieħed. F’dan il-każ, il-provi tal-użu ta’ sinjal f’tali suq transkonfinali jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-Istati Membri kkonċernati kollha.

82      L-istess japplikka fejn, minħabba l-prossimità ġeografika, kulturali jew lingwistika bejn żewġ Stati Membri, il-pubbliku rilevanti ta’ wieħed minnhom ikollu għarfien suffiċjenti ta’ prodotti jew servizzi preżenti fis-suq nazzjonali tat-tieni.

83      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm ma huwiex meħtieġ, għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ta’ trade mark nieqsa ab initio minn karattru distintiv fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, li tiġi prodotta l-prova, għal kull Stat Membru meqjus individwalment, tal-kisba minn din it-trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, il-provi prodotti għandhom jippermettu li tintwera tali kisba fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

84      Dan premess, il-kwistjoni ta’ jekk il-provi prodotti humiex biżżejjed sabiex jipprovaw il-kisba, minn sinjal partikolari, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fil-parti mit-territorju tal-Unjoni fejn dan is-sinjal ma kellux ab initio tali karattru taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-provi li hija l-kompitu, fl-ewwel lok, tal-istanzi tal-EUIPO.

85      Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali li, meta jiġi ppreżentat rikors quddiemha kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, hija unikament kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u, għalhekk, sabiex tevalwahom. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitiwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, ta’ provi prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ liġi mressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, EU:C:2002:506, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, jekk l-istanzi tal-EUIPO jew il-Qorti Ġenerali, wara li jkunu evalwaw il-provi kollha li ġew ippreżentati quddiemhom, iqisu li xi wħud minn dawn il-provi huma suffiċjenti sabiex jipprovaw il-kisba, minn sinjal partikolari, ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fil-parti mill-Unjoni fejn huwa ma għandux tali karattru ab initio u sabiex jiġġustifikaw, għalhekk, ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, huma għandhom jiddikjaraw b’mod ċar dan il-kap ta’ deċiżjoni fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom.

87      F’dan il-każ, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-każ ta’ trade mark li ma għandhiex karattru distintiv intrinsiku fl-Unjoni kollha, il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ din it-trade mark għandu jintwera f’dan it-territorju kollu, u mhux biss f’parti sostanzjali jew fil-parti l-kbira tat-territorju tal-Unjoni, b’mod li, minkejja li tali prova tista’ titressaq b’mod globali fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati kollha jew b’mod separat fir-rigward ta’ diversi Stati Membri jew gruppi ta’ Stati Membri, ma huwiex madankollu suffiċjenti li dak li għandu l-oneru tal-prova sempliċement jipproduċi provi ta’ tali kisba li ma jkoprux parti mill-Unjoni, anki li jirrigwardaw Stat Membru wieħed biss.

88      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-istess kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkunsidrat, fil-punti 170 sa 178 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark kontenzjuża kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu, ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni, fir-rigward tagħha, tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma ta deċiżjoni dwar il-kisba, minn din it-trade mark, ta’ karattru distintiv fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Greċja u fil-Portugall.

89      Minn dan isegwi li l-uniku aggravju tal-appell fil-Kawża C‑84/17 P u ż-żewġ aggravji tal-appell fil-Kawża C‑95/17 P ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda, l-istess bħal dawn l-appelli fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) u (2) tal-istess regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi, minn naħa, li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż fil-każ li diversi partijiet jitilfu l-kawża.

91      Peress li l-appelli ġew kollha miċħuda, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inkluża l-Assoċjazzjoni Trade Marks, fil-kwalità tagħha ta’ intervenjenti fl-appell, skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Société des produits Nestlé SA, European Association of Trade Mark Owners (Marques), Mondelez UK Holdings & Services Ltd u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.